Peress li fil-budget intqal li min għandu proprjetà tal-Gvern b’ċens temporanju li skada jew wasal biex jiskadi, se jingħata l-opportunità li l-istess ċens jiġi mġedded bl-istess kundizzjonijiet oriġinali ħlief għall-ħlas ta’ ċens, jista’ l-Prim Ministru jgħid kif u meta se tiġi attwata din il-wegħda?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dettalji dwar din l-iskema għadhom qed jinħadmu.
Awtorità tal-Ippjanar u l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi – effett
Question
Issa li ż-żewġ awtoritajiet kemm tal-Ippjanar kif ukoll dik tal-Ambjent u r-Riżorsi, ġew stabbiliti, jista’ l-Prim Ministru jgħid x’inhu l-effett pożittiv u/jew negattiv li nħass s’issa, meta ż-żewġ Awtoritajiet qed jiffunzjonaw separatament?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
L-ikbar effett pożittiv li nħass immedjatament kien il-viżibilità u l-awtonomija biex taġixxi li akkwistat l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi mat-twaqqif tagħha kif jixhdu diversi deċiżjonijiet li ħadet fuq proġetti ta’ importanza strateġika. Minn naħa tal-Awtorità tal-Ippjanar kien hemm tisħiħ sod fil-finanzi tal-organizzazzjoni u aktar kjarezza fil-funzjonijiet wara l-assenjament tal-attiv, drittijiet, debiti, obbligi u funzjonijiet bis-saħħa tal-A.L 109 tal-2016.
Effett pożittiv ieħor kien it-twaqqif tal-Kunsill Eżekuttiv bir–rappreżentanza tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi u t-twaqqif tal-Bord tal-Ippjanar li qed jaħdem b’mod aktar iffokat u fil-każ ta’ materji ta’ policy qed jiġu deċiżi applikazzjonijiet għal modifikazzjonijiet minuri tal-Pjanijiet Lokali li kienu ilhom weqfin żmien twil.
Biż-żmien l-impatt tad-de-merger ikun jista’ jiġi evalwata b’mod aktar dettaljat.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid issa li għaddew xhur li daħlet fis-seħħ il-policy tal-Outside Catering Area, kemm daħħlu applikazzjonijiet u x’effett kellha?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt nfurmat mill-Awtorità tal-Ippjanar li minn meta’ daħal fis-seħħ id-dokument “Policy, Guidance and Standards for Outdoor Catering Areas on Public Open Space” f’Ġunju tal-2016 sal-lum, l-istess Awtorita irċeviet 128 applikazzjoni ġdida minn sidien u operaturi ta’stabbillimenti tal-ikel u x-xorb. L-eżitu ta’ dawn l-applikazzjonijiet, sal-lum kien hekk:
Ingħata il-permess f’44 każ, li minnhom ġie sottomess appell minn terżi f’erba' każijiet. Għaxar applikazzjonijiet ġew rifjutati mill Awtorità; minn dawn, ġew registrati ħames appelli li għadhom pendenti quddiem it Tribunal ta’ Revizjoni. Fi tliet każijiet ġiet irtirata l-applikazzjoni, fil-waqt li l-bqija, 71, għadhom pendent deċiżjoni. Minn dawn tal-aħħar, il-maggoranża ġew sottomessi minn Diċembru 'l hawn, filwaqt li 16 minnhom ġew sospiżi mill-perit għal raġunijiet varji.
Tista’ l-Ministru tgħid x’inizjattivi qed tieħu l-Awtorità dwar il-Mediċini dwar l-iżvilupp u t-taħriġ tal-impjegati tagħha?
Response (DALLI, HELENA)
L-Awtorità dwar il-Mediċini qed tieħu diversi miżuri dwar l-iżvilupp u t-taħriġ tal-impjegati. Dan il-pjan ġie msaħħaħ fl-Istrateġija ġdida tal-Awtorità għall-2016-2020. L-Awtorità qed tinvesti madwar għaxra fil-mija (10%) tal-baġit fuq taħriġ għall-impjegati, l-iżvilupp professjonali u exposures kemm fuq livell internazzjonali u Ewropej. Permezz ta’ kollaborazzjoni mal-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi, l-Awtorità toffri opportunitajiet biex l-impjegati jipparteċipaw f’diversi programmi ta’ taħriġ. L-Awtorità laħqet ftehim fuq taħriġ mal-Aġenzija tal-Mediċina Olandiża, fejn bħalissa l-Awtorità għandha żewġ assessuri ġodda li qed jitħarġu ma’ din l-aġenzija għal-ħames gimgħat. Dan it-taħriġ jwassal biex l-Awtorità ser tkun tista’ ġġib iżjed xogħol ta’ assessment ta’ mediċini biex jiġu awtorizzati fl-Ewropa. L-Awtorità torganizza diversi programmi ta’ taħriġ għall-impjegati, liema oqsma huma rekwiżiti sabiex l-industrija farmaċewtika f’Malta tkompli tissaħħaħ. L-Awtorità qegħdha tiftaħ numru ta’ dawn il-korsijiet għall-istudenti.
L-Awtorità tappoġġa bis-sħiħ l-impjegati kollha biex jkomplu jistudjaw u kien għalhekk li l-Awtorità ħarġet Espressjoni ta’ Interess sabiex l-impjegati jkunu mejgħuna jilħqu livelli għola t’edukazzjoni. Aktar minn tletin fil-mija (30%) tal-impjegati fl-Awtorita` dwar il-Mediċini qed iwettqu studji fuq livell ta’ Masters u Dottorat. Dan apparti l-għoxrin fil-mija (20%) tal-impjegati li ggradwaw fl-2016. L-Awtorità saħħet il-flessibilta` u
study leave
għaliex l-Awtorità fehmet il-ħtiġijiet tal-impjegati biex jkomplu jistudjaw.
Tista’ l-Ministru tgħid fiex wasal ix-xogħol sabiex l-organizzazzjonijiet volontarji jkunu megħjuna sabiex jakkwistaw il-fondi għall-proġetti tagħhom mingħajr ma jkun hemm, kemm telf ta’ fondi kif ukoll għaqdiet li ma jkunux infurmati bl-istess fondi, liema fondi huma essenzjali għall-kapaċità operattiva tagħhom?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għal dawn l-aħħar xhur kien qed jiltaqa’ b’mod regolari kumitat inter-ministerjali mmexxi minn dan il-Ministeru, fejn jiltaqgħu flimkien dawk il-Ministeri li jallokaw fondi għas-Settur tal-Volontarjat. B’riżultat ta’ dan il-kumitat, is-sena l-oħra kien imniedi sit elettroniku minn fejn l-organizzazzjonijiet volontarji qed ikunu mgħarrfa dwar il-fondi disponibbli għalihom mid-diversi entitajiet pubbliċi. Dan is-sit, www.vofunding.org.mt ikollu l-informazzjoni dwar l-għanijiet tal-fondi partikolari, iż-żmien meta joħorġu l-applikazzjonijiet rispettivi, l-applikazzjonijiet online, jew link diretta skond kif ikun il-każ, kif ukoll ir-riżultati tal-fondi.
Aktar tard din is-sena dan is-sit, li huwa b’sistema ‘responsive’ sabiex tkun aċċessibli anka mill-‘mobile phones’, ser tkun marbuta ma’ ‘mobile application’ sabiex dawk interessati jirċievu l-informazzjoni fl-aqsar ħin possibli. Dan is-sit u l-istruttura marbuta miegħu, li qed tkun imħaddma mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, tkompli tiggarantixxi aċċessibilita’ għall-fondi, mingħajr ma jkun hemm, kemm telf ta’ fondi, kif ukoll għaqdiet li ma jkunux infurmati bl-istess fondi, liema fondi huma essenzjali għall-kapaċità operattiva tagħhom.
Tista’ l-Ministru tgħid f’liema stadju wasal ix-xogħol fuq iċ-Ċentru tal-Volontarjat ġewwa r-Rabat u meta huwa ppjanat li dan jibda jopera?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa ix-xogħol fuq iċ-Ċentru tal-Volontarjat fir-Rabat, Malta miexi b’ritmu tajjeb u qed ikun ippjanat li l-istess Centru fi żmien qasir.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm din is-sena, taħt dan il-Ministeru, se jkunu qed jitqassmu fondi għall-proġetti minn organizzazzjonijiet volontarji, kemm organizzazzjonijiet se jkunu qed jibbenefikaw u minn liema oqsma ġejjin?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-jiem li ġejjin ser ikunu qed jitqassmu fondi taħt żewġ skemi differenti għal proġetti minn Organizzazzjonijiet Volontarji li jammontaw għas-somma ta’ €800,000.00 sabiex l-istess organizazzjonijiet iwettqu proġetti fil-komunita’ filwaqt li jkabbru l-kapaċità operattiva tagħhom. Dawn l-iskemi huma il-Voluntary Organisations Projects Scheme, taħt liema skema ser jitqassmu €700,000.00, u ser jibbenefikaw 34 organizzazzjoni volontarja, u l-iskema Small Initiatives Support Scheme, taħt liema skema ser jitqassmu €100,000.00, u ser jibbenefikaw 34 organizzazzjoni volontarja oħra. Aktar tard din is-sena ser joħorġu wkoll fondi taħt l-iskema tas-Civil Society Fund li jammontaw għal €325,000.00. L-organizzazzjoniet volontarji li bbenefikaw minn dawn il-fondi ġejjin mill-oqsma kollha tas-settur.
Tista’ l-Ministru tgħid x’inhu s-sehem tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) fl-organizzazzjoni ta’ xi attività dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel waqt il-Presidenza?
Response (DALLI, HELENA)
L-NCPE kienet involuta fl-organizzazzjoni tal-laqgħa tal-Grupp ta’ Livell Għoli għall-Integrazzjoni tal-Prinċipju tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi (High Level Group on Gender Mainstreaming) li saret f’Malta fl-1 u t-2 ta’ Frar. Din il-laqgħa ssir darbtejn fis-sena fil-pajjiż tal-Presidenza, bl-aħħar laqgħa saret f’pajjiżna.
Minbarra li l-NCPE tat appoġġ loġistiku lill-Kummissjoni Ewropea fl-organizzazzjoni ta’ din il-laqgħa, l-NCPE tat ukoll kontribut fid-diskussjonijiet ta’ din il-laqgħa u infurmat lill-Membri Stati dwar l-iżviluppi relatati mal-Presidenza Maltija fl-oqsma tal-ugwaljanza.
Tista’ l-Ministru tgħid x’taħriġ qed tippjana l-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika għas-sena 2017?
Response (DALLI, HELENA)
Fil-25 u 26 ta’ Mejju il-kummissjoni sa torganizza żewġ seminars dwar il-konvenzjoni ta’ Istanbul għal diversi professjonisti u dan sa jsir bil-għajnuna ta’ esperti barranin u Maltin.
In-network ta’ l-NGOs għadu kemm waqqaf sotto kumitat għat-taħrig fejn dawk li jipprovdu servizzi ta’ taħrig qed jaħdmu flimkien biex jiġi evitat xogħol doppju u fl-istess ħin isir qsir ta’ nformazzjoni biex it-taħrig ikun dak li jeħtiegu l-entitajiet.
Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika – inizjattivi – messaġġi preventivi
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’inhuma l-inizjattivi li qed jittieħdu mill-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika biex twassal il-messaġġ preventiv lit-tfal u liż-żgħażagħ?
Response (DALLI, HELENA)
Il-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika, għamlet diversi kollaborazzjonijiet mal-istituzzjonijiet tal-Edukazzjoni sabiex twassal il-messaġġ preventiv, kontra l-vjolenza domestika, lit-tfal u liż-żgħażagħ permezz ta’ dawn l-inizzjattivi li s’issa jinkludu:
Kollaborazzjoni maċ-Ċentru tal-Kurrikulum, tad-Dipartiment tal-Edukazzjoni fejn twasslu toolkits għand l-għalliema tal-PSCD, kemm tal-iskejjel Primarji u Sekondarji sabiex jintużaw skont l-etajiet tal-istudenti u skont l-esiġenzi tal-klassi. Dan il-proċess li beda fis-sena skolastika 2014-2015 huwa kontinwu peress li dan l-materjal jistgħa jintuża kull sena.
L-inizzjattiva li saret flimkien mad-Dipartiment tal-Edukazzjoni, saret ukoll mad-Dipartiment tal-iskejjel tal-Knisja.
Fis-sena skolastika 2015-2016 il-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika flimkien mal-Kummissarju għat-tfal bil-kollaborazzjoni tad-Dipartiment tal-Edukazzjoni, nedhiet kompetizzjoni tal-arti fl-iskejjel kollha tal-Istat, tal-Knisja, u l-skejjel Indipendenti. Bħala tgħalim fuq prevenzjoni, il-Kummissjoni għaddiet informazzjoni dwar dan is-suġġett lill-iskejjel bħala parti mill-inizzjattiva.
Matul din is-sena skolastika 2016-2017, il-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika qed tikkollabora maċ-Ċentru tal-Kurrikulum, tad-Dipartiment tal-Edukazzjoni sabiex il-Kummissjoni tiffinanzja ‘tool’ ta’ edukazzjoni permezz ta’ ‘Frienship Cards’, li minnhom t-tfal u ż-żgħażagħ jitgħallmu jiżviluppaw l-abiltajiet tagħhom biex jibnu relazzjonijiet b’saħħithom mal-familji tagħhom, ħbieb u persuni oħra li jistgħu jiltaqgħu magħhom matul il-ħajja.
Matul l-istess sena, il-kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika ipprovdit tool edukattiva bl-isem DIGNITY li tghin lit-tfal u z-zghazagh jizvilluppaw valuri favur id-drittijiet umani u rispett ghad-diversita’.
Tajjeb li wiehed isemmi li anki il-Fondazzjoni St Jean Antide permezz tal-programm SOAR tghamel sessjonijiet ta’ informazzjoni fl-iskejjel.
Kunsill Konsultattiv tal-Industrija tal-Bini – tnedija ta’ skills cards
Question
Tista' l-Ministru tgħid jekk fuq l-inizjattiva tat-tnedija tal-iskills cards mill-Kunsill Konsultattiv tal-Industrija tal-Bini, hemmx il-ħsieb li jibdew korsijiet ġewwa Għawdex?
Response (DALLI, HELENA)
Il-Kunsill Konsultattiv tal-Industrija tal-Bini diġa beda korsijiet tas-saħħa and sigurta’ ġewwa Għawdex u s’issa ġa tlestew b’suċċess żewg gruppi ta’ korsijiet.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx sistema ta’ kif applikanti Għawdxin għall-iskills cards tal-Kunsill Konsultattiv tal-Industrija tal-Bini, jistgħu jinqdew minn Għawdex stess?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li l-Għawdxin jistgħu japplikaw u jħallsu online jew inkella jirrikorru fl-eqreb Kunsill Lokali biex jiġbru l-formola minn hemm. Minn din is-sena l-Kunsill Konsultattiv tal-kostruzzjoni bil-kollaborazzjoni tal-Ministeru ghall Għawdex ser jibda wkoll jilqa applikazzjonijiet fil-Ministeru t’Għawdex stess.
Kunsill Konsultattiv tal-Industrija tal-Bini – sistema ta’ skills cards
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kif miexja s-sistema tal-iskills cards tal-Kunsill Konsultattiv tal-Industrija tal-Bini u jekk hemmx snajja ġodda għal din is-sena?
Response (DALLI, HELENA)
S’issa ġa ġew introdotti 4 snajja b’diversi kategoriji u livelli b’success u għal din is-sena hemm ippjanat li nibdew dawn li ġejjin.
·
Project Manager
·
Construction site manager
·
Carpenter/shutter form worker
·
Scaffolding certifiers / installers
·
Lift installation / certification
·
Demolition
·
Brick Layers u Bennejja.
Awtorità dwar il-Mediċini – laqgħat u konferenzi tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Question
Tista’ l-Ministru tgħid liema laqgħat u konferenzi se tkun qiegħda tospita l-Awtorità dwar il-Mediċini fil-kuntest tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea?
Response (DALLI, HELENA)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
MEUSAC – Core Group – laqgħat – membri Maltin tal-Parlament Ewropew
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il darba, mill-elezzjonijiet Ewropej tal-2014, ġew mistiedna membri Maltin tal-Parlament Ewropew għal-laqghat tal-Core Group tal-MEUSAC u kemm attendew?
Response (DALLI, HELENA)
Mill-elezzjonijiet Ewropej tal-2014, Membri Maltin tal-Parlament Ewropew (MPE) ġew mistiedna għaxar (10) darbiet għal-laqghat tal-Core Group tal-MEUSAC u n-numru ta’ laqgħat li attendew huwa:
MPE
Attendenza
Onor. Miriam Dalli
2
Onor. Alfred Sant
2
Onor. Marlene Mizzi
3
Onor. David Casa
1
Onor. Roberta Metsola
1
Onor. Therese Comodini Cachia
2
Laqgħat ta’ Saħħa u Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol waqt il-Presidenza Maltija tal-Kunsilli
Question
Tista’ l-Ministru tikkonferma jekk hux se jsiru laqgħat informali li jirrigwardaw is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol f’Malta waqt il-Presidenza Maltija tal-Kunsill? Jekk iva, liema se jkunu dawn il-laqgħat? X’suġġetti se jittrattaw? Kemm huma mistennija li jattendu parteċipanti?
Response (DALLI, HELENA)
Ser ikunu organiżżati żewġ laqgħat informali li jittrattaw is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Dawn il-laqgħat huma:
i. Konferenza tripartitika dwar il-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà ta’ gruppi vulnerabbli fuq il-post tax-xogħol. Din il-konferenza ser tinkludi wkoll il- ‘Good Practice Awards Ceremony’ organiżżata mill-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol. L-għan ta’ din il-konferenza huwa li titqajjem kuxjenza ikbar dwar il-ħtieġa li gruppi vulnerabbli jingħataw protezzjoni adekwata fuq il-post tax-xogħol billi jiddaħħlu miżuri speċifiċi għall-vulnerabbiltà li tkun teżisti. Ser ikunu kkunsidrati diversi gruppi vulnerabbli, fosthom ħaddiema żgħażagħ jew anzjani, nisa tqal, ħaddiema li jaħdmu fil-qasam marittimu, ħaddiema barranin, ħaddiema li jistgħu jsofru diskriminazzjoni fuq ix-xogħol, ħaddiema b’kuntratti atipiċi u dawk li jaħdmu għal rashom, u ħaddiema b’diżabbiltà. Huwa mistenni li għal din il-konferenza jattendu 220 parteċipant.
ii. Laqgħa Plenarja tas-‘Senior Labour Inspectors Committee’ (SLIC) u Ġurnata Tematika. Il-Ġurnata Tematika ser tittratta s-suġġett tal-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà tal-ispetturi li jaħdmu f’dan il-qasam, u fost affarijiet oħra ser ikunu analiżżati l-miżuri li jittieħdu mid-diversi spettorati minn madwar l-Ewropa kollha biex jitħarsu s-saħħa u s-sigurtà tal-ispetturi waqt li jissemmew eżempji ta’ prattika tajba. L-aġenda tal-Laqgħa Plenarja tas-SLIC hija organiżżata mill-Kummissjoni Ewropea. Huwa mistenni li għal din il-laqgħa jattenda mal-65 delegat u parteċipant ieħor.
Laqgħat ta’ Saħħa u Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol – rwol ta’ Malta
Question
Tista’ l-Ministru tgħid apparti l-laqgħat informali li se jsiru Malta, f’liema laqgħat oħra li jikkonċernaw is-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol se tkun rappreżentata Malta? F’liema kumitati li jittrattaw l-istess suġġett se jkollha rappreżentanza Malta? F’dawn il-laqgħat, Malta se jkollha xi rwol partikolari?
Response (DALLI, HELENA)
Fir-rigward ta’ saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol, Malta ser ikollha rwol, in rappreżentanza tal-Presidenza, f’dawn il-kumitati u, jew laqgħat:
i. Advisory Committee for Safety and Health (ACSH) – Malta ser tkun rappreżentata fil-kapaċità ta’ President tal-Government Interest Group;
ii. Government Interest Group (laqgħat separati) – President tal-grupp;
iii. ACSH Bureau – membru;
iv. Senior Labour Inspectors Committee (SLIC) – membru;
v. SLIC Bureau – membru;
vi. Atomic Questions Group – Rappreżentanza tal-Presidenza;
vii. ACSH Working Party ‘Actions resulting from ex-post evaluation of OSH acquis’ – Rappreżentanza tal-Presidenza;
viii. Social Questions Working Party – Rappreżentanza tal-Presidenza.