Legislature:
Category:
Reset
Active:

Stabbiliment kummerċjali — Daqq ta' mużika

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li l-pulizija tieħu l-passi meħtieġa kontra stabbiliment kummerċjali li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li jdum ħinijiet twal, anke sas-sigħat bikrin ta' fil-għodu, jdoqqu l-mużika b'volum eċċessiv, b'inkonvenjent kbir għall-ġirien anzjani li joqogħdu fuq l-istabbiliment?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi kull meta rriżulta illi kien hemm xi ksur tar-regolamenti fil-ħanut imsemmi, il-Pulizija ħadet passi u nbdew proċeduri kriminali quddiem il-Qorti.

Pembroke — Tiswija ta' faċċata

Question

Wara l-ispezzjoni msemmija fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 24074, tista' l-Ministru tgħid jekk hux se jkun hemm xi azzjoni li tittieħed fuq il-post indikat?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li mill-ispezzjoni li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant irriżulta li, skond il-policy stabbilita dwar tiswijiet, ix-xogħol mitlub jaqa taħt ir-responsabbilta' ta' l-inkwilini.

Bugibba — St Anthony Stree

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 23997 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq u li issa ġiet riferuta lilu, jista' l-Viċi Ministru jgħid x'passi ħadet l-awtorita' dwar it-trasport pubbliku biex tagħlaq St Anthony Street, f'Buġibba? X'jiġri fil-każ li r-residenti jkollhom bżonn ambulanza jew fire engine għal xi emerġenza f'din it-triq? Kif se tkun aċċessibbli din it-triq f'każ ta' emerġenza?

Response (BORG, TONIO)

Bħal ma jaf l-Onor. Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta u għalhekk nissuġġerilu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.

Gzira — Triq Luqa Briffa - Ilma

Question

X'inhuma r-raġunijiet li għalihom ċerti nħawi fil-Gżira, fosthom partijiet fi Triq Luqa Briffa, il-familji għandhom kwalita' ħażina ta' ilma mill-vit? X'passi oħra se jittieħdu biex titjieb il-kwalita' ta' l-ilma ta' dawn il-familji?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li din il-problema nqalgħet ftit taż-żmien ilu minħabba xi mejnijiet qodma fis-sistema tad-distribuzzjoni ta’ l-ilma tal-akkwata, li kienu l-kawża ta’ ilma bis-sadid. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma bidlet il-kanen fl-istess sistema u l-problema ssolviet ftit tax-xhur ilu. Dan hu kkonfermat mir-riżultalti ta’ analiżi ta’ l-ilma li sar mill-Laboratorju tal-KSI wara li sar ix-xogħol.

Servizz tad-dawl, ilma u drenaġġ

Question

X'passi qed jittieħdu biex jiġi żgurat li s-servizzi pubbliċi tad-dawl, ilma u drenaġġ ikunu adekwati biex ikunu jifilħu għall-bini qawwi li tiela' fl-inħawi tal-Gzira, Tas-Sliema, San Ġiljan u s-Swieqi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma ilha tistudja kif se tiġi effetwata l-provista tal-ilma, minħabba l-proġetti msemmija mill-Onorevoli Interpellant. Fil-fatt, is-sistema tal-ilma fil-lokalitajiet ikkonċernati hija robusta biżżejjed biex tista' tforni mingħajr problemi il-konsum addizzjonali li jiġġeneraw dawn il-proġetti. Rigward id-drenaġġ il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għaddeja b'xogħol ta' tkabbir fis-sistema tad-drenaġġ fil-pumping station tal-Gżira u r-'rising main' li se jkun jista' jlaħħaq maż-żieda fid-drenaġġ f'dawn l-inħawi. L-Enemalta qed tieħu ħsieb biex issaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni ta' l-elettriku f'dawn l-inħawi. Dan it-tisħiħ isir a bażi ta' studji regolari li jsiru biex tkun eżaminata n-network tad-distribuzzjoni f'Malta u Għawdex. L-Enemalta dalwaqt sejra tagħmel pubbliku il-Pjan tad-Distribuzzjoni 2007-2015. Dan id-dokument jagħti dettalji tad-distribuzzjoni kif ukoll ix-xogħolijiet ta' tisħiħ li jridu jsiru fis-snin li ġejjin. Dan il-Pjan tad-Distribuzzjoni ser jikkumplimenta l-Pjan tal-Ġenerazzjoni li ħareġ is-sena l-oħra. A bażi tal-konsum irreġistrat matul is-sajf 2006 u ż-żieda mistennija għas-sajf 2007 fl-inħawi ta' Sliema, Gżira u San Ġiljan, l-'spare capacity' għal dawn il-lokalitajiet għas-sajf 2007 ser tkun ta 20 MVA (bejn wieħed u ieħor 15%). Din l-ispare capacity ppjanata li tibqa' u anke tiżdied minkejja l-iżvilupp.
Leg 10 PQ #24198 Sitting 505 2007-03-12 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Awtorita' Maltija tat-Turiżmu — Postijiet vakanti

Question

Min huma l-persuni responsabbli mid-diversi segments turistiċi fl-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu? Liema segments huma vakanti fit-tmexxija u kif, u meta se jimtlew dawn il-postijiet vakanti? Sakemm idumu vakanti min qed jieħu ħsieb dawn is-segments?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi l-uffiċjali ta' l-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu responsabbli għat-tmexxija tas-segments huma dawn: · Dominic Micallef: Segment Head – History & Culture Segment · Suzanne Cassar Dimech: Segment Head – MICE Segment · Alexandra Valletta: Segment Head – Sports Segment u Language Learning Segment · Stella Vella: Segment Co-Ordinator – Film Industry/Roots Programme · Ian Cilia: Segment Executive – Cruise It-tmexxija tal-Gozo Unit bħalissa tinsab vakanti u qiegħda titmexxa minn John Maistre sakemm tinħatar persnuna biex tmexxiha. Il-Unit tal-Growth Markets huwa mmexxi minn John Maistre: Manager, filwaqt li Carlo Micallef huwa il-Head tat-Tour Operating & Leisure, fi ħdan l-International Marketing Division.
Leg 10 PQ #24199 Sitting 505 2007-03-12 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Awtorita' Maltija tat-Turiżmu — Tmiem ta' impjieg

Question

Mill-1 ta' Settembru, 2006 sa l-aħħar ta' Frar, 2007 kemm kien hemm impjegati li rriżenjaw jew intemmilhom l-impjieg tagħhom ma' l-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu? Min kienu dawn l-impjegati u f'kull każ x'kienet ir-raġuni għat-tmiem ta' l-impjieg?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi n-numru ta’ impjegati li rriżenjaw jew intemmilhom l-impjieg tagħhom ma’ l-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta mill-1 ta’ Settembru 2006 sa l-aħħar ta’ Frar 2007 kien ta’ sitta (6). L-impjegati u r-raġunijiet għat-tmiem ta’ l-impjieg tagħhom kienu kif ġej: Żewġ impjegati rriżenjaw, tnejn aċċettaw l-iskema ta’ rtirar kmieni u żewġ impjegati oħra kellhom il-kuntratt tagħhom terminat.

Gzira — Provvista inkonsistenti tad-dawl

Question

X'inhuma r-raġunijiet li għalihom ċerti toroq fil-gżira fosthom partijiet ta' Triq Luqa Briffa u Triq Giacint Tua għadhom jilmentaw minn provvista inkonsistenti tad-dawl u jkollhom waqfa u żidiet qawwija ta' dawl li jagħmel ħsara fl-apparat li jintuża fid-djar? X'passi se jittieħdu biex jiġu rrimedjati dawn in-nuqqasijiet?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li wara li saret investigazzjoni fuq is-sistema tad-distribuzzjoni fl-inħawi, nstab li l-provvista ta’ l-elettriku kienet qed tkun inkonsistenti minħabba tower crane li kien imqabbad ma’ l-istess circuit. Dan it-tower crane issa ġie mqabbad ma’ circuit ieħor u s-sistema issa ġiet lura għan-normal.
Leg 10 PQ #24088 Sitting 504 2007-03-07 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Low cost airlines

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn liema pajjiżi huma mistennija li l-low cost airlines iġibu 110,000 passiġġier matul is-sena 2007? Jista' jagħti l-istima pajjiż pajjiż?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi matul l-2007 il-linji ta' l-ajru low cost se joperaw minn dawn il-pajjiżi: Luton, Renju Unit - Ryanair Dublin, Irlanda - Ryanair Pisa, Italja - Ryanair Bologna, Italja - Meridiana Stuttgart u Cologne, Ġermanja - German Wings Barcelona, Spanja - Clickair

Appartamenti ġodda f'Manoel Island — Servizz ta' ilma, drenaġġ u elettriku

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi studji saru biex jiġi evalwat jekk is-servizzi ta' l-ilma, drenaġġ u ta' l-enerġija elettrika humiex biżżejjed għaż-żieda qawwija f'appartamenti ġodda li telgħin jew se jitilgħu fl-inħawi ta' Manoel Island, il-ponta ta' Tigne', Pender Place u Fort Cambridge Square?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Sptar Mater Dei — Żjajjar u coffee mornings

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid min qed jawtorizza li jsiru żjajjar u coffee mornings minn kandidati tal-PN fl-isptar Mater Dei?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nippreċiża li fl-iSptar Mater Dei l-ebda deputat ma jorganizza coffee mornings. L-Onorevoli Interpellant probabilment qiegħed jirreferi għaż-żjajjar edukattivi li jagħmlu parti mill-Public Information Programme. L-FMS bagħtet ittri ta’ stedina lil diversi għaqdiet soċjali, politiċi, kulturali u oħrajn biex iħeġġeġ il-parteċipazzjoni tagħhom f’din l-inizjattiva. Ittri ta’ stedina ntbagħtu lill-Trade Unions, Kunsilli Lokali, ċentri ta’ l-anzjani, assoċjazzjonijiet ta’ professjonisti, partiti politiċi, għaqdiet ta’ volontarjat, każini tal-baned, għaqdiet sportivi u għaqdiet mhux governattivi fost oħrajn. Waqt intervent fil-Parlament, il-Ministru tas-Saħħa Dr Louis Deguara kien ukoll stieden lil kull min huwa interessat biex jorganizza żjajjar simili. Ir-rispons sa issa huwa qawwi, tant li mill-2001 sa l-aħħar ta’ l-2006, żaru l-proġett ’il fuq minn 7,500 persuna u madwar 1,500 persuna oħra ipparteċipaw fil-programm mill-bidu ta’ din is-sena sa l-aħħar ta’ Frar. Din il-konkorrenza tixhed biċ-ċar l-għatx għal informazzjoni oġġettiva.

Mellieħa — Skola primarja

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'xogħlijiet saru fis-sena 2006 u x'xogħlijiet qed isiru fis-sena 2007 fl-iskola primarja tal-Mellieħa u, f'kull każ, x'kienet in-nefqa u kemm hu stmat li se tkun in-nefqa?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fis-sena 2006 sar xogħol strutturali fuq il-faċċata, bdiet tinżebagħ id-dawra kollha ta’ l-iskola minn barra u sar ukoll xogħol ta’ bdil tal-waterproofing li n-nefqa globali kienet ta’ Lm12,217.20. Din is-sena qiegħed jitkompla x-xogħol fil-parti li kien fadal fuq il-faċċata b’total ta’ Lm18,000.00.

Mellieħa — Crash barrier

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 23993 u jgħid jekk jistax jitkompla l-crash barrier kollu li hemm fi Triq l-Etna, il-Mellieħa man-naħa tar-residenza ndikata separatament?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi saret site inspection fuq il-post u jirriżulta li din il-fetħa fil-crash barrier hija l-unika aċċess lejn ix-xagħri. Għaldaqstant ġie deċiż li din il-fetħa tiċkien imma titħalla fetħa iżgħar biex jitħalla l-aċċess.

Dar Malta fi Brussell

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid meta huwa maħsub li l-gvern jibda jikri l-ispazju f'Dar Malta fi Brussell li mhux jintuża mill-gvern Malti? Lil min se jikri dan l-ispazju u b'liema prezz?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.

Universita' — Programm ta' l-UE

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa stmat li se jkollha fondi l-Universita' matul is-sena 2007 biex tieħu sehem fi proġetti tal-programm ta' l-Unjoni Ewropea FP7 (2007-2013)? Kemm qed tippjana li jkollha fondi għal dan il-għan bejn l-2007-2013? Liema proġetti se jiġu sottomessi bħala proposti matul l-2007?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Universita' ma tistax tagħti stima fuq kemm ser tieħu fondi mill-Programm tal-Unjoni Ewropea FP7 għas-sena 2007 peress li dan il-programm għadu kif ġie mniedi. L-ewwel sejħa għal proposti ħarġet fit-22 ta' Diċembru 2006 u għalissa l-ebda sejħa m'għadha għalqet. L-Universita' lanqas tista' tagħmel pjan fuq kemm ser ikollha fondi għall-proġetti bejn l-2007 u l-2013 peress li l-proposti mill-pajjzi kollha jiġu evalwati mill-Kummissjoni Ewropea skond il-kriterji stabbiliti minnha stess. Għaldaqstant l-ammont ta' fondi li l-Universita' ser tirċievi jiddependi minn kemm il-proposta magħmula mill-istess Universita' se tintlaqa' mill-Kummissjoni fis-snin li ġejjin. Informat ukoll li peress li l-Programm għadu kif ġie mniedi f'Malta fil-15 ta' Frar 2007, għadu mhux magħruf kemm jew liema proposti ser jiġu sottomessi mill-Universita' matul l-2007.

Universita' — Programm ta' l-UE

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm issottomettiet proposti għall-proġetti l-Universita' ta' Malta għall-programm ta' l-Unjoni Ewropea magħruf bħala FP6 (2002-2006)? Kemm minn dawn il-proposti ġew aċċettati? Jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista ta' dawn il-proġetti u kemm kellhom fondi mill-Unjoni Ewropea u mill-Universita' stess?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li bejn l-2002 u l-2006 l-Universita' ta' Malta issottomettiet 146 proposti għal proġetti biex jiġi finanzjat mill-Programm FP6 u li minnhom ġew aċċettati 33. Lista ta' proġetti kif ukoll id-dettalji fuq il-fond li dawn ingħataw mill-Unjoni Ewropea u mill-Universita' ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 10 PQ #24082 Sitting 503 2007-03-06 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għal Għawdex

Sptar Ġenerali — Hyperbaric unit

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta ġie stallat il-hyperbaric unit fl-isptar ġenerali ta' Għawdex? Xi problemi rriżultawlu biex jibda jaħdem mill-ewwel? Meta hu mistenni jibda jaħdem u jintuża?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ir-Recompression Chamber fil-Hyperbaric Unit ġiet stallata matul ix-xahar ta' Novembru 2006. Ir-raġuni għaliex dan għadu ma' bediex jagħti servizz huwa minħabba sitwazzjoni relatata mad-deployment ta' personnel li ħadu t-taħrig biex jiġu rilaxxati minn taqsimiet oħra fl-isptar għal dan il-Unit. Din qed tiġi indirizzata biex dan il-unit jibda jiffunzjona mill-aktar fis possibli.
Leg 10 PQ #24083 Sitting 503 2007-03-06 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Qasam ta' l-għaddasa

Question

Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-pjan għall-qasam ta' l-għaddasa f'Għawdex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Leg 10 PQ #24085 Sitting 503 2007-03-06 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Pjan għat-turiżmu

Question

Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-pjan għat-turiżmu f'Għawdex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nirreferi lill-Onorevoli Nterpellant għall-"Pre-budget document 2007" fejn hemm elenkat l-interventi tal-Gvern fuq l-oqsma kollha ta' l-ekonomija Għawdxija.
Leg 10 PQ #24086 Sitting 503 2007-03-06 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Titjieb fil-prodott turistiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-proġetti li se jsiru f'Malta u Għawdex u li se jammontaw għal Lm4.4 miljun din is-sena biex jitjieb il-prodott turistiku? Jista' jagħti n-nefqa fuq kull proġett? Meta se jibda x-xogħol fuq kull proġett u meta se jintemm?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-allokazzjoni ta’ Lm4.4 miljun għal proġetti ta’ titjib fil-prodott turistiku u kulturali Malti u Għawdxi, taħt il-budget tas-sena 2007 tal-Ministeru għat-Turiżmu u l-Kultura, tirrelata mal-Fondi Strutturali 2007-2013. Għaldaqstant, f'dan l-istadju mhux prudenti li jingħataw id-dettalji mitluba.