Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa s-salarju ta' l-uffiċjal eżekuttiv ewlieni ta' l-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu? X'pakkett ta' ħlasijiet u benefiċċji oħra għandu għall-funzjoni tiegħu fl-MTA? X'ħinijiet tax-xogħol għandu? Kemm qed iżomm kuntatt kontinwu ma' l-impjegati ta' l-MTA?
Jista' l-Ministru jgħid matul din is-sena (1 Jannar 2007 - 14 Mejju 2007) kemm jirriżulta li kellna inċidenti tal-avjazzjoni "near miss" meta ajruplani kienu se jaħbtu fl-ispazju ta' l-ajru tagħna?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li fil-perjodu msemmi kien hemm incident wiehed biss tat-tip near miss.
Jista' l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment ta' l-Avjazzjoni Ċivili (DCA) matul din is-sena awtorizzax ajruplan żgħir Taljan jagħmel inżul ta' emerġenza? Id-DCA assigura ruħu jekk dan l-ajruplan kienx familjari mar-rekwiżiti u standards lokali biex jagħmel dan l-inżul?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li f'każ ta' emerġenza ajruplan m'għandux bżonn ta' awtoriżżazzjoni ta' nżul f'Malta mid-Dipartiment ta' l-Avjazzjoni Ċivili. Iċ-ċirkostanzi ta' emerġenza anzi tiddetta li tingħata kull għajnuna possibli bla dewmien.
Jista' l-Ministru jgħid l-inċident near miss meta ajruplan Taljan kien se jaħbat ma' ajruplan lokali fil-ġimgħat li għaddew hux qed jiġi nvestigat mill-Bureau of Air Accidents Investigation, meta każi inqas serji ġew investigati mill-BAAI?
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-ajruplan Taljan li reċentement kien involut f'inċident near miss ma' ajruplan lokali kienx visibbli fuq radar screens għal għadd ta' mili iżda mhux fuq l-iscreen tal-kontrolluri tal-ajru? Għaliex? Kif se jiġi żgurat li dan ma jerġax jiġri?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-punti li semma l-Onor. Interpellant huma nklużi fl-investigazzjoni qegħda ssir. Ir-rapport ta' din l-investigazzjoni għadu mhux finaliżżat u għaldaqstant m'hinix f'pożizzjoni li nagħti tweġiba għal din il-mistoqsija.
Għaliex l-ajruplan Taljan involut f'inċident near missma' ajruplan lokali ġie rilaxxat daqshekk malajr meta kiser tant regolamenti, jiġifieri daħal fl-ispazju ta' l-ajru lokali bla ma identifika lilu nnifsu, qiegħed fil-periklu ajruplan tal-passiġġieri, illandja f'kundizzjonijiet meterjoloġiċi outside its limits?
Peress li l-ajruplan Taljan li reċentement kien involut f'inċident near miss ma' ajruplan lokali, il-bdot tiegħu qal li kellu nuqqas ta' fuel, saret wing inspection fuqu biex jiġi verifikat dan kienx minnu? Jekk l-ispezzjoni saret x'irriżulta? Jekk ma saritx din l-ispezzjoni, għaliex ma saritx?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li ma saritx wing inspection biex jiġi verifikat l-ammont ta' fuel fuq l-ajruplan għar-raġuni li ma ngħatax lok ta' dubju fuq id-dikjarazzjoni ta' emerġenza, iżda d-dipartiment hu nfurmat bl-ammont ta' fuel li tgħabba fuq l-istess ajruplan.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hux permess li kiosks b'encroachment f'bajjiet jitrasferixxu b'bejgħ l-użu ta' dawn il-kiosks lil persuni oħra li m'humiex dawk li oriġinarjament inħarġilhom il-permess mill-ministeru?
Response (BORG, TONIO)
Trasferiment ta' kiosks privati minn persuna għal oħra, ma jaqax taħt ir-responsabbilita' tat-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern. Jekk it-Taqsima tkun mgħarrfa b'tali trasferiment, il-permess għall-okkupazzjoni ta' art tal-Gvern, joħroġ fuq isem il-persuna kkonċernata.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk f'April 2007 il-ministeru ħariġx kundizzjonijiet ġodda għal
1) beach concessions
2) kiosks
3) lukandi
li jużaw b'encroachmentxi parti minn xi bajja bir-ramel? Jista' jgħid f'liema bajjiet ħareġ dawn il-kundizzjonijiet? Jista' jqiegħed kopja tal-kundizzjonijiet ġodda fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi mis-sajf li ġej, il-Management tal-Għadira ser isir mill-Awtorita' tat-Turiżmu. In konnessjoni ma' dan, l-operaturi tal-Beach Concessions ġew infurmati li ser jingħatalhom permess ġdid b'kundizzjonijiet ġodda li jirriflettu dan it-tibdil. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dawn il-kundizzjonijiet.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, se jingħata ċ-ċans li jifdi ċ-ċens fuq il-fond f'Tas-Sliema, li qed jiġi ndikat separatament peress li ilu jistenna minn Novembru 2004 u Lulju 2003 rispettivament?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Uffiċċju Konġunt qiegħed jivverifika l-informazzjoni dwar il-każ in kwistjoni bl-iskop li jiffinalizza t-talba ta' l-applikant fl-inqas żmien possibli. Iċ-ċens in kwistjoni ikopri iktar minn proprjeta' waħda.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li tiddaħħal student visa għal dawk li jixtiequ jistudjaw f'pajjiżna u ġejjin minn pajjiżi mhux membri fl-Unjoni Ewropea?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-viżi għall-istudenti li ġejjin minn pajjiżi mhux fl-Unjoni Ewropea bdew jinħarġu minn Ġunju ta' l-2006. Fejn l-istudent ġej minn pajjiż fejn Malta għandha Ambaxxata, il-visa toħroġ mill-Ambaxxata innifisha.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm stabbilmenti/kumpaniji li jipprovdu servizz tal-karozzi tal-kiri fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar, Buġibba, Qawra u Xemxija? Għaliex il-Ministru qiegħed iqis sempliċement dan in-numru bħala ta' natura kummerċjali meta ministri kollegi taw informazzjoni simili f'oqsma oħra li tlabthom?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Jien infurmat li hemm 84 garaxxijiet rreġistrati biex joffru s-servizz tal-karozzi tal-kiri u b'kollox hemm 1,472 karozza tal-kiri fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar, Buġibba, Qawra u Xemxija.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25496 li oriġinarjament kienet riferuta lill-Ministru għall-kompetittivita' u komunikazzjoni u ċioe': X'passi se tieħu l-Awtorita' Marittima Maltija biex tara li jinżammu nodfa l-inħawi fil-ponta taċ-Ċirkewwa fejn jinżlu jgħoddsu ħafna għaddasa u li bħalissa qed iservi ta' speċi latrina pubblika?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi l-Onor interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 25501.
Tista' l-Ministru tgħid meta se jsiru x-xogħlijiet meħtieġa ta' kisi ta' art u ta' tiswija tas-sistema ta' ilma fl-ispazju miftuħ ta' l-open centrefil-Marsa fejn jgħixu iżjed minn 700 persuna, peress li l-ħmieġ u l-ilma li qiegħed fl-ispazju ta' barra jistgħu jikkaġunaw problemi għas-saħħa tal-persuni miġbura u wkoll jagħtu dehra ta' telqa u traskuraġni?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat illi huwa ppjanat li x-xogħol ta’ kisi ta’ art u tiswija tas-sistema ta’ l-ilma fl-ispazju miftuħ ta’ l-open centre fil-Marsa ser jinbeda fil-ġimgħat li ġejjin.
Tista' l-Ministru tara li jsiru t-tiswijiet meħtieġa fl-appartament ta' l-anzjana li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, peress li f'ħajt minnhom għandha ħafna umdita' b'dannu għal saħħitha?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Jien għaddejt it-talba ta' l-Onorevoli Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija tad-Djar biex jinvestiga u jieħu l-azzjoni meħtieġa.
Tista' l-Ministru tgħid meta se jiġi ffirmat il-ftehim biex il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tkun tista' tpartat l-appartament tagħha ma' appartament pubbliku ieħor fl-Imsida?
Jista' l-Ministru jivverifika jekk fl-aħħar ġimgħat kienx hawn nuqqas ta' mediċini essenzjali għal dawk li jbatu bl-epilessija u li huma ntitolati għalihom mis-servizz nazzjonali tas-saħħa? Meta se jerġa' jkun hawn minn dawn il-mediċini?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Fl-aħħar ġimgħat kien hawn nuqqas tal-mediċina Phenytoin 25mg, 50mg u 100mg. Dan kien riżultat ta' bidla fil-mod kif jitqassmu l-mediċini mill-manifatturi u wholesale dealers barra minn Malta. Sakemm tiġi solvuta l-problema, dawn il-mediċini jistgħu jinġabru mill-ispiżeriji tal-gvern ta' l-isptar San Luqa u taċ-Ċentri tas-Saħħa li jinsabu l-Mosta, Floriana u Paola.