Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru totali maqsum f’kategoriji (asylum seekers, refused applications, refuġjati, irregular immigrants, granted humanitarian protection eċċ.) ta’ immigranti rregolari u refuġjati li ġejjin minn pajjiżi li mhumiex fl-Unjoni Ewropea? Jista’ jagħti l-aktar ċifri riċenti ta’ din l-informazzjoni?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport konklużiv tal-inkjesta li saret rigward tifel ta’ tliet snin li fit-18 ta’ Awwissu 2014 ħareġ mill-iskola (SkolaSajf) tal-Fgura u nstab waħdu barra?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport mitlub mill-Onor. Interpellant.
Panelli fotovoltajċi u panelli solari – ġenerazzjoni ta’ elettriku
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu stmat li qegħdin jiġġeneraw elettriku l-panelli fotovoltajċi u panelli solari kollha bħalissa f’Malta u Għawdex? L-ammont ta’ panelli se jibqa’ jiżdied indefinittivament jew se jkun hemm xi limitu tal-ammont totali ta’ panelli f’pajjiżna?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm jiġi jiswa lill-istat kull student, eskluż l-istipendji, kull sena mill-ewwel sena sal-ħames sena sabiex jagħmel il-kors tal-mediċina M.D.? Bl-istess mod jista’ jgħid kemm jiġi jiswa lill-istat student tal-B.Educ. kull sena mill-ewwel sal-aħħar sena?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li fis-sena akkademika 2010/11, kull student tal-Mediċina ġie jiswa €5,769, filwaqt li kull student tal-B.Ed ġie jiswa €5,023. Fis-sena akkademika 2011/12, kull student tal-Mediċina ġie jiswa €5,877, filwaqt li kull student tal-B.Ed ġie jiswa €4,735. L-ispejjeż ta’ kull student fir-rigward tas-snin akkademiċi sussegwenti għadhom qegħdin jinħadmu.
Kif wieħed jista’ jara, huwa diffiċli li wieħed jikkalkula eżatt kemm kull student jiġi jiswa fuq il-perjodu kollu li l-istudent ikun qiegħed jieħu t-tagħlim tiegħu jew tagħha minħabba l-fatt li l-ispejjeż tal-Università huma pjuttost fissi u jiżdiedu bil-għoli tal-ħajja u skont il-ftehim kollettiv irrispettivament minn numru ta’ studenti, għalkemm hemm spejjeż oħra li n-numru ta’ studenti jaffetwa b’mod dirett u anke indirett. Fil-fatt, it-tnaqqis minn sena għal sena fl-ispejjeż tal-B.Ed kien riżultat ta’ żieda fl-għadd ta’ studenti mill-2010/11 għall-2011/12 u mhux għax naqsu l-ispejjeż tal-Università.
Skejjel — Assenteiżmu minħabba kundizzjonijiet mediċi
Question
Fl-isfond tat-tibdiliet riċenti fil-mod ta’ kif it-tfal qed jiġu ċċertifikati għall-assenza minħabba mard biex jitnaqqas l-assenteiżmu, jista’ l-Ministru jgħid x’għandu x’joffri d-Dipartiment tal-Edukazzjoni biex jgħin lil dawk it-tfal li jbatu minn school refusal li tfisser li student ma jkunx irid imur l-iskola minħabba li din tikkawżalu/a distress emozzjonali?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn din is-sena skolastika (2014-15) il-ġenituri huma obbligati jagħtu raġuni valida ta’ kull ġurnata li l-istudenti jfallu l-iskola. Din hi waħda mill-miżuri li tnedew dan ix-xahar bl-għan li jitnaqqas l-assentejiżmu. Meta l-iskola tinduna li hemm studenti li qed ifallu minħabba li jbatu minn school refusal, dawn jiġu referuti lis-Servizzi Edukattivi Psikosoċjali fi ħdan il-Kulleġġ partikolari. Wara li jsir assessment tal-istudent li ġeneralment isir mill-ħaddiema soċjali dawn jiġu referuti lill-Psikoloġi tal-Kulleġġi jew ma’ professjonisti barra mid-Direttorat għal Servizzi Edukattivi, li qed jaħdmu mal-istudent. F’dawn il-każijiet il-ħaddiema soċjali jaħdmu id f’id ma’ dawn il-professjonisti, li jinkludu ċ-Child Guidance Clinic, psikjatri, psikoloġi u psikoterapisti. Isir ukoll ħafna xogħol mal-ġenituri.
Meta l-istudent jiġi referut direttament lill-Psikoloġi tal-Kulleġġi dawn jiġbru informazzjoni dwar l-interventi li jkunu saru qabel kif ukoll l-attendenza tal-istudent fl-aħħar snin u s-sitwazzjoni preżenti tal-familja tal-istudent.
F’ħafna mill-każijiet isir pjan mal-istudent, il-ġenitur, l-iskola u l-professjonisti involuti biex l-istudent jersaq lejn l-iskola. B’hekk jinħoloq pjan edukattiv individwali għall-istudent li l-għan tiegħu hu li l-istudent jiġi integrat l-iskola ftit ftit.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm tiġi tiswa lill-Istat, l-edukazzjoni ta’ student jew studenta fi skola tal-Gvern f’sena waħda meta jkun year 1, meta jkun year 6, form 1 u form 5 bejn wieħed u ieħor?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li minn eżerċizzju li sar dwar in-nefqa fl-iskejjel tal-Istat għas-sena skolastika 2012-2013, irriżulta li n-nefqa ras għal ras fuq kull student hija ta’ €2,267 kull student fi skola primarja (irrispettivament jekk hux f’Year 1 jew Year 6) u €3,952 kull student fi skola sekondarja (irrispettivament jekk hux f’Form 1 jew f’Form 5).
Jista’ l-Ministru jgħid bejn wieħed u ieħor kemm jiġi jiswa lill-Istat meta jinħadmu l-ispejjeż kollha sabiex pazjent issirlu operazzjoni tal-marrara (open cholecystectomy) kollox inkluż (mid-dijanjożi sakemm ikun liċenzjat il-pazjent)? Jista’ jgħid ukoll kemm tiġi tiswa lill-Istat operazzjoni tal-ftuq (inguinal hernia), u għal pazjenta biex tagħmel hysterectomy għall-fibromi mill-ewwel vista tal-konsulent sakemm tiġi liċenzjata?
Response (MIZZI, KONRAD)
It-tagħrif mitlub f’din il-mistoqsija parlamentari ma jistax jingħata minħabba li hu ta’ natura kummerċjali.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk u meta se tittieħed azzjoni dwar ħames bus shelters li qegħdin fi Triq Hompesch il-Fgura u qegħdin fi stat ħażin uħud anke imsaddin?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li b’kollox Transport Malta se tkun qed tibdel ħames bus shelters fi Triq Hompesh il-Fgura, fejn diġà applikat u akkwistat
il-permessi meħtieġa mill-MEPA. Wieħed minn dawn il-
bus shelters
diġà ġie mibdul, filwaqt li l-erba’ l-oħra se jitwaħħlu fil-fażi li jmiss, ġaladarba jintagħżel il-kuntrattur.
Jista’ l-Ministru jsemmi l-iskemi kollha li ħarġu minn April 2013 s’issa biex jaġevolaw l-użu tal photo-voltaic panels, solar panels u affarjiet ta’ dan it-tip biex in-nies u l-kumpaniji jagħmlu iktar użu mill-enerġija solari?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskemi minn April 2013 s’issa huma hekk :
o Għotja fuq Xiri ta’ Sistemi Fotovoltajċi fis-Settur Domestiku
o Għotja fuq Xiri ta’ sistemi ta' Solar Water Heaters fis-settur domestiku
o Għotja fuq xiri ta’ sistemi għal użu domestiku li jnaqqsu l-konsum tal-enerġija (Roof insulation u Double Glazing)
o Għotja fuq Restawr ta’ Bjar Domestiċi li jintużaw għall-ilma tax-xita.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jittieħdu miżuri biex titnaqqas il-kwantità kbira ta’ karti u flyers b’reklami u promozzjonijiet li jintefgħu kważi kuljum fil-kaxxi tal-ittri u li ħafna minnhom ikunu repetuti u li ċertament huma kaġun ta’ ħela ta’ karti li jispiċċaw tagħbija fuq is-sistema ta’ ġbir ta’ skart domestiku?
Response (BRINCAT, LEO)
Tajjeb li wieħed ifakkar li f’Jannar illi għadda, Malta adottat Pjan Strateġiku dwar l-Immaniġġar tal-iskart, b’emfażi fuq l-użu effettiv tar-riżorsi disponibbli li għandna, fosthom l-iskart. Dan il-Pjan ser iservi sabiex Malta tilħaq l-obbligi tagħha fl-2020, kif inhuma stabbiliti fid-diversi Direttivi tal-Unjoni Ewropea. Is-suċċess ta’ dan il-Pjan, mhux biss jitlob implimentazzjoni effettiva minnaħa tal-Gvern pero’, jitlob ukoll il-kooperazzjoni u l-interess tal-pubbliku inġenerali. Għaldaqstant, dan il-Pjan ġie mfassal b’tali mod sabiex jiġbor fi ħdanu strateġija dwar kif il-Gvern ser jindirizza il-ġenerazzjoni tal-iskart. Dan il-Pjan ser ikun akkompanjat minn kampanja edukattiva effettiva, li l-għan prinċipali tagħha sejra tkun sabiex nedukaw lill-pubbliku inġenerali dwar x’miżuri wieħed jista’ jieħu sabiex inaqqas milli jiġġenera skart bla bżonn. Fosthom, miżuri immirati għat-tnaqqis fl-użu ta’ karti u materjal promozzjonali ieħor, bħal ngħidu aħna flyers, magazines, eċċetera, eeċċetera.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba minn Ġunju 2013 sal-lum, kien hemm outbreaks ta’ gastroenterite fid-djar tal-anzjani taż-Żejtun, ta’ Bormla, Casa Arkati, tal-Mellieħa, Villa Messina u Roseville?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn Ġunju 2013 sal-lum, kien hemm outbreak wieħed ta' gastroenterite fid-dar tal-anzjani taż-Żejtun. Ma kienx hemm outbreaks fid-djar l-oħra msemmija.
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk id-djar residenzjali tal-anzjani li jinvolvu direttament lir-residenti tagħhom fit-tmexxija ta’ dawn id-djar? Jista’ jgħid kemm-il darba jiltaqgħu biex jiddiskutu mar-residenti dwar it-tmexxija tal-post?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid f’dawn l-aħħar tliet snin, sal-lum, kemm-il flat jew appartament ġew allokati mill-Awtorità tad-Djar lill-Isptar Monte Karmeli jew lil xi għaqda volontarja sabiex fihom jiġu allokati persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tad-Djar hux ser tibni appartamenti biex jiġu utilizzati bħala sheltered housing għall-anzjani? Jekk iva, meta u fejn sejrin jinbnew dawn l-appartamenti?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti s-servizz tal-Home Tuition u min jista’ japplika għalih? Kemm huwa n-numru ta’ studenti li qed jirċievu dan is-servizz f’din is-sena skolastika?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li dan is-servizz jipprovdi lill-istudenti tagħlim edukattiv kontinwu u jnaqqas l-effett fit-tagħlim li jista’ jħalli fuqhom minħabba l-assentejiżmu fit-tul tagħhom mill-iskola. Dan is-servizz jgħin ukoll biex studenti jirritornaw u jintegraw lura fl-iskola. Jista’ japplika għalih kull student li għandu Ċertifikat mingħand Konsulent li jindika li l-istudent ma jistax jattendi skola minħabba raġunijiet mediċi għal iktar minn erba’ ġimgħat.
Matul din is-sena skolastika 2013/2014 dan is-servizz ġie mgħoti lil 27 student/a.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex pazjenti li jidħlu l-Isptar Monte Karmeli anke b’kundizzjonijiet psikotiċi gravi jew anke suwiċidali jridu jistennew minn jumejn sa ġimgħa sabiex jarahom il-konsulent psikjatra,u dan għax uħud minn dawn il-konsulenti jattendu l-Isptar Monte Karmeli darba fil-ġimgħa biss tant li jekk dik il-ġurnata li fiha jattendi tinzerta festa pubblika il-pazjent ikollu anke jistenna sa ġimagħtejn mingħajr ma jarah il-konsulent psikjatra?
Response (MIZZI, KONRAD)
Kuljum isir
ward round
mit-Tobba psikjatri biex jaraw il-pazjenti kollha.
Il-
Multidisciplinary Team
jiltaqa biex jara l-pazjenti regolarment.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi attwalment il-pożizzjoni għal dawk il-persuni li jbiddlu s-sess tagħhom minn maskil għall-femminil jew viċe versa għal dak li għandu x’jaqsam mal- bdil ta’ isem għal wieħed tas-sess oppost fuq il-karta tal-identità tagħhom? Il-bdil fis-sess jew gender japplika biss jekk il-parti intima tinbidel għal dak tas-sess oppost jew dan mhux neċessarju? Din il-mistoqsija qed issir fid-dawl tat-tibdiliet kostituzzjonali li saru riċentament u li jħarsu kontra d-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ orjentazzjoni sesswali jew gender?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-każ ta' dettalji personali li jitniżżlu fuq il-karta tal-identità dawn iridu jirriflettu l-informazzjoni li hemm reġistrata fir-Registru Pubbliku. Fil-każ ta' persuni li jbiddlu s-sess tagħhom minn maskil għall-femminil jew viċi versa jistgħu ibiddlu l-isem fir-Reġistru Pubbliku skont l-Artikolu 257A tal-Kodici Ċivili (Kap16) wara azzjoni ġudizzjarja fejn persuna tipprova li tkun, filfatt, għaddiet minn bidla irriversibbli ta' sess. Sussegwentement il-karta tal-identità ta’din il-persuna tinħareġ skont kif tkun reġistrata fir-Reġistru Pubbliku.