Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tad-direct orders kollha li saru fuq xiri relatat mat-tmexxija tal-immigranti rregolari minn Marzu tal-2004 sa’ Marzu tal-2013, u kemm swew il-Gvern individwalment? Jista’ jindika min ta l-approvazzjoni għal dawn id-direct orders u lil min ingħataw?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.
Forzi Armati ta’ Malta – uffiċjali promossi fir-ranks ta’ Lieutenant Colonel u ta’ Colonel
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk bejn l-1 ta’ Jannar 2005 u Marzu tal-2013 ġewx promossi uffiċjali fir-ranks ta’ Lieutenant Colonel u ta’ Colonel fil-Forzi Armati ta’ Malta mingħajr ma kellhom xi Staff Course barra l-pajjiż? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-uffiċjali li ġew promossi għal dawn ir-ranks fil-perjodu msemmi? Jista’ jgħid x’tip ta’ Formation Courses dawn l-uffiċjali temmew b’suċċess? Jista’ jgħid jekk kienx hemm minnhom li ma lestewx il-Formation Course b’suċċess? Jekk iva, jista jgħid jekk intalbux jirrifondu xi spejjeż kif inhi l-prassi u kif isir ma’ membri oħra fl-Armata?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant ninsab infurmat li bejn il-perjodu msemmi ġew promossi uffiċjali fir-ranks imsemmija kif elenkat hawn taħt:
Logutenent Kurunell - 20 (u ieħor li huwa Kirurgu)
Kurunell - 7 (4 minnhom mill-20 imsemmija hawn fuq)
Mill-20 Uffiċjal li ġew promossi għall-grad ta’ Logutenent Kurunell, 15 ma kellhomx Staff Course barra l-pajjiż meta ġew promossi. Mis-7 Uffiċjali li ġew promossi għall-grad ta’ Kurunell, 5 ma kellhomx Staff Course barra l-pajjiż meta ġew promossi.
Il-lista ta’ dawn l-Uffiċjali kollha, bil-courses li segwew, inklu¿ il-Formation courses, qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Fl-istess lista jidher ukoll żewġ uffiċjali li ma lestewx il-Formation course b’suċċess – wieħed għal darbtejn fuq raġuni medika, u l-ieħor fuq każ ta’ dixxiplina. Iż-żewġ Uffiċjali msemmija baqgħu telgħin sat-tieni l-ogħla grad fl-Armata – Kurunell – u ħadd minnhom ma kien ġie mitlub jirrifondi xi spejjeż relatati mal-kors li ma temmewx.
Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar il-proġett taċ-Ċittadella?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li l-proġett taċ-Ċittadella huwa proġett li kien ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea. Kien jikkonsisti f’diversi komponenti li kienu jinkludu: il-konverżjoni ta’ żewġ ġibjuni tal-ilma f’ ċentru għall-viżitaturi, ir-riabilitazzjoni tal-foss, ir-restawr tal-faċċati tal-binjiet storiċi, l-istallazzjoni ta’ sistema ġdida ta’ dwal u floodlighting, it-tindif u konsolidazzjoni tar-rovini, il-bdil tal-Mużew tal-Folklor f’dar tal-periodu, l-istallazzjoni ta’ diversi liftijiet, ir-rikostruzzjoni tat-triqat, passaġġi u l-Pjazza tal-Katidral, xogħlijiet fuq dar fit-Telgħa tal-Belt biex isservi ta’ blokk amministrattiv, xogħlijiet ta’ tisbiħ u rinovar taċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċittadella, diversi xogħlijiet ta’ ħadid, azzar u injam u l-istallazzjoni ta’ sinjali u tabelli ta’ informazzjoni. Matul it-twettiq tax-xogħlijiet li saru kollha taħt is-superviżjoni kontinwa ta’ arkeoloġisti, instabu bosta fdalijiet ta’ importanza arkeoloġika u storika li ġew integrati fil-proġett. Illum ix-xogħol huwa kważi kollu lest ħlief għal xogħlijiet ta’ tisbieħ li għaddejjin fid-daħla taċ-Ċittadella li mistennija li jkunu lesti dalwaqt.
Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar il-proġetti ta’ Eko-Għawdex li saru minn Marzu 2013 sal-lum?
Response (REFALO, ANTON)
Qiegħed ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-proġetti u inizzjattivi li saru minn Marzu 2013 sal-lum huma skont it-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jelabora dwar il-pjanijiet li l-Ministeru għandu għal Gozo Museum?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li l-pjan illi l-Ministeru għal Għawdex għandu fir-rigward tal-Gozo Museum hu li joħloq mużew b’kunċett innovattiv għal Għawdex. Il-proġett jikkonsisti fit-twettiq ta’ mużew reġjonali li għall-ewwel darba ser jgħaqqad diversi suġġetti flimkien, fosthom l-arkeoloġija, il-folklor, l-istorja naturali u l-arti viżiva f’esperjenza ġdida u unika għal kull min iżuru.
Ix-Xagħra – 8th September Avenue u Misraħ il-Vitorja — embellishment
Question
Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar l-embellishment qawwi li qed iwettaq il-Ministeru għal Għawdex f’Misraħ il-Vitorja u 8th September Avenue, fix-Xagħra?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li bħalissa għaddej xogħol ta’ pavimentar ġewwa l-pjazza. Kif jitlesta dan ix- xogħol jingħata l -asfalt fil-bqija tal-pjazza.
Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar il-proġett fi Triq is-Sannat, is-Sannat?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma qiegħda tipprepara d-disinn għas-servizzi ġodda. Kif jitlestew, joħorġu s-sejħiet għall-offerti.
Jista’ l-Ministru jgħid dwar il-baga l-ġdida tal-cruise liners li l-Ministeru għal Għawdex jixtieq ipoġġi fix-Xlendi?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ġa tlesta l-ewwel studju ta’ taħt il-baħar, filwaqt li qed isiru l-preparamenti biex jinbeda t-tieni studju li se jwassal għal għarfien dwar ix-xogħol implikat. Bħalissa għaddejjin taħdidiet bejn l-Awtorita’ Maltija tat-Trasport, il-Ministeru għal Għawdex u stakeholders fl-industrija biex tinġabar l-aħjar informazzjoni għall-istadju li jmiss tal-proġett.
Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar il-bini ta’ Dar tal-Anzjani f’Għajnsielem Għawdex? Jista' jikkonferma kemm se jkunu alloġġjati anzjani f’din l-istess Dar?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li x-xogħol tal-bini tad-dar ta’ San Ġużepp beda. Bħalissa għaddej ix-xogħol fuq il-pedamenti u fuq il-ġiebja u mistennija jiġu alloġġjati 140 anzjan/a.
Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar il-bini ta’ pixxina (natatorium) f’Għawdex? X’sar minn amministrazzjonijiet Nazzjonalisti dwar din il-pixxina?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex permezz tal-privitisation unit ħareg RFP li bħalissa qeda fil-fażi ta' aġġudikazzjoni. Gvern preċedenti għażel is-sit u ġab il-permessi ‘mma qatt ma vara l-proġett konċernat u għal diversi snin baqa’ biss fuq il-karta.
Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar kemm-il kilometru ta’ toroq saru minn Marzu 2013 ‘il quddiem fil-g¿ira t’Għawdex mill-Ministeru t’Għawdex, fejn sar dan ix-xogħol u kemm kien l-investiment involut?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hija elenkata fit-tabella hawn annessa u li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar il-pjanijiet tiegħu għas-sit tal-Ħofra, fix-Xewkija u s-sit preċedentament okkupat mill-Malta Dairy Products fl-istess Xewkija?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qegħdin f’diskussjonijiet mal-PPCD fuq possibilita’ ta’ finanzjament mill-EU għal dawn il-proġetti, biex inżidu l-possibiltajiet ta' xogħol għan-negozji żgħar u medji.
Jista’ l-Ministru jelabora dwar il-ħtieġa ta’ fibre optic cable alternattiv? Jista’ jgħid x’qatt sar minn amministrazzjonijiet preċedenti dwar din l-inaċċessibilità diġitali li Għawdex isofri minnha?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għalhekk tingħata f’xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm għalqu lukandi f’Għawdex fi żmien amministrazzjonijiet preċedenti bejn Settembru 1998 u Marzu 2013?
Response (REFALO, ANTON)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bejn Settembru 1998 u Frar 2013 għalqu 3 lukandi li kienu l-Andar, l-Imġarr kif ukoll l-Atlantis. Fl-istess perjodu għalqu ħames guest houses.
Jista’ l-Ministru jelabora dwar in-niċċa ta’ Boutique Hotels f’Għawdex?
Response (REFALO, ANTON)
Il-kunċett ta’ boutique hotels huwa kunċett li għal Għawdex jaqbel ħafna minħabba n-numru żgħir ta’ kmamar li huma assoċjati ma’ din it-tip ta’ akkomodazzjoni, l-atmosfera personali li wieħed isib fihom, u wkoll minħabba l-fatt li jkomplu jifirxu l-impatt pożittiv tat-turiżmu fl-irħula Għawdxin, filwaqt li ma jtellfux mill-karatteristiċi tipiċi taċ-ċentri rurali li jinsabu fihom.
Minbarra n-numru żgħir ta’ kmamar dan il-kunċett b’mod ġenerali:
· jorbot ma’ stil uniku li jamalgama ruħu perfettament mad-destinazzjoni;
· joffri numru ta’ kumditajiet li t-turist ifittex fiż-żmenijiet tal-lum;
· jerġa juża jew jirrikwalifika bini eżistenti; u
· huwa marbut ma’ spazji iżgħar.
Dan il-kunċett jaqbel ħafna għal Għawdex, minħabba:
· l-kwalita ogħla ta’turisti li tattira din it-tip ta’ akkomodazzjoni;
· hu in linja mal-politika nazzjonali tat-Turiżmu li jrid ikompli jippromwovi lil Għawdex bħala destinazzjoni distinta; u
· kif ukoll jsostni politika ta’ żvilupp sostenibbli fi ħdan il-komunitajiet Għawdxin.
Operaturi kummerċjali qed jaraw il-potenzjal ta’ din it-tip ta’ akkomodazzjoni, hekk kif f’dawn l-aħħar xhur nfetħu żewġ boutique hotels fin-Nadur u x-Xewkija, filwaqt li l-Awtorita Maltija tat-Turiżmu rċeviet numru ta’ applikazzjoniet għal-lukandi u guest houses li potenzjalment uħud minhom jistgħu ‘il quddiem jaqgħu taħt din it-tip ta’ kategorija.
Jista’ l-Ministru jelabora dwar ir-roħs fin-nollijiet tal-Gozo Channel li ġew ikkonċeduti lill-Maltin u lill-barranin fil-jiem kwieti tax-Xitwa? Kienet Xitwa kwieta għal Għawdex in vista tal-promozzjonijiet li saru fil-Milied u fl-Għid?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra, d-dati li fihom il-Ministeru għal Għawdex nieda fiż-żmien kwiet tax-Xitwa inizjattivi biex in-noll tal-vapur tal-Gozo Channel kien bi prezz irħas għall-Maltin u t-turisti. Dan minbarra l-għajnuna biex jiġu organizzati diversi attivatijiet kulturali matul il-Milied u l-Għid.
Dan kollu għen biex matul dan il-perijodu kien hawn żieda sostanzjali ta’ Maltin li żaru lil Għawdex. Infatti t-traffiku ta’ passiġġieri u vetturi rreġistrat mill-Gozo Channel bejn Novembru tal-2015 u Marzu tal-2016 żdied bi 14.9% u 14.7% rispettivament, meta kkumparat mal-istess perijodu s-sena l-oħra.
Jista’ l-Ministru jelabora dwar ir-rekord fil-bed nights f’Għawdex fl-2015?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra, l-informazzjoni fuq il-bed nights f’Għawdex kif mogħtija mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika. Jidher biċ-ċar li matul l-2015 il-bed nights f’ Għawdex iġġenerati minn turisti barranin żdiedu b’9.8% fuq l-2013 u b’14.3% fuq l-2014.
Dan ma ġiex b’kumbinazzjoni hekk kif il-Ministeru għal Għawdex ħadem fuq kampanja estensiva ta’ promozzjoni barra minn Malta li kienet tinkludi wkoll kampanja ta’ promozzjoni fuq medja diġitali, kif ukoll l-iżviluppar ta’ diversi pubblikazzjonijiet li tqassmu f’fieri barra minn Malta. Matul l-2015 tnediet ukoll skema li assistiet id-diving schools stabbiliti f’Għawdex biex ikomplu jirreklamaw barra minn Malta, kif ukoll biex jipparteċipaw f’fieri speċjalizzati lil hinn minn xtutna. Sar ukoll titjib kontinwu fuq il-prodott turistiku Għawdxi.