Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’sar s’issa biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema (f’diversi aspetti) li jaħdmu mal-kuntratturi b’kuntratti ġodda u li huwa mifhum li dawn il-miżuri se jibdew japplikaw anke għal dawk li jaħdmu ma’ kuntratturi b’kuntratti antiki? Jista’ jgħid kemm idumu biex jiġu fis-seħħ dawn il-miżuri biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema mal-kuntratturi?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nitlob lil-Onor. Interpellant biex jagħmel l-mistoqsija lil Ministru konċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi nuqqas ta’ ħaddiema fis-servizzi li jingħataw mill-Isptar Monte Karmeli u fil-komunità? F’liema skala/professjoni u f’liema servizzi hemm nuqqas ta’ ħaddiema?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-nuqqasijiet ta’ ħaddiema jiġu identifikati f’eżerċizzju li jsir flimkien mal-Ministeru tal-Finanzi u mal-Uffiċċju għar-Riżorsi Umani fl-Amministrazzjoni Publika fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Jiġu kkunsidrati talbiet mid-diversi servizzi tas-saħħa inkluż dawk iddedikati lis-saħħa mentali, u dawn ikunu jinkludu firxa wiesgħa ta’ skali u professjonijiet.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 4965 tal-11-il Leġislatura, li kienet tgħid hekk: “Billi l-ġurnali rrappurtaw li 130,000 persuna fis-sena jkollhom xi forma ta' problema ta' saħħa mentali f'Malta, u dan ifisser li madwar 30% tal-poplu Malti jkollu xi forma ta' problema mentali kull sena, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif jitqabbel dan in-numru ma' dak li jiġri f'pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea?”, jista’ l-Ministru jgħid illum kemm hawn Maltin li għandhom xi forma ta’ problema mentali u f’liema lokalitajiet jgħixu dawn in-nies?
Jista’ l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti s-servizz tat-tim ta’ outreach fil-komunità? X’għandu wieħed jagħmel biex jirċievi dan is-servizz? Hemm lista ta’ stennija ta’ persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali biex jirċievu dan is-servizz?
Response (MIZZI, KONRAD)
It-tim tal-Outreach jikkonsisti f`infermieri psikjatriċi, ħaddiema soċjali, assistenti psikologi u care workers.
Dawk in-nies li jiġu rilaxxati mill-isptar psikjatriku u jkollhom bżonn t’assistenza intensiva fil-komunita minħabba problemi kumplessi jew minħabba n-natura tal-marda mentali jiġu riferuti lill dan is-Servizz. Is servizz lil-pazjent jiġi offrut fid-dar tiegħu/tagħha.
Is-Servizz ta’ l-
Outreach
jużaw is-sistema tal-
key worker
fejn kull pazjent jiġi allokat membru mit-tim sabiex tiġi aċċertata li l-bżonnijiet kumplessi tal-persuna jiġu indirizzati kif ukoll li jkun hemm l-kontinuita’ tal-kura.
Ir-rwol tal-
keyworker
huwa li jaħdem fi sħubija mal-pazjent sabiex joħolqu
careplan
li tkun magħmula apposta għall-bżonijiet ta`kull individwu fejn l-aspetti kollha tal-ħajja tal-persuni jintlaħqu sabiex jgħixu kwalita’ ta’ ħajja tajba fil-komunita’.
Il-persuni li jirċievu dan is-servizz jiġu riferuti min konsulent psikjatriku.
Hemm 107 persuni jistennew biex jirċievu dan is-servizz.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma l-aħħar figuri approssimattivi ta’ kemm hawn tfal fl-iskejjel primarji u sekondarji li jbatu bid-dyslexia u kemm huwa maħsub li hawn b’kollox meta tqis u tgħodd, dawk li għad ma jafux li għandhom din il-kundizzjoni? Jista’ jagħti rendikont ta’ x’qed isir fil-qasam tal-edukazzjoni biex dawn it-tfal jiġu misjuba li jbatu minn din il-kundizzjoni? X’qiegħed jagħmel s’issa d-dipartiment biex dawn jiġu megħjuna fl-edukazzjoni tagħhom?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-figuri approssimattivi ta’ tfal li jbatu bid-dyslexia, skont in-numri ta’ dawk li ġew referuti l-SpLD Service (servizz fi ħdan id-Dipartiment tal-Kurrikulu tad-Direttorat tal-Edukazzjoni), huma 420 fl-iskejjel primarji u 1650 fl-iskejjel sekondarji. Riċerki internazzjonali juru li madwar 10% ibatu minn din il-kundizzjoni.
Fil-qasam tal-edukazzjoni jsiru laqgħat mal-Għalliema, Kapijiet tal-iSkejjel u Prinċipali sabiex ikun hemm aktar għarfien tal-kundizzjoni. Kull sena jsir kors għall-ġenituri u kors għall-għalliema. Fl-aħħar tas-sena skolastika jsir
InService Training.
Matul is-sena jsiru diversi sessjonijiet ta’ taħriġ wara l-ħin tal-iskola biex l-għalliema jkunu jafu aktar dwar l-istrateġiji li jgħinu l-istudenti bid-dyslexia jitgħallmu aħjar. Id-Direttorat għandu wkoll librerija speċjalizzata minn fejn it-tfal u l-ġenituri jistgħu jissellfu kotba li huma adattati għall-bżonnijiet tagħhom.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna ġiet moqdija mid-Dipartiment tal-Emerġenza minn nhar is-Sibt 1 ta’ Marzu 2014 fit-8.00am sal-Ħadd 2 ta’ Marzu 2014 8:00am? Jista’ jaqsam il-persuni li nqdew, skont ir-raħal li ġejjin minnu jekk huma ċittadini Maltin u skont il-pajjiż minn fejn oriġinaw jekk huma ċittadini barranin? Kemm mit-total tal-persuni li nqdew fl-emerġenza dakinhar ġew admitted l-Isptar Mater Dei jew sptar ieħor?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li minn informazzjoni miġbura permezz tas-sistema cPAS tal-Isptar Mater Dei, in-numru ta’ attendenzi fid-Dipartiment tal-Emerġenza minn nhar is-Sibt 1 ta’ Marzu 2014 fit-8.00am sal-Ħadd 2 ta’ Marzu 2014 8:00am jinsab fit-tabella hawn taħt maqsum skont ir-reġjun li l-pazjenti oriġinaw minnu.
Minn total ta 269 attendenzi, 73 minnhom ġew
admitted
l-Isptar Mater Dei jew sptar ieħor.
Reġjun
Numru ta’ Attendenzi
NORTHERN DISTRICT
49
NORTHERN HARBOUR DISTRICT
77
SOUTH EASTERN DISTRICT
35
SOUTHERN HARBOUR DISTRICT
46
WESTERN DISTRICT
33
FOREIGN
21
N/A
8
Total
269
Jista’ l-Ministru jgħid għal meta huwa ppjanat li jiġi trasferit il-Monti tal-Ħadd filgħodu tal-Belt Valletta u f’liema parti tal-Belt se jkun qed jarma?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-possibilitajiet ta’ fejn dawn jistgħu jiġu rilokati għadhom qed jiġu studjati u jkunu finalizzati wara li jiġi rilokat dak ta’ fost il-ġimgħa. Il-Ministru waqqaf ukoll kumitat għall-open markets, li fi ħdanu għandu wkoll responsabbilta’ li janalizza r-rilokazzjonijiet tal-open markets.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm huwa n-numru ta’ anzjani li huma rikoverati fid-Djar Residenzjali kemm tal-Gvern, tal-privat u tal-privat f’partnership mal-Gvern? Kemm hemm anzjani li huma fil-waiting list biex jidħlu f’dawn id-djar?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
L-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru totali maqsum f’kategoriji (asylum seekers, refused applications, refuġjati, irregular immigrants, granted humanitarian protection eċċ.) ta’ immigranti rregolari u refuġjati li ġejjin minn pajjiżi li mhumiex fl-Unjoni Ewropea? Jista’ jagħti l-aktar ċifri riċenti ta’ din l-informazzjoni?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Persuni residenti f’Malta li mhumiex ċittadini Maltin
Question
Jista’ l-Ministru jagħti skont l-iktar records riċenti, in-numru ta’ persuni barranin iżda mill-Unjoni Ewropea residenti f’Malta skont il-pajjiż? Jista’ jagħti rendikont tan-numru totali ta’ persuni minn pajjiżi terzi li huma residenti f’Malta skont il-pajjiż tal-oriġini?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid bħalissa kemm hawn persuni mill-Unjoni Ewropea u minn pajjiżi terzi li jaħdmu f’Malta? Jista’ jaqsam dawn iċ-ċifri għal kull pajjiż individwali?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li fl-aħħar ta' Ottubru 2013, in-numru ta' ħaddiema barranin jaħdmu full time u part time bħala xogħol ewlieni kien ta' 15,094. Minnhom 9,670 persuna ġejjin mill-Unjoni Ewropea filwaqt li 5,424 persuna huma minn barra l-Unjoni Ewropea. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli. Tabella 'A' turi n-numru ta' persuni jaħdmu mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea filwaqt li Tabella 'B' turi n-numru ta' persuni jaħdmu li ġejjin minn pajjizi barra l-Unjoni Ewropea.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna ġiet moqdija mid-Dipartiment tal-Emerġenza minn nhar is-Sibt 1 ta’ Marzu 2014 fit-8.00am sal-Ħadd 2 ta’ Marzu 2014 8:00am? Jista’ jaqsam il-persuni li nqdew, skont ir-raħal li ġejjin minnu jekk huma ċittadini Maltin u skont il-pajjiż minn fejn oriġinaw jekk huma ċittadini barranin? Kemm mit-total tal-persuni li nqdew fl-emerġenza dakinhar ġew admitted l-Isptar Mater Dei jew sptar ieħor?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninforma lill-Onorevoli Membru li t-tweġiba għal din il-mistoqsija għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Ċentri ta’ Matul il-Jum – servizz ta’ self-advocacy
Question
Tista’ l-Ministru tgħid liema huma dawk iċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum li għandhom is-servizz tas-self-advocacy? Kemm hemm klijenti li qed jirċievu dan is-servizz u kemm-il darba fix-xahar qed jiltaqgħu?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
L-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali – waiting list
Question
Tista’ l-Ministru tindika kemm hemm impjegati jaħdmu fuq kull servizz mogħti mill-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali? X’inhi l-waiting list li għandhom dawn is-servizzi?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
L-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istandards tar-Residenzi għall-Persuni b’Diżabilità?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa ma jeżistu l-ebda standards għar-residenzi għall-Persuni b’Diżabilità. Infurmata li bħalissa għaddejja ħidma f’dan ir-rigward bl-intenzjoni li abbozz ta’ dawn l-istandards jitnieda għall-konsultazzjoni fix-xhur li ġejjin.
Jista' l-Ministru jgħid meta se tkun lesta u se titwaħħal il-bus shelter li hemm fi Triq Żabbar il-fgura quddiem il-ħanut li d-dettajli dwaru qed jingħataw separatament peress li ilha mill-anqas tliet xhur nieqsa?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat illi l-imsemmi bus shelter għandu jitwaħħal fil-ġimgħat li ġejjin u huwa ippjanat li jkun lest sal-aħħar ta’ Marzu. Dan minħabba modifiki li hemm bżonn li jsiru fil-bankina qabel ma’ shelter ikun jista’ jitwaħħal.
Jista’ l-Ministru jgħid liema żoni huma kklassifikati bħala żoni turistiċi f’pajjiżna? X’għajnuniet irċevew is-sena l-oħra l-kunsilli lokali ta’ dawn iż-żoni mill-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta?
Response (VELLA, KARMENU)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba bbażata fuq is-sena 2013, qabel il-formazzjoni tal-Kumitat Nazzjonali għaż-Żoni Turistiċi.
Dipartiment għall-Ħarsien tal-Familja — spezzjonijiet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm saru spezzjonijiet mid-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Familja s-sena l-oħra? Liema servizzi ġew spezzjonati? X’konklużjonijiet/ rakkomandazzjonijiet ħarġu minn dawn l-ispezzjonijiet?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul l-2013 saru total ta’ 116-il spezzjoni regolari fid-77 Ċentru ta’ matul il-jum għat-tfal li huma registrati (provisional jew temporary) mad-Dipartiment. Minn dawn l-ispezzjonijiet ħarġu b’kollox 757 rakomandazzjoni kif muri f’tabella numru 1 li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Uħud minn dawn ir-rakomandazzjonijiet jintalbu kull sena, filwaqt li oħrajn intalbu skond il-każ, jew għaliex kien għadhom ma ġewx indirizzati mis-sena ta’ qabel.
Saru ukoll 10 spezzjonijiet fuq ilmenti li l-pubbliku rreġistra mad-Dipartiment dwar Ċentri ta’ Matul il-Jum għat-Tfal.
Saru ukoll spezzjonijiet ta’ dokumenti ta’ 6
Aġenziji tal-Addozzjoni
sabiex dawn jiġu akkredidati. F’dawn il-każijiet ma saretx spezzjoni tal-uffiċini.
Id-Dipartiment tal-Istandards fil-Ħarsien Soċjali għaddej ukoll bil-proċess tar-regolazzjoni tad-djar tat-tfal (Out of Home Care). Bħala parti minn dan il-proċess saru ukoll 18-il visita lid- djar tat-tfal. Minħabba li dawn id-djar qegħdin jaħdmu biex jilħqu l-istandards stabbiliti għalihom, dawn il-visiti ikunu aktar maħsuba biex jgħinu fl-iżvilupp tas-servizz, milli bħala spezzjonijiet.
L-ispezzjonijiet fis-settur tad-
Djar tat-Tfal
(
Out of Home
) jibdew la darba s-servizzi ikunu waslu biex jintlaħqu l-i
standards
stabbiliti.
Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali – Customer Care
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il każ kien hemm ta’ persuni li marru għand il-customer care tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali u għand id-Dipartiment tal-Anzjani matul is-sena l-oħra? Kemm minn dawn il-każijiet ġew solvuti jew ingħataw soluzzjoni wara l-interventi li saru?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Aġenziji Appoġġ, Sedqa u Sapport fi ħdan il-Fondazzjoni Ghal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali m’għandhomx sistema fejn tinżamm statistika ta’ kemm-il persuna tiġi moqdija f’customer care. L-anqas ma tinżamm statistika ta x’tip ta’ problemi jkollhom il-klijenti li jiġu jew iċemplu customer care tal-aġenziji. Jekk klijent jiġi b’xi lment, dan/din jiġi riferut lil kap tas-servizz partikolari jew lill-maniġer tas-servizz, jiddependi mill-każ. F’każ li l-ilment ikun wieħed li jimmerita l-attenzjoni ta’ superjur ta’ maniġer, dan jiġi riferut lil Head Office tal-Fondazzjoni Għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali.
Matul is-sena l-oħra ma kienx hemm każijiet li ġew riferuti lil Head Office tal-Fondazzjoni Għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali.