B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 24522, tista' l-Ministru tgħid fiex waslu t-testijiet imsemmija? Jekk tlestew, tista' tgħid x'irriżulta minnhom? Jekk ma tlestewx, meta se jitlestew?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
It-Testijiet imsemmija f'Mistoqsija Parlamentari Numru 24522 għadhom għaddejjin. Dawn jiddependu fuq numru ta' fatturi fosthom kundizzjonijiet atmosferiċi differenti li taħthom iridu jsiru it-testijiet u għaldaqstant nassigura lill-Onorevolli Nterpellant li dawn it-testijiet ser jitlestew fl-iqsar żmien possibli.
Jista' l-Prim Ministru jara għaliex armla, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, minn Settembru 2006 għadha ma tħallsitx il-paga dovuta lilha? Meta se tinħareġ din il-paga?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li dak kollu li kien dovut sew lil armla, li dettalji tagħha ngħataw separatament, kif ukoll lil bint l-individwu ġew diġà mħallsa.
Tista' l-Ministru tgħid meta se jingħata akkomodazzjoni soċjali l-persuna, li d-dettalji tagħha qed jinbagħtu separatament, minħabba d-diffikultajiet kbar li qed jgħixu fihom f'post iffullat peress li qed joqogħdu mal-ġenituri?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-applikazzjoni li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant qed tiġi proċessata.
Peress li l-ground tal-Luxol qed joħloq inkonvenjent ta' ħsejjes għar-residenti ġirien tiegħu f'Pembroke jistgħu jiġu rikkmandati li jittieħdu passi li jnaqqsu jew itaffu dawn il-ħsejjes?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Fis-sena 2003 kemm kien hawn persuni liċenzjati jrabbu t-tiġieġ fl-irziezet u kemm kienu jrabbu? Illum kemm hemm li qegħdin irabbu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
F’Lulju 2004 l-irziezet liċenzjati kellhom kapaċità li jrabbu 512,638 tiġieġa tal-bajd u 1,356,722 tiġieġa tas-simna.
F’Marzu 2007 l-irziezet liċenzjati għandhom kapaċità li jrabbu 532,314-il tiġieġa tal-bajd u 1,005,559 tiġieġ tas-simna.
B'riferenza għat-tweġiba għal mistoqsija parlamentari 24198 dwar segment leader għall-Gozo Unit, jista' l-Ministru jgħid x'qed isir biex il-vakanza timtela'?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi l-internal call għall-Head tal-Gozo Unit għadha kif ħarġet.
Jista' l-ministru jgħid x'inizjattivi ttieħdu sena b'sena fil-bajja ta' l-Għadira, l-Mellieħa mis-sena 2003 sal-lum biex tisbieħ din il-bajja u tilqa' aħjar lill-ħafna li jmorru fiha? Jista' jgħid x'kienet in-nefqa kull sena fuq il-proġetti msemmija?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta ħadet ir-responsabbiltà ta’ beach monitoring mis-sajf ta’ l-2006 li primarjament tikkonsisti f’superviżjoni tal-bajja kif ukoll xogħol ta’ sand sifting. Ninsab infurmat illi n-nefqa għal dan ix-xogħol kienet tammonta għal Lm 4,238.
Barra minn hekk it-taqsima tat-tindif tax-xtut fi ħdan il-Ministeru tieħu ħsieb it-tindif regolari ta’ din il-bajja. It-tindif ta’ l-alka jkompli għaddej fix-xhur tax-xitwa minbarra li jsir ġbir ta’ skart kuljum inkluż il-
weekends
fix-xhur tas-sajf. Ninsab infurmat illi l-ispiża approssimattiva ta’ dan ix-xogħol tlaħħaq Lm 99,513 li minnhom Lm 48,370 huma spejjeż ta’ makkinarju u Lm 51,143 huma pagi u
overtime
tal-ħaddiema.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-ministeru u/jew l-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu għamlux analiżi tar-raġunijiet li għalihom matul is-sena 2006 ġew 73,000 anqas turisti mis-sena 2005 mir-Renju Unit, Ġermanja u Franza? Jista' jpoġġi l-analiżi, jekk saret, fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta tagħmel analiżi kontinwa ta’ kif tkun sejra l-industrija tat-turiżmu f’pajjiżna.
Din l-analiżi ssir sabiex tiggwida l-Awtorità fil-ħidma tagħha. Din il-ħidma qed twassal sabiex it-tnaqqis li semma l-Onor Interpellant qed jinbidel f’żieda.
Il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura u l-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta minn żmien għal żmien jikkumentaw fuq l-andament tas-settur u jagħtu l-analiżi tagħhom. Ma naħsibx li jkun prudenti li mmorru lil hinn minn hekk u nippublikaw rapporti interni.
Jista' l-Ministru jara li fil-pjan li hemm maħsub għall-park flok l-għolja tal-Magħtab, jintlaqa' s-suġġeriment tad-dilettanti taż-żwiemel u ssir bridle path fil-proġett biex jitgawda minnhom?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li din il-proposta diġà qed tkun ikkunsidrata.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 24631 u jgħid matul is-sena 2006 liema proġetti f'Malta u Għawdex saru b'fondi (in parti jew totali) ta' l-Urban Improvement Fund tal-MEPA? Liema proġetti se jiġu ffinanzjati minn dan il-fond matul is-sena 2007?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar; tweġiba tingħata f’Seduta oħra.
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 24630 rigward l-art maġenb il-bitħa ta' l-iskola primarja tal-Mellieħa biex ikunu jistgħu jsiru faċilitajiet sportivi fosthom mini pitch b'turf artifiċjali li għalih hemm fondi mill-UEFA, tista' d-diviżjoni ta' l-edukazzjoni tagħmel it-tali talba msemmija?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Gvern u l-Kunsill Malti għall-iSport diġa' qed jgħinu lill-Mellieħa SC fil-proġett tal-ground tagħhom li hemm ezattament biswit l-iskola. B'danakollu ser nara x'timplika l-materja mqanqla mill-Onor. Membru.
Jista' l-Ministru jgħid x'infrastruttura ġdida fl-oqsma tad-dawl, fibre optics, drenaġġ u ilma hemm bżonn għal SmartCity? Kemm se jintnefaq f'kull qasam għal din l-infrastruttura u min se joħroġ din is-somma ta' flus?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni li qiegħed jitlob ma’ tistgħax tingħata f’dan l-istadju minħabba li għad fadal numru ta’ studji tekniċi x’jitlestew min-naħa ta’ l-izviluppaturi.
Jista' l-Ministru jgħid xi tweġibiet ta għall-mistoqsijiet imqajma fl-ittra tal-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi kien hemm konverżazzjoni permezz tat-telefon bejn is-Segretarjat tal-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura u l-persuna li bagħtet l-ittra li għalija qed jirreferi l-Onor interpellant.
Ninsab ukoll infurmat illi l-persuna ikkonċernata tkelmet ma' l-uffiċjal fi ħdan l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu li huwa responsabbli mill-qasam speċifiku imsemmi fl-ittra.
Barra minn hekk, ittieħdu ukoll il-passi meħtiega sabiex il-kwistjoni imqajma fl-ittra tiġi riżolta fl-iqsar żmien possibli u mill-informazzjoni li għandi l-ewwel fażi tax-xogħol in kwistjoni tlestiet.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex is-settur ta' l-akkomodazzjoni self-catering tħalla barra mill-portal il-ġdid li nidiet l-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu f'Diċembru li għadda? Meta se jiddaħħal dan is-settur biex ma jibqax jitlef negozju kif qed jiġrilu mindu tħalla barra?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi l-ewwel fażi tat-tagħrif fuq stabbilimenti self-catering fil-portal ta' l-Awtorita' tat-Turiżmu issa tlestiet. Il-portal issa jinkludi lista ta' l-istabilimenti self-catering liċenzjati. Il-lista tinkludi dettalji bħan-numru tat-telefon, e mail u fax. Aktar 'il quddiem, dawn ukoll se jidaħħlu fis-sistema ta' online booking tal-portal, simili għall-dik tal-lukandi.
B'riferenza għal tweġiba għal mistoqsija parlamentari 24093, jista' l-Ministru jgħid għaliex se titħalla fetħa fil-crash barrier meta x-xagħri msemmi huwa proprjeta' privata tal-familja li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u meta jitqies li mill-fetħa jidħlu persuni fil-proprjeta' privata?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għal mistoqsija parlamentari numru 24093.
Minħabba l-fatt illi din hija propjeta privata irid jitħalla aċċess għal ġo din il-propjeta.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu dwar l-ilment li tqajjem mill-ġenituri li uliedhom jattendu fi skola li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament f'ittra datata 12 ta' Marzu li kopja tagħha ntbagħtet ukoll lilu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li dan il-każ qed jiġi trattat mill-iSchool Psychology Services billi ġie maħdum programm għall-modifikazzjoni fl-imġieba. Maż-żmien hu maħsub li jkun hemm integrazzjoni gradwali lura lejn il-klassi.
Jista' l-Ministru jgħid hemmx xi pjan biex iċ-ċimiterju ta' l-Addolorata jiġi riabilitat u restawrat u mantnut sew fejn hemm bżonn?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Is-sitwazzjoni ta' riabilitazzjoni u restawr taċ-ċimiterju ta' l-Addolorata għadha qed tiġi studjata peress li titlob proġett ta' xogħolijiet fit-tul u ta' finanzjament qawwi.
Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 24346 u 24095 u jgħid meta huwa maħsub li l-gvern jibda jikri l-ispazju f'Dar Malta fi Brussell li mhux jintuża mill-gvern Malti? Lil min se jikri dan l-ispazju u b'liema prezz?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi hemm numru ta’ organizazzjonijiet kummerċjali li jinsabu lesti jikru partijiet minn Dar Malta. Naturalment dawn il-kirjiet iridu jsiru skond l-Att dwar it-Trasferiment ta’ Artijiet tal-Gvern (Kap 268).
Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 24346 u 24095 u jgħid meta huwa maħsub li l-gvern jibda jikri l-ispazju f'Dar Malta fi Brussell li mhux jintuża mill-gvern Malti? Lil min se jikri dan l-ispazju u b'liema prezz?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
Tista' l-Ministru tgħid fiex waslet l-applikazzjoni għall-akkomodazzjoni soċjali tal-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, peress li sa l-aħħar ta' Ġunju 2007 se tispiċċa bla dar u bla saqaf fuq rasha?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Jien infurmata illi l-każ qiegħed jingħata l-attenzjoni meħtieġa.