Legislature:
Category:
Reset
Active:

Nies b’problemi ta’ saħħa mentali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu stmat li hemm persuni bi problemi ta’ saħħa mentali f’pajjiżna u f’liema lokalitajiet jew reġjun jgħixu? Jista’ jinkludi kemm dawk il-persuni li għaddew minn problemi u kemm dawk li qegħdin ibatu minn problemi mentali?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Qasam tas-saħħa mentali – servizz ta’ Family Therapy

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fil-Qasam tas-Saħħa Mentali hemmx servizz ta’ Family Therapy speċjalment biex jiġu megħjuna l-membri kollha tal-familja fejn hemm xi ħadd ibati minn nuqqas ta’ saħħa mentali? Jekk iva, x’għandu jagħmel biex wieħed jirċievi dan is-servizz?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-psikjatra jew it-tabib tal-familja jista' jirreferi l-każ lid-Dipartiment tal-Psikologija, jekk iħoss li persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali jew il-familja tagħhom jistgħu jibbenefikaw minn servizzi psikoloġiċi. Familji ta’ tfal bi problema ta’ saħħa mentali li jattendu ċ-Child Guidance Clinic u li jistgħu jibbenifikaw minn dan is-Servizz ta’ Family Therapy jiġu rriferuti lill Family Therapy Services fi ħdan L-Appoġġ.

Programm ta’ Ħbiberija — persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti l-Programm ta’ Ħbiberija indirizzat għall-persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali? X’għandha tagħmel persuna b’nuqqas ta’ saħħa mentali biex tirċievi dan is-servizz u tibqa’ tgħix fil-komunità?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor Interpellant li dan is-servizz jindirizza persuni li ghandhom diffikulta’ biex jissocjalizzaw jew ghandhom nuqqas ta’ support bhal hbieb jew familjari fil-post fejn jghixu. Biex persuna li ghandha nuqqas ta’ sahha mentali taccedi ghal dan is-servizz trid tigi referuta mit-Team psikjatriku li huwa responsabbli ghal kura tieghu/taghha. Dan jista’ jsir kemm mill-isptar kif ukoll mill-komunita’.

Mental Health Screening fl-iskejjel

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 4735, jista’ l-Ministru jgħid f’dawn l-aħħar sentejn kemm kien hemm studenti identifikati li għandhom bżonn għajnuna minħabba problemi ta’saħħa mentali?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li matul is-sena skolastika 2013-2014 u s-sena skolastika 2014-2015 fl-iskejjel tal-Istat kien hemm 366 student fil-livell primarju u 488 student fil-livell sekondarju li ġew riferuti minħabba problemi relatati mas-saħħa mentali. Iċ-ċifra mogħtija hija bbażata fuq il-kriterji ta’ ICD-10 (International Classification of Diseases – Chapter 10) maħruġ mill-World Health Organisation. Fl-Iskejjel tal-Knisja u fl-Iskejjel Indipendenti n-numru ta’ studenti li f’dawn l-aħħar sentejn kienu identifikati li għandhom bżonn għajnuna minħabba problema ta’ saħħa mentali huwa kif ġej: Skejjel tal-Knisja: total ta’ 77 student Skejjel Indipendenti: total ta’ 41 student.

ETC – persuni b’problemi ta’ saħħa mentali li jirreġistraw

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni bi problemi ta’ saħħa mentali jirreġistraw għax-xogħol fil-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ f’dawn l-aħħar sentejn? Kemm minn dawn il-persuni sabu x-xogħol u x’tip ta’ xogħol sabu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta' persuni bi problemi ta' saħħa mentali jirreġistraw għax-xogħol fuq l-ewwel u t-tieni parti tar-reġistru mal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ bejn Marzu 2013 u Frar 2015 kien ta' 185 persuna. Minn dawn sabu xogħol 56 persuna u 27 minnhom għadhom jaħdmu. Ix-xogħol li sabu kien f’dawn ix-xogħlijiet: Accounting associate professionals Care worker Cashier Clerk Consultant management Contractor building project management Coordinator administration office administration or management Deliveryman Engineer software Hand packers Heavy truck and lorry drivers Machine Operator Porter kitchen Real estate agents and property managers Sales Person Security guards Technician (other) Waitress Accounting associate professionals

Persuni akkużati u mtellgħin il-Qorti fil-konfront ta' persuni minuri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew akkużati u mtellgħin il-Qorti persuni bejn it-18-il u l-24 sena għax ksiru l-artikolu 203 u 203A tal-kodiċi kriminali fil-konfront ma’ persuni minuri ta’ 16-il jew 17-il sena? Jista’ jelenka ċ-ċifri sena b’sena mill-2004 sal-2014?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.

Persuni akkużati u mtellgħin il-Qorti fil-konfront ta' persuni minuri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm instabu ħatja fil-Qrati tal-Ġustizzja persuni ta’ bejn it-18-il u l-24 sena għax kisru d-dispożizzjonijiet tal-artikolu 203 u 203A tal-kodiċi kriminali fil-konfront ma’ persuni minuri ta’ 16-il jew 17-il sena? Jista’ jelenka ċ-ċifri sena b’sena mill-2004 sal-2014? Jista’ jgħid minn kemm sa kemm jvarjaw il-pieni li ngħataw?

Response (BONNICI, OWEN)

B’referenza għad-domanda tal-Onor. Membru, fil-Qrati tal-Ġustizzja Malta u Għawdex ma tinżammx statistika ta’ kemm persuni bejn it- 18-il u l-24 sena nstabu ħatja għax kisru d-dispożizzjonijiet tal-artikolu 203 u 203A tal-kodiċi kriminali fil-konfront ma’ persuni minuri ta’ 16-il jew 17-il sena.

Sptarijiet tal-Gvern – regolamenti/linji gwida – komunikazzjoni dwar djanjożi serji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk it-tobba u l-konsulenti fl-isptarijiet tal-Gvern għandhomx xi regolamenti jew linji gwida ma xiex jimxu meta jiġu biex jikkomunikaw xi djanjożi serja bħall-kanċer lill-pazjenti?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma l-Onor. Interpellant li t-tobba u l-konsulenti jimxu fuq il-prassi stabbilita skont l-etika medika.

Ċentri ta’ Riżorsi tal-Familja – twaqqif

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew imwaqqfa ċentri ta’ riżorsi tal-familja u fejn huma allokati? Kemm hemm impjegati f’kull ċentru u x’ħidma qed titwettaq fihom? Fejn sejrin jitwaqqfu aktar ċentri? Meta se jitwaqqfu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett tal-LEAP s’issa għandu 7 ċentri, mifruxin madwar Malta u Għawdex, mqassma kif ġej: · Fir-reġjun tat-tramuntana, twaqqfu 2 ċentri għall-Iżvilupp Soċjali; wieħed ġewwa l-Qawra u l-ieħor il-Belt Valletta, kif ukoll Ċentru tar-Riżorsi għall-Familja ġewwa l-Imsida. · Fir-reġjun tal-Punent, insibu Ċentru wieħed għall-Iżvilupp Soċjali li qiegħed gewwa Ħal-Qormi. · Fir- reġjun tan-nofsinhar, insibu iċ-Ċentru għall-Iżvilupp Soċjali f’Ħal-Kirkop u iċ-Ċentru tar-Riżorsi għall-Familja ġewwa fiż-Żurrieq. · Fir-reġjun t’Għawdex infetaħ Ċentru għall-Iżvilupp Soċjali gewwa ix-Xewkija. Fix-xhur li ġejjien, sal-aħħar ta’ Settembru 2015, il-Ministeru ser ikun qiegħed ikompli bil-ħidma tiegħu biex jinfetħu ċentri ġodda ġewwa l-Birgu, l-Isla, Santa Luċija, il-Mosta, in-Naxxar, l-Pieta’, Marsaskala u l-Imġarr. Ninforma lill-Onor. Interpellant li fiċ-ċentri imwaqqfa, b’kollox hemm total ta 28 impjegat fi rwoli ta’ Job Advisors, Social Mentors, Regional Development Agents u Community Workers. Il-ħidma ta’ dawn iċ-ċentri tikkonsisti f’analiżi tar-realtajiet li qegħdin jgħixu fihom ir-reġjuni ikkonċernati. Wara li rajna sew x’inhuma l-bżonnijiet ta’ ħafna mir-reġjuni, ħdimna biex jinħolqu servizzi li jkunu aċċessibli għar-residenti tal-komunità partikolari. F’ħidma konpunta ma’ diversi għaqdiet non-governattivi, kif ukoll l-paroċċi, il-proġett LEAP qiegħed iwessa’ l-ispettru mhux biss ta’ nies li qegħdin jirreferi għal programm imma ukoll l-inizzjattivi qed ikunu aktar u akbar. Fiċ-ċentru ta’ din il-ħidma hemm it-tagħlim fuq it-trobbija tal-ulied, tagħlim dwar il-ħajja u kif tipprepara lilek innifsek biex tidħol fid-dinja tax-xogħol. Wieħed mill-aħħar servizzi li ġie mniedi, kien il-kunċett tal-Boutique, fejn fl-Aċċess tal-Belt Valletta, qegħdin ngħinu lil persuni li għandhom bżonn imbuttatura finanzjarja, ikollhom portata tajba meta jmorru għal xi intervista fuq opportunita’ ta’xogħol. B’dan il-mod mhux biss qegħdin nagħtu dinjita’ lil dawn il-persuni imma motivazzjoni biex iħarsu ‘l quddiem u ma jieqfux milli jfittxu xogħol għax sempliċiment ma għandhomx ilbies xieraq. Finalment, iċ-ċentri tal-LEAP għandhom networks minn fejn tista’ tikseb kuntatt dirett ma’ diversi stakeholders, inkluż il-kunsilli lokali, skejjel, u dipartimenti tal-gvern fost oħrajn.

Programm LEAP – tnaqqis ta’ faqar fil-familji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-programm LEAP li ilu mwaqqaf mill-2013 hux qed jikkontribwixxi lejn it-tnaqqis tal-faqar fil-familji u tal-individwi li jagħmlu parti minn gruppi żvantaġġjati?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-benefiċċji miksuba mill-LEAP li beda jigi implimentat f’Gunju 2014 speċifikament jimmiraw biex jinħolqu opportunitajiet ta' xogħol għall-individwi vulnerabbli, u għall-integrazzoni tal-istess benefiċċjarji mill-ġdid fis-soċjetà ta’ madwarhom, minn fejn jitħarġu jirkupraw il-kompetenzi soċjali meħtieġa. L-għan ewlieni tal-proġett huwa li jnkiseb għarfien mill-individwu fuq suġġetti bażiċi li jgħinhom kif għandhom jaffaċjaw varji sitwazzjonijiet fil-ħajja ta’ kuljum,. Il-proġett LEAP qed iservi ta’ għajnuna għal 270 benefiċċjarju, fosthom membri tal-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin, persuni b’diżabilita’, ġenituri adoloxxenti u persuni l-fuq minn 50 sena. F’ħidma sfieqa kontra l-faqar u l-qagħda diffiċli li ħafna familji qegħdin jaffaċjaw, il-proġett LEAP irnexxilu jgħin lil 34 benefiċċjarju jsibu xogħol. Barra min hekk, il-proġett LEAP irnexxilu jqanqal f’6 benefiċċjarji, ix-xewqa li jkomplu bl-edukazzjoni tagħhom. Numru ta’benefiċċjarji qegħdin ukoll jibbenefikaw minn top-up allowance ta’ €300 fix-xahar, meta jidħlu f’impjieg full-time, u/jew €150 fix-xahar, jekk ikunu f’impjieg ta’ bażi part-time. Dan it-top up qed jiġi mogħti mingħajr ma jsir tnaqqis mill-benefiċċji soċjali li t-tali individwi huma eleġibbli għalihom.

LSAs – kors full-time

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx kors fuq bażi full-time għal LSAs sabiex jiġi żgurat li dawn ikunu mħarrġa biex jaħdmu ma’ studenti b’tipi differenti ta’ bżonnijiet edukattivi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-korsijiet li ġew organizzati għal-LSAs kienu fuq bażi part-time, jiġifieri dawn saru wara l-ħin tal-iskola. It-taħriġ li qed jingħata lil-LSAs ikopri diversi temi marbuta mal-edukazzjoni inklussiva. Dan sabiex ikun żgurat li l-LSAs ikunu mħarrġa kif xieraq biex jaħdmu u jissapportjaw studenti li jkollhom xi forma ta' diżabbiltà fiżika jew xi kundizzjonijiet oħra, fosthom l-awtiżmu u l-ADHD.

Korp tal-Pulizija – linji gwida – persuni bi problemi ta’ saħħa mentali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Korp tal-Pulizija għandux linji gwida ċari dwar imġiba tagħhom fil-konfront ta’ persuni b’diżabilità, inkluż dawk li għandhom problemi ta’ saħħa mentali? Jekk iva, jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dawn il-linji gwida?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li għal dak li jirrigwarda persuni b’diżabbilita’, inkluż dawk li għandhom problemi ta’ saħħa mentali, il-Korp tal-Pulizija fil-kurrikulu tat- taħriġ għar-rekluti, surġenti u spetturi kadetti, għandu ‘units’ apposta li jiġu mgħallma fl-Akkademja tal-Pulizija fuq dan is-suġġett. Dawn ġeneralment jingħataw mir-‘Richmond Foundation’. Barra minn hekk, fil-Kodiċi ta’ Etika tal-Korp tal-Pulizija, hemm indikat bħala parti mill-obbligi li l-membri tal-Korp tal-Pulizija għandhom lejn is-soċjetà, l- attenzjoni speċjali lil dawk il-gruppi hekk imsejħa vunerabbli (il-minorreni, l-anzjani, il-persuni b’diżabilità, etċ) li minħabba ċ-ċirkustanzi speċjali li jinsabu fihom, jinħtieġu protezzjoni akbar minn ħaddieħor (paġna 8 tal-Kodiċi t’Etika). Il-protezzjoni ta’ dawn il-persuni tinsab b’ċertu dettal f’artikolu 17 tar-Raba’ Skeda tal-Att dwar il-Pulizija (Kap. 164), jiġifieri l-Kodiċi ta’ Prattika għall-Interrogazzjoni mill-Pulizija. Barra min dan il-Korp tal-Pulizija qiegħed f’kuntatt mal-Kummissarju dwar is-Saħħa Mentali, sabiex jiġu ddraftjati ordnijiet ta’ proċedura (SOPs) għall-membri tal-Korp għal dak li għandu x’jaqsam mal-Att dwar is-Saħħa Mentali (Kap. 525).

Priġunieri b’diżabilità – taħriġ lill-ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’taħriġ sar għall-ħaddiema li jaħdmu ma’ priġunieri b’diżabilità inkluż dawk bi problemi ta’ saħħa mentali u ma’ dawk li jfittxu l-ażil? Fiex kien jikkonsisti dan it-taħriġ? Hemm xi kodiċi ta’ prattika fejn il-ħaddiema jridu josservaw waqt dmirijiethom?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Priġunieri li jbagħtu minn kundizzjoni ta’ saħħa mentali, jitqiegħdu ġewwa l-Forensic Unit fl-isptar Monte Carmeli, wara li jkunu eżaminati mill-psikjatra tal-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin. Tajjeb jingħad li għadd ta’ professjonisti fosthom infermiera, tobba, psikologi u psikjatra jaqdu dmirijiethom sabiex is-saħħa mentali tal-priġunier tkun salvagwardjata. Fir-rigward tal-priġuniera li qed ifittxu l-ażil, dawn jindirizzaw l-bżonnijiet tagħhom primarjament is-sezzjoni tal-ħaddiema soċjali kif ukoll il-psikologi tal-istess faċilità. L-imsemmija professjonisti huma kollha mħarġa fil-professjoni tagħhom. Tajjeb jingħad ukoll li fil-Forensic Unit l-uffiċjali korrettivi huma primarjament ikkonċernati fejn tidħol sigurta’ tal-istess Unit, liema uffiċjali huma imħarġa f’dan ir-rigward. Bħala kodiċi ta’ prattika, l-imsemmija professjonisti jsegwu il-kodiċi ta’ prattika li jirriżulta mill-professjoni tagħhom. Fir-rigward ta’ kodiċi ta’ prattika tal-uffiċjali korrettivi, dawn isegwu r-Regolamenti tal-Ħabs.

Vouchers tal-Gluten Free — prodotti

Question

Jista' l-Ministru jgħid għalfejn bil-vouchers tal-gluten free foodstuffsgħal dawk li jbatu bis-celiac disease mhux qegħdin jingħataw ċertu prodotti bħall-gluten free ice-cream jew ready made pizza gluten free minn dawn il-ħwienet awtorizzati?

Response (MIZZI, KONRAD)

Is-Coeliac disease hija marda kronika li taqa’ taħt ir-regolamenti li jagħmlu parti mill-Ħames Skeda skond l-Att tas-Sigurtà Soċjali magħrufa bħala l-Kartuna s-Safra. Il-pazjenti li jsofru minn din il-kundizzjoni kronika jkollhom intolleranza ghall-prodotti magħmula minn tqiq li jkun fih il-proteina ‘glutina’. Ġeneralment il-prodotti li jkun fihom il-glutina jinkludu l-qamħ ( wheat ), xgħir ( barley ), segala ( rye ), u ħafur ( oats ). Għaldaqstant, din l-Iskema tkompri biss dawk il-prodotti li jagħmlu parti mid-dieta ewlenija (ta’ kuljum) u li jkunu ġew ipproċessati mingħajr l-użu tal-glutina – u li għaldqastant jissejħu gluten free. L-iskema ma tkoprix prodotti bħal laħam, ħut, bajd, ħalib, ħaxix, frott, ilma eċċ. għaliex dawn il-prodotti huma di natura mingħajr glutina u jagħmlu ukoll parti mid-dieta ewlenija (ta’ kuljum) tal-popolazzjoni li ma tbatix minn din il-kundizzjoni kronika. Għalhekk, l-għaġina tal-pizza taqa’ taħt l-iskema u mhux ir-‘ ready made pizza ’. Il-ġelat huwa magħmul mill-ħalib u għalhekk ma jaqax taħt l-iskema. Dawn il-punti kienu kollha msemmija fis-Service Level Agreement li gie ffirmat mill-operaturi kollha li qed jippartecipaw fl-Iskema.

Pjazza Jean De La Vallette — tisbieħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li tiġi msebbħa jew imżejna aktar il-pjazza Jean De La Vallette fil-belt Valletta u jekk iva kif ser isir dan?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-riabilitazzjoni u riġenerazzjoni ta' żoni differenti ġewwa l-Belt Valletta huwa dejjem fuq quddiem fil-ħsieb tal-Ministeru. Fil-fatt, bħalissa hemm xogħol ta' tisbiħ għaddej fi Pjazza Kastilja u Strada Stretta, u fix-xhur li ġejjin hemm il-ħsieb li jinbeda xogħol ta' tisbiħ taħt il-loġoġ ta' Pjazza San Ġwann, it-tqegħid ta' street furniture ġo Triq ir-Repubblika u t-tisbiħ taż-żona ta' madwar il-funtana tat-Tritoni. Hemm ukoll pjanijiet għal żoni oħra tal-Belt inkluż dik ta' Pjazza Jean De La Vallette. Iktar dettalji jistgħu jingħataw hekk kif il-pjanijiet ikunu mfassla f'iktar dettall.

Dipartiment tal-Edukazzjoni – servizzi għat-tfal bl-ADHD

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’servizzi jiġu offruti min-naħa tad-Dipartiment tal-Edukazzjoni sabiex jiġu megħjuna tfal bl-attention deficit and hyperactivity disorder?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li studenti li għandhom Attention Deficit and Hyperactivity Disorder jingħataw is-servizz ta’ psikologu (permezz tal-iSchool Psychological Services), kif ukoll is-servizz ta’ counselling u guidance, fejn ikun hemm il-bżonn. Dawn l-istudenti għandhom ukoll is-support tal-Learning Support Assistant (LSA) skont il-gravità tal-każ.

Dipartiment tal-Edukazzjoni – servizzi għat-tfal bid-dyslexia

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’servizzi jiġu offruti min-naħa tad-Dipartiment tal-Edukazzjoni sabiex jiġu megħjuna tfal bid-dyslexia?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-servizzi li jingħataw lil tfal bid-dyslexia fid-Dipartiment tal-Edukazzjoni huma dawn li ġejjin: · Assessjar ta’ dawk l-istudenti li ġew riferuti mill-ġenituri jew mill-għalliema tagħhom. · Korsijiet għall-ġenituri biex jifhmu d- dyslexia u l-bżonnijiet varji tat-tfal. · Korsijiet għall-għalliema biex ikunu aktar imħarrġa dwar il-bżonnijiet ta’ min hu dyslexic u kif jistgħu jgħinu t-tfal b’din il-kundizzjoni. · Korsijiet għall-ġenituri biex ukoll jgħinu biex jissapportjaw aħjar l-iżvilupp tal-qari u kitba d-dar. · Żvilupp professjonali fl-iskejjel biex tinħoloq aktar kuxjenza u għarfien fuq il-kundizzjoni tad- dyslexia u fuq dak li jista’ jitwettaq fil-prattika fil-klassijiet. · Tagħrif u sapport lill-kapijiet tal-iskejjel biex l-iskejjel isiru aktar dyslexia-friendly. · Laqgħat għall-ġenituri. · Librerija fejn jinsabu kotba li huma magħżula speċifikament għat-tfal li jbatu minn din il-kundizzjoni. · Korsijiet għall-istudenti tas-sekondarja fuq kif jistgħu jistudjaw aħjar.

Dipartiment tal-Edukazzjoni – servizzi għat-tfal b’autistic spectrum disorder

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’servizzi jiġu offruti min-naħa tad-Dipartiment tal-Edukazzjoni sabiex jiġu megħjuna tfal bl-autistic spectrum disorder?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li studenti bil-kundizzjoni tal-awtiżmu (Autistic Spectrum Disorder) minn età bikrija jingħataw is-support ta’ Resource Worker jew ta’ Early Intervention. Dawn jagħtu s-support tagħhom fid-djar jew fiċ-Child Care Centres. Wara s-snin bikrin jibda s-servizz mal-Autism Spectrum Disorder Support Team, li jibqa’ jaħdem ma’ dawn l-istudenti sal-edukazzjoni sekondarja. Dan it-tim jiżviluppa strateġiji ta’ tagħlim mal-għalliema tal-klassi, mal-LSAs u mas-Senior Management Team tal-iskejjel. Dawn l-istudenti jkollhom ukoll is-support tal-Learning Support Assistant, kif ukoll jiġu rreferuti għall-iSTEP Programme tal-Inspire.

Trasport Pubbliku — tariffi mnaqqsa għall-persuni b'diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jgħid għalfejn l-offerti li hemm b'tariffi mnaqqsin tat-trasport pubbliku għall-persuni b'diżabilità jeħtieġ li jkollhom il-blue stickeru mhux l-ispecial ID Card tad-diżabilità peress li persuni b'diżabilità li m'għandhomx karozza, ma jistax ikollhom blue sticker minħabba li dawn qegħdin għal min għandu karozza?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Blue Badge ma tinħariġx biss lill-persuni b’diżabilità li għandhom karozza, iżda tinħareġ lil dawk il-persuni li għandhom restrizzjoni permanenti fil-mobilità tagħhom. Inżid ukoll li din is-sistema kienet ġiet introdotta fis-sena 2011 bid-differenza li t-tariffi għal persuni b’diżabiltà issa se jkunu irħas.
Leg 12 PQ #15682 Sitting 258 2015-05-04 Oral · Final From: ETIENNE GRECH To: Ministeru għat-Turiżmu

Air Malta – driver/loader — pagi

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jew jiċċara jekk driver/loader u driver mal-Air Malta fis-snin tmenin u disgħin kinux jingħataw l-istess paga jew jaqgħux taħt l-istess kategorija għall-fini ta’ paga?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, skont il-ftehim kollettiv iffirmat mal-Union li tirrappreżenta din il-kategorija ta’ ħaddiema, fis-snin imsemmijja ma kienx kemm kategorija ta’ driver biss iżda kien hemm il-kategorija ta’ driver/loader.