Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 10 PQ #28784 Sitting 587 2007-11-12 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

MTA

Question

Jista' l-Ministru jgħid l-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu kemm daħħlet nies jaħdmu magħha matul is-sena 2007, f'liema pożizzjonijiet, kemm minnhom full time, kemm part-time u f'kull każ x'kien il-metodu tar-reklutaġġ?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi l-Awtorita’ tat-Turizmu daħħlet għaxra minn nies jaħdmu magħha matul is-sena 2007. Il-pożizzjonijiet li ġew impjegati fihom u l-metodu tar-reklutaġġ kienu kif jidher hawn taħt: Pozizzjonijiet: 2 Diretturi għall-uffiċini ta' l-MTA barra minn Malta 1 Manager 1 Assistant Manager 6 Executives Metodu tar- Reklutaġġ: 2 Diretturi għall-ufficini ta' l-MTA barra minn Malta, Manager, Assistant Manager u 5 Executives - Applikaw minn avviż fuq il-gazzetti. 1 Executive – Applika mill- ETC. Ir-reklutaġġ ta’ dawn in-nies sar wara li ngħata permess mill - R.R.A.G. Dawn l-għaxar persuni kollha ġew impjegati fuq bażi full time.

Irranġar ta' dar

Question

Tista' l-Ministru tgħidli jekk anzjana armla li toqgħod waħedha f'dar mimlija umdita' u b'saqaf imxaqqaq perikoluż għandhiex bżonn il-kunsens tas-sid biex tapplika ħalli l-gvern jirranġalha l-post fejn toqgħod?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li biex persuna tapplika taħt l-iskema 5 ta’ l-Awtorita’ tad-Djar, għall-irranġar ta’ djar mikrija mill-privat, l-Awtorita’ ma titlobx il-kunsens tas-sid.

Disposable nappies

Question

Tista' l-Ministru tivverifika lmenti li qed jasluli ta' spiss minn għadd ta' ġenituri ta' persuni diżabbli li d-disposable nappies li qed jingħatawlhom mill-gvern għax huma ntitolati għalihom huma ta' kwalita' ħażina u mhux qed iservu l-iskop tagħhom? Jistgħu jittieħdu l-passi meħtieġa biex id-disposable nappies ikunu ta' kwalita' tajba?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-Servizz ta’ l-Inkontinenza, li permezz tiegħu persuni b’diżabilita’ jingħataw disposable nappies, jaqa’ taħt ir-responsabbilta’ tad-Dipartiment għall-Anzjani u Servizzi fil-Komunita’. Għalhekk nitolbu jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Pensjoni mill-Armata

Question

Jista' l-Prim Ministru jivverifika jekk l-armla, li isimha qed jintbagħat separatament li żewġha għamel snin jaħdem fl-Armata hix intitolata għall-pensjoni mill-Armata?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li peress li r-raġel li kellha l-armla, li ismu qed jintbagħat separatament, serva għal perjodu ta’ sena u sitt ijiem, l-armla mhix intitolata għall-pensjoni mill-Armata.

Junior College

Question

Jista' l-Ministru jara x'inhi r-raġuni li l-istudenti Group 4 l-ewwel sena tal-Junior College għadhom mill-bidu tas-sena akkademika mingħajr għalliem tal-IT fil-livell intermediate? Meta se jintbagħat dan l-għalliem biex l-istudenti ma jibqgħux imċaħħda min għalliem ta' l-IT?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub għadu ma wasalx, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Xogħol ta' restawr

Question

Jista' l-Minitru jgħid mis-sena 2003 sal-lum x'xogħol ta' restawr sar f'dawn il-lokalitajiet: Mellieħa, San Pawl il-Baħar, Naxxar, San Ġiljan u Sliema? Jista' jgħid fhiex kien jikkonsisti kull xogħol?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat li x-xogħlijiet ta’ restawr li saru mill-2003 sal-lum fil-lokalitajiet imsemmija mill-Onor Interpellant huma kif murija hawn taħt:- Mellieħa: Xogħol ta’ restawr tal-batterija ta’ Westreme San Pawl il-Baħar: Xogħol ta’ manutenzjoni u restawr fuq il-Knisja ta’ Sant’ Anna fil-Pwales. Inbidel ukoll il-madum taghħa biex sar ċangatura. Naxxar: Xogħol ta’ restawr tal-Knisja ta’ Santa Katerina fil-limiti tan-Naxxar; Xogħol ta’ restawr tan-niċċa f’nofs it-Telgħa t’Alla u Ommu, wara li kienet intlaqtet minn trakk; Ser jinbeda xogħol ta’ manutenzjoni tal-Knisja ta’ San Pawl tat-Tarġa il-ġimgħa d-dieħla San Ġiljan: Xogħol ta’ restawr tal-volta mpittra tal-Parroċċa l-Qadima Sliema: Ma saru l-ebda xogħlijiet f’din il-lokalita’ fis-snin imsemmija
Leg 10 PQ #28696 Sitting 585 2007-11-06 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Visas

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi se jittieħdu biex ma nitilfux turisti minn pajjiżi bħar-Russja, l-Ukranja u s-Serbja peress li aġenti ta' l-ivvjaġġar qed jilmentaw li se jonqsu drastikament turisti minn dawk l-pajjiżi għax, per eżempju, qed jgħidulhom li mill-ambaxxata ta' Moska se joħorġu 25 visas kuljum biss, u l-Ukrajna qed isibu xi diffikultajiet mill-Ambaxxata Awstrijaka?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Liceo Mikiel Anton Vassalli

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 28568 u jgħid liema klassijiet fil-Liceo Mikiel Anton Vassalli tal-Handaq huma bla għalliema fl-istudji tal-kompjuter? Meta l-istudenti se jingħataw dawn l-għalliema li bħalissa huma nieqsa?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li minn nhar it-Tnejn, 5 ta' Novembru, 2007, l-istudenti li għandhom studji tal-kompjuter fl-iskola sekondarja subien fil-kulleġġ Sant'Injazju għandhom l-għalliema meħtieġa.

Fund For Good Causes

Question

Jista' issa l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 27278, 27799, 27930, 28058, 28255 u 28584 u jgħid matul din is-sena liema għaqdiet u proġetti ġew iffinanzjati mill-Fund for Good Causes li ġej mill-lotteriji? Liema għaqdiet oħra ġew mgħarrfa li se jingħataw fondi u x'inhuma l-proġetti ffinanzjati? Fuq liema kriterji ġew magħżula l-għaqdiet u l-proġetti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Dar Malta fi Brussell

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 24645 u jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28123, 28412 u 28586 u jgħid kemm hemm organizzazzjonijiet kummerċjali li jinsabu lesti jikru partijiet minn Dar Malta u jgħid liema huma dawn l-organizzazzjonijiet kummerċjali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 10 PQ #28660 Sitting 584 2007-11-05 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Nefqa kapitali

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 28541 u jgħid l-flus fuq in-nefqa kapitali li kellhom jintnefqu fis-sena 2007 u ma ntnefqux, fuq liema proġetti u f'liema qasam kellhom jintnefqu? X'se jiġri mill-flus li kellhom jintnefqu u ma ntnefqux?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi l-flus min-nefqa kapitali li ma ntnefqux huma relatati mal-proġetti tal-Fondi Strutturali. Il- maġġoranza minn dawn ma ntnefqux minħabba li huma relatati mal-programm tal-Fondi Strutturali 2007 - 2013. L-applikazzjonijiet għal dawn il-proġetti għalqu f'Settembru u bħalissa għaddej il-proċess għall-għażla tal-proġetti sottomessi. Il-proġetti ma setgħux jibdew qabel u għalhekk il-flus ma setgħux jintnefqu. Parti oħra minn dawn il-flus hija relatata mal-Fondi Strutturali 2004-2006. Dawn il-proġetti qed jitkomplew jew jitlestew. Parti minn dawn il-flus kellhom jintnefqu mis-settur privat bħala parti mill-iskema għall-intrapriżi turistiċi. Dawn il-benefiċarji qed jiġu mħeġġa biex jużaw dawn il-fondi kif stipulat fil-kuntratt li għandhom. Il-flus li kellhom jintnefqu u ma ntnefqux ma jintilfux. Rigward Heritage Malta, ninsab infurmat illi mis-somma totali allokata għas-sena 2007 li tinkludi ukoll il-parti ta' l-2006, ġew utilizzati iktar minn nofs bil-kumplament ikun ippjanat li jintuża fix-xhur li ġejjin. Dan jiddependi ħafna mill-progress tax-xogħol li jirnexxielu jintlaħaq sad-data stabbilita. Iż-żewġ proġetti prinċipali fejn qiegħed isir xogħol maġġuri huma l-Mużew Marittimu u l-Mużew ta' l-Arkejoloġija. Fis-sena 2007 ma ntnefqux Lm80,000 mill-vot kapitali għall-użu tat-trasferiment tal-uffiċċini tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali ġewwa parti mill-Forti Sant' Anġlu, Birgu. Dawn il-fondi kapitali ma ntefqux minħabba dewmien fl-għotja tat-tender għal dan il-proġett. Intant dan it-tender ingħalaq u l-fondi jistgħu jiġu wzati.

MCAST

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 28539 u jgħid kemm hemm persuni diżabbli li qed jattendu xi kors fl-MCAST? Jista' jgħid f'liema istituti jattendu u liema kors qed jieħdu? Jista' jgħid kemm hemm studenti (abbli u diżabbli) b'kollox f'MCAST?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta’ studenti bi ħtiġijiet speċjali fl-2007 – 2008 huwa ta’ 117 student. Inkluz f’din il-figura hemm : 3 studenti bi problemi severi ta’ smiegħ fuq in-National Diploma in Construction fl-Istitut tal-Bini u l-Kostruzzjoni. Student wieħed bi problemi severi ta’ smiegħ fuq it-Technician Diploma in Motor Vehicle Engineering fl-Istitut ta' l-Inġinerija Mekkanika. Student wieħed bi problemi severi ta’ smiegħ fuq il-First Diploma in Art & Design fl-Istitut ta’ l-Arti u Disinn. Student wieħed bi problemi ta’ nuqqas ta’ smiegħ parzjali fuq il-programm tal-First Diploma for IT Practitioners fl-Istitut ta’ l-ICT. Student wieħed bi problemi severi ta’ smiegħ fuq il-First Diploma in Sports fl-Istitut għas-Servizzi fil-Komunita’. Student wieħed bi problemi ta’ nuqqas ta’ smiegħ parzjali fuq il-programm tal-Foundation Certificate in Care fl-Istitut għas-Servizzi fil-Komunita’. Student wieħed bi problemi ta’ vista fuq il-Higher National Diploma in Business fl-Istitut għan-Negozju u l-Kummerċ. Student wieħed bi problemi serji ta’ mobilita’ fuq in-National Diploma in Computing fl-Istitut ta' l-ICT. Student wieħed bi problemi serji ta’ mobilita’ (wheelchair) fuq il-programm tad-Diploma in Insurance Studies fl-Istitut għan-Negozju u l-Kummerċ. Student wieħed bi problemi serji ta’ mobilita’ (wheelchair) fuq il-programm tal-First Diploma for IT Practioners fl-Istitut ta' l ICT. Applikanti bi bzonnijiet speċjali li ma jkollhomx ir-rekwiziti meħtieġa skond il-prospett kif ippublikat ma jiġux kkunsidrati. Studenti oħra għandhom dawn il-kundizzjonijiet: – Dyslexia – Dyspraxia – Learning difficulties – Hydrocephalus – Cognitive Delay – Attention Deficit Disorder – Attention Deficit Hyperactive Disorder – Autism – Asperger’s syndrome – Elective Mutism – Tourettes’ Syndrome – Hyperkenetic Conduct Disorder

MCAST — Żgħażagħ disabbli

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 28538 u jgħid kemm fl-aħħar tliet snin, sena b'sena, kien hemm żgħażagħ diżabbli li applikaw jew urew ix-xewqa li jattendu kors fl-MCAST u ġew aċċettati? Jekk ma ġewx aċċettati, għaliex?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' studenti b'dizabilita' li applikaw biex isegwu kors fl-MCAST u ġew aċċettati kien kif ġej: 2004-2005 89 student bi bzonnijiet speċjali 2005-2006 89 student bi bzonnijiet speċjali 2006-2007 98 student bi bzonnijiet speċjali Dawn il-figuri jinkludu studenti fuq il-programm Pathway. Informat ukoll li studenti bi bzonnijiet speċjali li ma jkollhomx ir-rekwiziti meħtieġa skond il-prospett ma jiġux aċċettati.

ETC — Persuni Diżabbli

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 28537 u jgħid kemm hemm persuni bla xogħol li huma diżabbli u qed jirreġistraw għax-xogħol mal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ? Jista' jgħid sena b'sena fl-aħħar tliet snin x'korsijiet saru għal dawn il-persuna diżabbli u kemm kien hemm persuni diżabbli li attendew xi kors tal-korporazzjoni u x'kienu l-korsijiet li attendew?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Tpartit ta' post

Question

Tista' l-Awtorita' tad-Djar tieħu l-passi meħtieġa biex l-koppja anzjana, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li toqgħod f'dar kbira tpartat l-post fejn toqgħod ma' post iżgħar? Dawn ilhom li applikaw għat-tpartit mis-sena 1994.

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-applikazzjoni tal-koppja li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant qed tingħata l-attenzjoni meħtieġa. Iżda ta’ minn jgħid li din il-koppja tixtieq tibqa’ tgħix tas-Sliema, fejn il-Gvern m’għandux postijiet għall-kiri.

Facilitator

Question

Jista' l-Ministru jara meta se jingħata l-facilitator li tant għandu bżonn it-tifel, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li ilha li saret applikazzjoni għalih mindu kien jattendi kindergarten t-tieni sena?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Istatementing Moderating Panel talab rapport mingħand l-għalliema ta' l-istudent konċernat. Kif dan ir-rapport jasal għand il-Bord il-ġenituri jingħataw appuntament flimkien mat-tifel biex jidhru quddiem l-istess Bord.

Post jintuża b'mod abbużiv

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta l-MEPA beħsiebha tieħu passi dwar ENF 00585/07 peress li qed jasluli ħafna lmenti mill-ġirien tal-post indikat għax isostnu li qed jintuża b'mod abbużiv?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li, wara l-ħruġ ta' l-Avviz tat-Twettiq ECF585/07, id-Direct Action Team ta' l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) kien infurmat bil-każ. Infurmat ukoll li, wara li s-sidien tal-post ġew imwissija biex jimxu mal-liġi.

Swieq

Question

Kemm ilu li tlesta x-xogħol li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma għamlet fi Triq V Menville f'kantuniera ma' Triq il-Keffa fis-Swieqi peress li fejn sar ix-xogħol it-triq għadha maqlugħa u tagħti dehra ta' telqa u traskuraġni u toħloq inkonvenjent għar-residenti?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li x-xogħol ta’ tarmac li kellu jsir fil-post imsemmi mill-Onor Interpellant tlesta fl-1 ta’ Novembru, 2007.
Leg 10 PQ #28630 Sitting 583 2007-11-02 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Shooting Malta Project

Question

Jista' l-Ministru kemm intnefqu flus fuq ix-Shooting Malta Project u fuq xhiex intnefqu dawn il-flus? Jista' jgħid x'użu se jsir mir-ritratti li ttieħdu f'dan il-proġett? Jista' jgħid jekk ir-ritratti li ttieħdu humiex ta' kwalita' għolja ħafna kif kien mistenni?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi intnefqu 100,000 Euro għall-ispejjeż ta' l-aġenzija Taljana The Gate, li għamlet l-arranġamenti kollha biex isir il- co-Branding fl-Italja man-Nikon. Intnefqu ukoll madwar Lm18,000 għal spejjeż lokali biex jinġiebu (a) 27 fotografu professjonali minn madwar l-Ewropa minn-Nikon Professional Services (fi 3 gruppi differenti), (b) uffiċċjali varji ta’ The Gate u (ċ) 15 il-ġurnalist barrani li ġew jirrappurtaw dwar l-inizjattiva u biex jiktbu dwar Malta u Għawdex. Ir-ritratti minn dan il-proġett issa saru kollha propjeta’ esklussiva tal-MTA, li tista tuzahom, bħalma diġa qed tagħmel, għar-reklamar, brochures , inizjattivi tal-marketing, tqassim fost l-operaturi eċċ. B’kollox hemm mas-6,000 ritratt, li l-biċċa l-kbira minnhom huma ta’ kwalita’ għolja ħafna kif kien mistenni. Numru minn dawn (xi 60) se jkunu rtukkjati b’mod professjonali fl-istudios tan-Nikon u jkunu stampati għal tal-apposta f’dimensjonijiet kbar għall-użu f’wirjiet fotografiċi dwar Malta Mill-Lenti Ta' l-Ewropa barra l-pajjiz. L-arranġamenti għal wirjiet qed isiru minn the Gate bħala parti mill- cachet tagħhom. L-iktar ħaġa importanti li wieħed għandu jsemmi hu li ritratti minn din l-inizjattiva, speċjalment ritratt partikolari meħud mill-fotografu Malti Rene Rossignaud, ġie magħżul mill-MTA u minn-Nikon biex ikun il-qofol ta’ kampanja pubbliċitarja ta’ co-Branding fl-Italja. L-ewwel parti ta’ din il-kampanja diġa twettqet f’Ġunju u Lulju fl-Italja, speċjalment fl-ibliet ta’ Ruma, Milan u Turin, permezz ta’ riklami stampati fuq taxis, karrozzi tal-linja, posters u billboards . It-tieni parti tal-kampanja se tissokkta fil-ġimgħat li ġejjin, ukoll permezz ta’ 3,000,000 fuljett pubbliċitarju li jirreklamaw lil Malta u lin-Nikon, imqassmin fil- magazines ewlenin madwar l-Italja. Għal din il-kampanja il-kumpanija Nikon se tħallas l-ispejjeż kollha, ikkalkulati li jilħqu 'l fuq minn miljun Ewro.