Jista' jiġi verifikat jekk il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament huwiex intitolat għal xi benefiċċji soċjali li ħadem għalihom f'Malta qabel emigra?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali dwar il-każ tagħha.
Għaliex il-kont pendenti li kopja tiegħu qed tintbagħat separatament, qed jibqa' jintbagħat fl-indirizz indikat meta din il-persuna, m'għandha l-ebda konnessjoni mal-persuna li tgħix fl-istess indirizz?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-kont in kwestjoni hu dovut għall-kera ta’ meters ta’ l-ilma u elettriku fil-post biswit l-indirizz tal-persuna li għamlet l-ilment lill-Onor Interpellant li madonkollu, hi wkoll eredi tas-sid tal-post.
Il-kont għadu jidher f’isem il-persuna li bħala l-inkwilin kienet il-konsumatur reġistrat tal-post in kwestjoni u dan għax qatt ma kien trasferit għal fuq is-sid minkejja li l-inkwilin telaq mill-post.
Fiċ-ċirkostanzi nissuġerixxi li l-persuna indikata mill-Onor Interpellant biex tmur l-uffiċċju tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma Hal-Luqa biex ikun jistgħu jiġu ċċarati il-kwestjonijiet dwar kontijiet pendenti rigward il-post in kwestjoni.
Jista' issa l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25489 u jgħid b'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 24773 x'sens jagħmel li titħalla fetħa fil-crash barrier meta l-familja għandha aċċess għall-art privata tagħha mid-dar u hija stess trid li ma jkunx hemm aċċess ta' triq għal terzi persuni mill-crash barriergħax ikunu qed jiksru l-liġi u jidħlu fi proprjeta' privata?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi l-crash barrier fi Triq Etna issa saret u għaldaqstant l-aċċess għall-plot privat ingħalaq.
Jista' issa l-Ministru wieġeb mistoqsija parlamentari 25434, u ċioe' jista' jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 24809 u 24643 u jgħid meta se jsir ix-xogħol meħtieġ biex jitranġa l-pont tal-Mistra?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li diġa saret spezzjoni fuq il-post imsemmi mill-Onorevoli Interpellant mill-periti ta’ l-Awtorita’ dwar it-Trasport.
Fil-ġimgħat li ġejjien ser jithejja rapport tekniku minn
Structural Engineer
.
Jista' l-Ministru iwieġeb mistoqsija parlamentari 24850 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjenti u li issa ġiet riferuta lilu, peress li l-ground tal-Luxol qed joħloq inkonvenjent ta' ħsejjes għar-residenti ġirien tiegħu f'Pembroke jistgħu jiġu rikkmandati li jittieħdu passi li jnaqqsu jew itaffu dawn il-ħsejjes?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ground tas-St. Andrews huwa amministrat mill-kumitat tal-klabb tas-St. Andrews Luxol, għaqda mhux governattiva u dettalji dwar l-ilmenti tal-ġirien għandhom jiġu diretti lill-klabb ikkonċernat.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijijiet parlamentari 24806 u 24631 u 25433 u jgħid matul is-sena 2006 liema proġetti f'Malta u Għawdex saru b'fondi (in parti jew totali) ta' l-Urban Improvement Fund tal-MEPA? Liema proġetti se jiġu ffinanzjati minn dan il-fond matul is-sena 2007?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-informazzjoni mitluba tidher hawn taħt:
Ħlasijiet mill-fond UIF mindu beda s'issa
Lokalitá
Proġetti Approvati
MARSA
Trasferiti lill-Awtorità dwar it-Trasport (sehem minn spejjeż ta’ xogħol fi Triq Ħal Saflieni, Luqa)
MSIDA
Triq G. DeBono: skavar ta' gandott u kisi b'hot tarmac għal kejbil tad-dawl
NADUR
Manutenzjoni ta’ Triq San Blas
PAOLA
Manutenzjoni u bini ta’ parking spaces konessi ma’ Triq il-Belt Valletta
Il-kumplament ta’ l-informazzjoni għall-mistoqsija qiegħed jinġabar.
Jista' l-Ministru jwieġeb it-tagħrif mitlub fil-kumplament tad-domanda parlamentari 25428?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li ma teżistix kategorija ta’ bottle shops per se. Fil-fatt jeżistu
i) Kategorija ta’ ħwienet li jbiegħu xorb (inkluż dak alkoħoliku)bl-imnut u bl-ingrossa fejn ix-xorb ma jiġix ikkunsmat fuq il-post.
ii) Kategorija ta’ ħwienet fejn ix-xorb jiġi kkunsmat fil-post
Qabel is-sena 2002, il-liċenzja għal dawn iż-żewg kategoriji kienu jinħargu mill-pulizija. Mis-sena 2002 ‘l hawn il-liċenzji għall-ħwienet ta’ l-ewwel kategorija bdew jiġu proċessati mit-Trading Licensing Unit fi ħdan id-Diviżjoni għall- Kummerċ filwaqt li tat-tieni kategorija bdew jinħargu mill-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu (MTA).
Dan ifisser li ma kienx hemm kategorija li kienet mad-Divizjoni tal-Kummerc u marret mal-MTA. Imma kien hemm zewg kategoriji waħda marret għand id-Diviżjoni tal-Kummerċ u waħda marret għand l-MTA kif spjegajt aktar qabel.
2. Rekwiżiti
A) Rekwiżiti mid-Diviżjoni għall-Kummerċ għall-applikazzjoni ta’ kategorija ta’ ħanut fejn ix-xorb ma jiġix ikkunsmat fuq il-post:
i) Dettalji tal-applikant u tal-post;
ii) Ċertifikat tas-Sanita’;
iii) Ċertifikat tal-MEPA;
iv) Pjanta tal-post bil-metri kwadri;
v) Kuntratt tal-kera jew rċevuta ta’ l-aħħar kera (meta l-post ikun mikri)
vi) Ħlas tal-liċenzja
B) Rekwiżiti mill-MTA għall-Kategorija ta’ ħanut fejn jiġi kkunsmat alkoħol fuq il-post;
i) Dettalji tal-applikant u l-post;
ii)
Site plan
u
layout plan
;
iii) LM20 application fee;
iv) Il-kunsens tad-Dipartiment tal-Artijiet jekk il-post hux qiegħed fuq proprjeta’ tal-Gvern u kopja tal-
Memorandum and Articles
Jekk l-informazzjoni tiġi meqjusa aċċettabli mill-MTA jiġu mitluba wkoll:
v) MEPA permit
vi) Ċertifikat ta’
Food and Drinks handler
vii) Ċertifikat mis-Sanita’ tal-Proprjeta’
viii) Ċertifikat mid-
Drainage Department
viiii) Indikazzjoni tal-esperjenza fis-settur
Jista' jiġi vverifikat jekk is-saqaf ta' fuq l-appartament, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, għandux bżonn li jingħata l-membrane peress li qed jidħlu ħafna ilmijiet u jagħmlu ħsara lis-saqaf u l-ħitan tal-familja li tgħix hemm?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Għaddejt it-talba ta’ l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta’ Djar biex jinvestiga u jieħu l-azzjoni meħtieġa.
X'passi ġodda se jittieħdu biex iż-żona fuq il-blat fiċ-Ċirkewwa fejn jinżlu jgħoddsu ħafna għaddasa tinżamm iżjed nadifa milli hi għax bħalissa il-pont taħt il-ħajt qed iservi speċi ta' latrina pubblika?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi l-Awtorita' tat-Turiżmu għamlet assessment u għaddietu lill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa għall-attenzjoni u azzjoni meħtieġa.
Tajjeb li wieħed isemmi li f'din iż-żona qegħdin jitwaħħlu numru ta' CCTVs biex jipproteġu lill-għaddasa mis-serq u l-vandaliżmu.
X'se jsir mill-idea li kien hemm li tiġi konservata ż-żona fejn hemm mgħarrqa l-fdalijiet tal-bastiment "Roża" li jintuża mill-għaddasa u dan l-aħħar kien hemm min tefa' xibka u ħarbat il-ħut ta' l-inħawi?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-Onorevoli Intrpellant aktarx għandu isem il-vapur żbaljat u attwalment irid jirreferi għal “Rożi” li jinsab ħdejn il-kosta taċ-Ċirkewwa fejn bħalissa hemm applikazzjoni biex tinżel patrol boat qadima biswit din it-tug boat u tissemma’ “Wenzu”. L-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) qegħda f’diskussjonijiet flimkien mad-Diviżjoni tas-Servizzi Veterinarji u s-Sajd biex il-biodiversità fl-inhawi ta' vapuri mgħarrqa u sikek artificjali oħrajn tkun imħarsa bil-liġi. Id-Diviżjoni tas-Servizzi Veterinarji u s-Sajd taqbel li l-artificial reefs kollha għandu jkollhom żona ta' 200 metru ta' bahar madwarhom magħluqa għal kull forma ta' sajd.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'se jiġri dwar il-qbiela tar-raba' u żewġt idjar fil-Manikata, Għajn Tuffieħa u x-Xagħra l-Ħamra li sena u nofs ilu ġiet itterminata lill-bdiewa biex jagħmlu wisa' għall-korsa tal-golf li kellha ssir fl-inħawi u mhux se ssir iżjed? X'se jsir mill-bdiewa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi għalkemm il-kirja ġiet itterminata, sa issa, il-bdiewa la ġew imwaqqfa milli jaħdmu r-raba' u lanqas ma ġew mitluba joħorġu mid-djar tagħhom.
Tista' l-Ministru tgħid għaliex ma nżammewx il-wegħdi li saru lill-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li fis-sena 2004 sofriet ħsarat kbar fl-appartament tagħha wara ħruq fil-blokk u kienu sarulha l-wegħdi li jissewwew dawn l-ħsarat kollha?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li x-xogħlijiet ta’ tiswija konnessi mal-ħsarat li saru minn ħruq fl-2004 fl-appartamenti ndikati mill-Onor. Interpellant, kienu fil-fatt tlestew mid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta’ Djar.
Madankollu għaddejt l-ilment ta’ l-Onor. Interpellant lil imsemmi Dipartiment biex jinvestiga.
X'għajnuna prattika jista' jingħata t-tifel minn San Ġiljan li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li jbati minn kundizzjoni rari ħafna - congenital indifference to pain - u aktar ma jgħaddi żmien aktar se jbati biex ikun jista' jitla' u jinżel it-taraġ peress li joqgħod fl-ogħla sular tal-blokk u m'hemmx lift?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nissuġġerixxi lill-Onor. Interpellant jagħti parir lill-familja tal-persuna ndikata li tavviċina l-Customer Care Unit ta' l-Awtorita' tad-Djar biex tara l-possibilita' ta' stallar ta' lift fil-blokk.
Jista' l-Ministru jgħid kemm s'issa kien hemm persuni li gawdew mill-miżura tal-budget li jingħataw 20% lura fuq il-prezz ta' apparat domestiku li jiffranka l-konsum ta' l-enerġija? Għaliex minn 20% din niżlet għal Lm25? Kif jistgħu japplikaw iċ-ċittadini għal dan il-ħlas jekk fl-istess ħin huma nkoraġġiti li jibgħatu l-irċevuta fiskali għal-lotterija tal-VAT?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat li sat-30 ta’ April, 468 applikant ingħataw l-għotja ta’ 20% sa massimu kif stabbilit fl-Avviż Legali 1026 tal-2006. Id-dewmien li hemm biex jitħallsu l-applikanti sar prinċiparjament minħabba li l-maġġoranza ta’ l-importaturi damu ma rreġistraw il-prodotti tagħhom skond kif mitlub mill-Avviz u kif miftiehem mal-bejjiegħa permezz tar-rapprezentanti tagħhom.
L-Avviz Legali stabilixxa massimu ta’ Lm 25 f’każ ta' magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ, tumble dryers, dishwashers u apparat għall-arja kkundizzjonata, u massimu ta’ Lm50 għal fridges u freezers A+ u A++ bi klassi ta’ klima Tropical jew Semi-tropical. L-għotja massima għal fridges u freezers A bi klassi ta’ klima Tropical hija ta’ Lm 50 u għal dawk bi klassi ta’ klima Semi-tropical hija ta’ Lm 25.
Dawn ir-rati ġew stabbiliti fl-Avviż Legali u qatt ma’ nbidlu.
Waħda mir-rekwiżiti ta' l-iskema hija li tingħata l-irċevuta fiskali originali mill-applikant, kif inhu mitlub f'kull skema oħra ta' refiżjoni mnedija mill-Gvern, għal skopijiet ta' kontrolli.
B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 24773 x'sens jagħmel li titħalla fetħa fil-crash barrier meta l-familja għandha aċċess għall-art privata tagħha mid-dar u hija stess trid li ma jkunx hemm aċċess ta' triq għal terzi persuni mill-crash barriergħax ikunu qed jiksru l-liġi u jidħlu fi proprjeta' privata?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jimtlew il-vakanzi li jeżistu fil-qasam tal-Fisheries li jaqgħu taħt il-ministeru tiegħu? X'vakanzi jeżistu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li diġà beda l-proċess biex jimtlew il-vakanzi eżistenti u approvati fil-qasam tal-Fisheries u s-sejħiet għall-applikazzjoniet għal dawn il-ħames vakanzi mistennija joħorġu f'qasir żmien.
X'passi se jittieħdu biex il-pjazza ta' Buġibba ma titlifx l-ispazju miftuħ tagħha jekk tintlaqa' applikazzjoni li jsir kiosk tal-fjuri f'nofsha u allura ma jkunx jista' jiġi armat palk f'każ li tintuża għal attivitajiet kulturali?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi l-Awtorita' tat-Turiżmu ma tafx li hemm applikazzjoni għall-kiosk tal-fjuri f'dan il-lokal u f'kull każ ma tiproċessax applikazzjonijiet għall-operazjoni ta' dan it-tip ta' kiosk.
Kemm huwa mistenni li jiswa r-ramel li se jinġieb minn Aqaba fil-Ġordan f'kuntratt li l-offerta tiegħu CT 112/2007 ħarġet dan l-aħħar? X'ammont se jinġieb? Kemm se jqumu l-ispejjeż tat-trasport? X'tip ta' ramel se jinġieb? Huwa naturali jew prodott industrijali?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi l-ispejjeż tal-manifattura tar-ramel minn Aqaba, Ġordan huma ta' Lm34,665 waqt li l-ispejjeż tat-trasport u tifriex tar-ramel huma ta' Lm60,000.
L-ammont tar-ramel li ser jinġib huwa ta' 1,700 metric tons.
Ir-ramel huwa ta' l-istess tip u għamla u mill-istess barriera bħal dak miġjub sentejn ilu għall-istess bajja. Huwa ramel minn barriera tal-granit, prodott fuq speċifikazzjonijiet stretti mogħtija mill-konsulenti tal-MTA.