Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi kalkoli jew stima kemm turisti ħassru ż-żjara tagħhom fil-gzejjer tagħna fix-xhur tas-sajf għax ma kienx hawn lukandi u akkomodazzjoni turistika biżżejjed għax għalqu? X'passi qed jittieħdu biex tiġi ndirizzata din il-problema?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-ammont ta’ turisti li attirajna lejn xtutna matul dan is-sajf kien fost l-ogħla li qatt żaru Malta matul dan il-perjodu.
Huwa diffiċli li wieħed jipprova jistima jekk kienx hemm jew le xi turisti li ħassru ż-żjara tagħhom u għalxiex għamlu dan.
Fir-rigward ta’ akkomodazzjoni, n-numru ta’ sodod ivarja minn sena għal sena hekk kif lukandi ġodda jiftħu, oħrajn jagħlqu u oħrajn ikabbru. Skond stastistika ppubblikata fis-26 ta’ Settembru mill-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika, n-numru ta’ sodod f’Malta u Għawdex f’Lulju ta’ din is-sena kien ta’ 42,398, jiġifieri żieda ta’ 2,196 fuq l-istess xahar tas-sena l-oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'sehem kellu l-ministeru fit-tfassil ta' proposti ta' proġetti turistiċi fil-Port il-Kbir imħabbra mill-Ministeru ta' l-Investiment, Industrija u Informazzjoni tat-Teknoloġija?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura kien ikkonsultat rigward it-tfassil tal-proġetti indikati preċiżament sabiex il-viżjoni li l-Gvern qed jipproġetta għall-Port il-Kbir tkun waħda b’enfasi qawwija fuq it-turiżmu u l-kultura.
Jista' l-Ministru jgħid x'ħidma għamel il-ministeru matul din is-sena biex joħorġu regolamenti ġodda dwar il-kostruzzjoni u x-xogħol tal-bini li baqa' għaddej bl-addoċċ fl-aqwa ta' l-istaġun turistiku bi ħsara għat-turiżmu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura u l-Awtorita' tat-Turiżmu ġew ikkonsultati fl-iffurmar ta' dawn ir-regolamenti.
Jista' l-Prim Ministru jgħid matul ix-xhur tas-sajf kemm-il darba ltaqa' l-kumitat inter-ministerjali tat-turiżmu u x'temi ddiskuta u ddeċieda dwarhom?
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'passi ħa dwar ittra mibgħuta lilu fit-18 ta' Settembru, 2006 minn persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament dwar storbju eċċessiv mill-Queen's Head Pub peress li għaddiet sena oħra u baqa' l-istess storbju eċċessiv sas-siegħat bikrin ta' filgħodu b'inkonvenjenza għall-ġirien?
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi konkreti ttieħdu mill-pulizija dwar ilmenti ta' storbju eċċessiv mill-Queen's Head Pub sas-siegħat bikrin ta' filgħodu f'ittra datata 9/03/2007 lill-Kummissarju tal-Pulizija mingħand il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separament, peress li għaddew l-ġimgħat u x-xhur u l-istorbju eċċessiv għadu hemm u l-pulizija tgħid li ma tistax tieħu passi biex twaqqaf dan l-istorbju?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija tal-Qawra tagħmel rondi speċifiċi sabiex persuni li jiġġestixxu bar bħal Queen's Head Pub jimxu mal-liġi u fejn ikun hemm ksur ta' liġi dan jiġi mwaqqaf. Infurmat ukoll illi minn mindu ntbagħtet l-ittra fid-9 ta' Marzu, 2007, sid il-bar imsemmi nħarġulu 5 akkużi relatati ma daqq ta' mużika. Ta' min jinnota illi l-ilmenti li waslu lill-Pulizija tal-Qawra fl-eqqel tas-Sajf dwar daqq eċċessiv minn l-istess bar, daħlu b'mod anonimu u qatt ma kienu fis-siegħat bikrin ta' filgħodu iżda l-iktar bejn it-8.30pm u l-11pm.
Jista' l-Ministru jgħid hemm xi ħsieb li Malta toffri lilha nnifisha biex xi edizzjoni futura tal-America's Cup tiġi organizzata minn hawn? X'passi konkreti qed jittieħdu dwar dan?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
F'dan l-istadju qed ikun ikkunsidrat x'ikunu l-implikazzjonjiet kollha mil-lat ta' riżorsi meħtieġa qabel ma Malta tkun tista' toffri lilha nfisha għal dan l-iskop.
Jista' l-Ministru jgħid liema proġetti finanzjati minn fondi ta' l-UE fil-qasam turistiku se jsiru matul is-sena 2007? Jista' jgħid meta se jibdew u meta mistennija jintemmu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2007, qed jitkomplew il-proġetti finanzjati minn fondi ta’ l-UE mill-programm 2004-2006. Fost dawn il-proġetti, qed jiġi finalizzat il-proġett Tourism and Support Services Training Programme, u qed jitkompla l-proġett ta’ konservazzjoni f’Haġar Qim u l-Mnajdra, li huwa proġettat li jitlesta fl-2008.
Rigward proġetti li qed nitolbu li jiġu finanzjati mill-fondi strutturali mill-programm 2007-2013 ta’ l-UE, l-applikazzjonijiet għall-proġetti għadhom qed jiġu evalwati mill-awtoritajiet konċernati.
Hemm ukoll proġetti li qed jiġu finanzjati mhux mill-fondi strutturali imma minn fondi oħrajn ta’ l-UE. Fost dawn, hemm proġetti li huma direttament fil-qasam turistiku. Dawn huma l-progett
European Destinations of Excellence,
li għalih il-Kummissjoni Ewropeja għażlet it-tema ta’ wirt intanġibli (
intangible heritage
). Dan għandu jibda f’Diċembru ta’ l-2007 u jkun lest fl-2008. Hemm ukoll il-proġett ta’ taħriġ dwar il-direttiva tal-
package travel
.
Jista' l-Ministru jgħid x'pjani għandu l-Ministeru biex waqt li jissaħħaħ is-settur tat-tagħlim ta' l-Ingliż għall-barranin, jittieħdu passi biex l-istudenti ma jħarbtux l-bqija tat-turiżmu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta appuntat Kumitat b’rappreżentanti konċernati minn dan is-settur. Dan il-Kumitat qed iħejji pjan ta’ miżuri li se jitressqu fil-ġimgħat li ġejjin lid-diversi entitajiet. Dawn il-mizuri għandhom iwasslu għal kontroll u faċilitajiet aħjar għal dan is-settur.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 27232 u jgħid kemm hemm familji liċenzjati bħala host families li diġa' ngħataw il-kontribuzzjoni lura? Kemm tħallsu lura? Kemm fadal familji li jridu jitħallsu l-kontribuzzjoni lura? X'somma fadal titħallas? Id-deċiżjoni li tinħafer il-kontribuzzjoni hija din is-sena biss?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li r-refużjoni tal-kontribuzzjonijiet tal-host families qed tkun proċessata mill-Awtorita’. Sa issa ma saru ebda pagamenti iżda hu mistenni li dawn joħorġu dalwaqt. Dawn ir-refużjonijiet ilaħħqu s-somma ta’ Lm12,600 u ser jaffettwaw 632 familja.
Id-deċiżjoni li jingħataw dawn ir-refużjonijiet ittieħdet fid-dawl ta’ l-analiżi tas-sitwazzjoni kurrenti. Għalhekk din id-deċiżjoni mhix għal din is-sena biss.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 27135 u jgħid kif se jiġi finanzjat il-kuntratt bejn l-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu u l-Media Consulta International Holding AG? Kif se jsir il-ħlas lill-kumpanija u kif se jsir marbut dan il-ħlas mar-riżultati li tikseb din il-kumpanija?
Jista' l-Ministru jgħid kemm applikaw żgħażagħ biex jibdew il-kors tal-pilots ma' l-Airmalta? Kemm minnhom, skond l-applikazzjoni li tefgħu, kienu eliġibbli biex joqogħdu għall-Psychometric Test tat-22 ta' Awissu? X'kienet ir-raġuni li l-Airmalta ma talbitx lill-kandidati jissottomettu ċ-ċertifikati tagħhom u fl-għażla tagħha qagħdet biss fuq dak li kitbu l-kandidati fl-applikazzjoni tagħhom? Kemm kien in-numru ta' kandidati li ma attendewx għall-Pyschometric Test tat-22 ta' Awissu? Kemm huwa n-numru ta' kandidati li ma attendewx għat-test u ngħataw l-opportunita' li jerġgħu jagħmluh fl-24 ta' Settembru? Kienx hemm kandidati li ma kenux issejħu biex joqogħdu għall-ewwel test tat-22 ta' Awissu imma mbagħad issejħu biex jagħmlu l-eżami fl-24 ta' Settembru? U jekk kien hemm x'kienet ir-raġuni? Kemm beħsiebha ddaħħal pilot trainees l-Airmalta f'dan l-istadju?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jagħti lista ta' l-applikazzjonijiet kollha li saru minn ministeri, awtoritajiet pubbliċi differenti biex jużaw il-fondi tal-Unjoni Ewropea 2007-2013? Liema minn dawn l-applikazzjonijiet daħlu tard? Jista' jagħti l-ammont ta' fondi mitluba għal kull proġett? Meta kien id-deadline għad-dħul ta' l-applikazzjonijiet? X'se jsir dwar l-applikazzjonijiet li daħlu tard?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant li b’kollox daħlu ħamsa u disgħin (95) proġett, li jinkludu l-proġetti kollha (mhux biss tal-Ministeri u ta’ l-entitajiet pubbliċi) taħt il-Prijoritajiet miftuħa taħt iż-żewġ fondi, jiġifieri l-Fond għall-Iżvilupp Reġjonali Ewropew u l-Fond Soċjali Ewropew. Minn dawn, erbgħa (4) daħlu tard. Id-deadlines tal-proġetti qegħdin spjegati fl-avviżi għall-istampa numru 1175E u 1201 li nħarġu mid-Dipartiment ta’ l-Informazzjoni fit-30 ta’ Lulju u fis-6 t’Awwissu ta’ din is-sena rispettivament kif ukoll il-guidelines li nħarġu mas-sejħa għall-proġetti li jinsabu wkoll fuq websites tal-gvern.
Il-proġetti li ġew sottomessi issa jsidu jgħaddu minn evalwazzjoni, kontrolli ta’ eliġibiltà u mbagħad minn proċess ta’ selezzjoni u għalhekk mhux prudenti li wieħed jagħti dettalji f’dan l-istadju. Il-lista kollha li daħlu u dawk li jiġu magħżula jiġu ppublikati meta l-proċess jintemm. Dan hu mistenni li jsir (għal din is-sejħa) sa l-aħħar ta’ din is-sena.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ġew reġistrati ammonti ta' flus fl-iskema li ħareġ il-gvern għall-flus moħbija Maltin qabel id-dħul tal-euro? Huwa sodisfatt bil-livell tar-reġistrazzjoni? X'persentaġġ ta' flus ġew reġistrati?
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'passi ttieħdu mill-gvern jew awtoritjiet finanzjarji dwar banek u konsulenti finanzjarji li taw parir lill-klijenti tagħhom ma jirreġistrawx flushom fl-iskema tal-gvern għar-reġistrazzjoni ta' flus Maltin qabel id-dħul ta' l-euro iżda f'tipi oħra ta' investiment?
Peress li b'referenza għat-tweġiba mogħtija għal mistoqsija parlamentari 27068, ma ngħatax l-ammont ta' spezzjonijiet, jista' l-Viċi Prim Ministru jwieġeb billi jgħid mis-sena 2003 sal-lum kemm spezzjonijiet saru fil-kmamar tan-nar, minn min u xi rriżulta minn dawn l-ispezzjonijiet u x'passi ttieħdu?
Response (BORG, TONIO)
Ma għandi xejn x'inżid mat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 27068.
Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar erba' snin, mis-sena 2003 sal-lum x'passi ħadet u qed tieħu l-MEPA biex tħares it-tempji tal-Ħaġrat fl-Imġarr minn kull żvilupp ta' bini qribhom?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, peress li t-Tempji Ta' Ħaġrat fl-Imġarr huma skedati, kull applikazzjoni għal żvilupp madwarhom tgħaddi minn proċess rigoruż li jinkludi konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv għall-Wirt Kulturali fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA), mas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali u ankè ma' Heritage Malta, li għandhom ir-responsabbiltà ta' l-immaniġġjar tat-Tempju Ta' Ħaġrat. Applikazzjonijiet li jkunu fiż-żona ta' żvilupp kif approvata mill-Parlament fl-1988 jiġu kkunsidrati skond kif provdut fl-Att dwar l-Iżvilupp u l-Pjan ta' Struttura, u dan kemm-il darba ma jikkompromettix il-konservazzjoni u l-pajsaġġ tas-sit arjkeoloġiku protett mill-liġi. Barra minn hekk l-applikanti jintalbu jagħmlu provvedimenti u josservaw diversi kundizzjonijiet sabiex ma jinħoloqx impatt fuq it-tempju, fosthom li ma jitqattgħux basements, ma jintużax makkinarju goff, fejn hemm bżonn ix-xogħol isir bl-idejn, u li jsir monitoraġġ arkeoloġiku għall-ispejjeż ta' l-applikant, u garanzija bankarja. Applikazzjonijiet barra ż-żona ta' żvilupp ma jiġux rakkomandati.
Ta' min jgħid li fiż-żona ta' żvilupp fl-inħawi tat-Temju ta' Ħaġrat fadal biss żewġ plots ta' djar mhux mibnijin bejn binjiet eżistenti, u plot ieħor fejn diġà hemm garaxx u għandu permess biex tinbena dar. Il-kumplament tal-blokk inbena kollu bejn is-snin ħamsin u il-lum. Madankollu, l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) qed tapplika l-provvedimenti tal-liġi skond kif spjegat fuq.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament se jkun jista' jifdi ċ-ċens fuq dawn il-plots li huma ndikati separament f'Santa Marija Estate, Mellieħa?
Response (BORG, TONIO)
In vista tal-fatt li s-sid tal-plots in kwestjoni hija kumpanija, il-fidi ma jaqax taħt l-Iskemi mħabbra mill-Gvern.
B'danakollu il-kumpanija tista' titlob biex tixtri d-dirett dominju permezz ta' ħruġ t'offerti. Fil-każ preżenti kull relazzjoni oħra ma' terzi ta' enfitewsi temporanja tibqa' vigenti, anki wara x-xiri tad-dirett dominju.
Jista' l-Ministru jgħid xi proċeduri ntużaw biex il-Birzebbuga Water Polo and Aquatic Sports Club u l-art ta' ħdejh għaddew lill-privat? Jista' jpoġġi pjanta fuq il-mejda tal-Kamra ta' l-art li għaddiet lill-privat? Jista' jgħid min hu l-privat li lilu ġiet trasferita din l-art pubblika?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-pjanta tal-art hija l-istess pjanta ta’ l-art li kienet ġiet imqiegħda fuq il-Mejda tal-Kamra waqt is-Seduta 343 tal-11 ta’ Lulju, 2000. Il-pjanta kienet gie imħejjija mid-Dipartiment ta’ l-Artijiet. Il-KMS m’għandux tagħrif illi din il-fakulta' sportiva ġiet mgħoddija lill-privat.