Ċentri ta’ detenzjoni – xogħol rigward is-saħħa u s-sigurtà
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx xi xogħol fir-rigward is-saħħa u s-sigurtà fiċ-Ċentri ta’ Detenzjoni? Jekk iva jista’ jgħid kemm kienet l-ispiża involuta f’dan il-proġett?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li minn Marzu 2013 sal-lum sar xi xogħol fir-rigward is-saħħa u s-sigurta’ fiċ-Ċentri ta’ Detenzjoni. L-ispiza nvoluta kienet ta’ €315,825.00
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-ħaddiema impjegati fi ħdan id-Dipartiment tad-Detenzjoni, jingħatawx taħriġ relatat max-xogħol tagħhom? Jista jgħid jekk jeżistix Standard Operations Procedures għall-istess ħaddiema? Jista’ jgħid meta ġiet ippublikata l-liġi sabiex tirregola dan id-dipartiment li ilu mwaqqaf mis-sena 2005?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li l-ħaddiema impjegati fis Servizz ta’ Detenzjoni jingħataw taħriġ relatat mad-diversi aspetti tax-xogħol tagħhom fuq bażi regolari. Ġew imfassla u ppublikati Standard Operating Procedures fuq dak kollu li jirrigwardja x-xogħol fis-Servizz ta’ Detenzjoni u jsir ukoll taħriġ fuqhom. Il-liġi li tirregola s-Servizz ta’ Detenzjoni ġiet ippublikata f’Jannar 2016.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-ħaddiema fi ħdan id-Dipartiment tad-Detenzjoni jingħatawx xi tip ta’ mediċina minħabba s-sensittività tax-xogħol tagħhom?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma nafx li tezisti xi mediċina “minħabba s-sensittivita’ tax-xogħol”, imma ninsab infurmat li l-ħaddiema tas-servizz ta’ detenzjoni għandhom arranġement speċjali biex jingħataw mediċina u kura mingħajr ħlas f’kaz ta’ mard jew inkwiet mentali kkawzat minħabba n-natura tax-xogħol tagħhom.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inxtara tagħmir protettiv għall-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili? Dan l-apparat inxtara ġdid jew secondhand? Kemm ġiet tiswa din in-nefqa sabiex ħajjet il-ħaddiema tiġi protetta u jiġu evitati korrimenti fuq xogħolhom?
Response (ABELA, CARMELO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jgħid għal liema perjodu qed jirreferi.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk reġgħux daħlu voluntiera fi ħdan id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili biex jieħdu post dawk li naqsu? Jekk iva, kemm daħlu u jekk saritx xi nefqa ghalihom?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat illi dan l-aħħar id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili reġa daħħal 67 (sebgħa u siitin) voluntier ġdid. Tlieta minn dawn waqfu uffiċċjalment milli jkomplu jattendu. Dawn il-voluntieri l-ġodda żdiedu mat-tletin (30) voluntiera oħra li diġa kienu ngaġġati mad-Dipartiment. Għalhekk in-numru tal-voluntiera llum huwa dak ta’ 94 (erbgħa u disgħin) membru. In-nefqa għal voluntiera kollha kienet ta’ € 5609.92
Korp tal-Pulizija – ħidma kontra l-Kriminalità Organizzata
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma qed jagħmel il-Korp tal-Pulizija kontra l-Kriminalità Organizzata?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li biex tikkumbatti l-Kriminalità Organizzata l-Pulizija Maltija taħdem mill-qrib ħafna ma’ diversi entitajiet u forzi tal-Ordni Ewropej u Internazzjonali, kemm bilateralment, meta jkun hemm bżonn, u anke tramite l-Interpol li tagħha ilha membru mis-snin sebgħin u l-Europol li ilha taħdem magħha mis-sena 2004. Biex dan isehh diversi uffiċċjali tal-korp jattendu wkoll diversi laqgħat u anke taħriġ relatati mal-ġlieda kontra il-kriminalità, u jkun hemm każi fejn anke tieħu sehem f-attivitajiet operazzjonali. Biex issegwi dawk il-kuntatti u tiffaċilita il-ġbir u bdil ta’ informazzjoni, kienet twaqqfet it-Taqsima tal-Relazzjonijiet Internazzjonali tal-Pulizija fi ħdan il-Korp, li tagħmel xogħol siewi ħafna ghal-dan l-iskop.
Korp tal-Pulizija – ħidma mall-pubbliku biex jippreveni reati ta’ kriminalità
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma qed jagħmel il-Korp tal-Pulizija biex juri lill-pubbliku, speċjalment dawk il-persuni l-iktar vulnerabbli, kif jipprevenu reati ta’ kriminalità?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li fost l-inizzjattivi tal-Pulizija biex juri lill-pubbliku, speċjalment dawk il-persuni l-iktar vulnerabbli, kif jistgħu jipprevenu li jaqgħu vittmi ta’ reati kriminali, isiru diversi taħditiet fejn jiġi spjegat lilhom metodi kif jipprevenu li dan isehh. Hemm ukoll arrangament bejn Pulizija u s-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b'Disabilita u Anzjanita Attiva, li jintbagħtu Membri tal-Korp biex jindirizzaw lil anzjani li jattendu Day Centres f’Malta u Għawdex. Hawn jigi spjegat lilhom fid-dettal dak li għandhom joqgħdu attenti minnu u sussegwentament kif jipprevenu li jisfaw vittma ta’ xi reat. Dawn it-taħdiet ser ikomplu, u ser jiġi nkluż ukoll tagħlim ta’ kif wieħed jippreveni reati relatati mal-internet peress li ħafna anzjani jagħmlu użu ta’ dawn il-faċilitajiet. Preżentament it-Taqsima tas-Cybercrime fi ħdan il-Korp, diġa tieħu sehem ukoll f’taħdidiet fi skejjel, fejn it-tfal jiġu mgħallma kif ikunu kawti waqt l’użu tal-internet u jiġu konxji bil-perikli li jistgħu jiltaqgħu magħhom. Hemm okkażjonijiet fejn fuq stediniet min Kunsilli Lokali, isiru l-istess tip ta’ suġġett.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk it-taħriġ fl-użu tal-armi kienx kompla għall-membri tal-Korp tal-Pulizija?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lll-Onorevoli Interpellant li l-membri tal-Korp tal-Pulizija jingħataw taħriġ b’mod regolari kemm dwar l-immaniġjar tal-armitan-nar, kif ukoll dwar kif u meta l-Pulizija tista’ tagħmel użu minn dawn l-armi.
Ninfurmah li matul l-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena, 602 membru tal-Korp attenda “refresher training session”, dawn ma jinkludux il-membri tar-Rapid Intervention Unit li jattendu għal taħriġ ieħor b’mod regulari.
Korp tal-Pulizija – korsijiet speċjalizzati barra minn Malta
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi applikazzjonijiet taħt fondi Ewropew biex membri fil-Korp tal-Pulizija jattendu korsijiet speċjalizzati barra minn Malta?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninsab infurmat li kien hemm applikazzjonijiet biex membri tal-Korp jattendu korsijiet taħt fondi tal-EU fis-sena 2015. Fil fatt numru ta’ uffiċċjali attendew korsijiet speċjalizzati fi Spanja u l-Portugal matul l-istess sena. Dan kien proġett li sar b’fondi taħt il-Programm Erasmus.
Fizzjali tal-Pulizija – taħriġ ma’ entitajiet u korpi barranin
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm okkażżjonijiet fejn fizzjali tal-Pulizija ntbagħtu biex isegwu taħriġ ma’ entitajiet jew korpi barranin? Jekk iva jista’ jgħid kemm kien hemm?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li matul is-sena 2015 kien hemm erbgħa u erbgħin (44) okkazzjoni fejn fizzjali ħadu taħriġ ma’ entitajiet jew korpi barranin. Dawn kienu erbgħin (40) Spettur u erbgħa (4) Supretendenti. Barra minn dan, matul din is-sena, s’issa kien hemm sitt (6) spetturi li ħadu taħriġ ma entitajiet jew korpi barranin.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk wara t-tibdil li sar fl-operat u fl-uffiċjali tal-iskwadra ta’ Kontra d-Drogi, kienx hemm riżultati pożittivi?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li tibdil ta’ uffiċċjali fit-Taqsimiet kollha tal-Korp tal-Pulizija isir skond l-esigenzi u ħtiġijiet tas-servizz u fl-aħjar interess tal-komunita, bil għan li jittejjeb kemm is-servizz u kif ukoll ir-rizultati miksuba, kif gara fil-kaz imsemmi mill-Onorevoli Interpellant
Jista’ l-Ministru jgħid jekk fis-snin 2006 u 2007 ħarġux promozzjonijiet għall-ogħla ranks fl-Armata? Jista jgħid x’mekkaniżmu ntuża sabiex inħarġu dawn il-promozzjonijiet? Jista’ jgħid jekk kull min ġie promoss f’dawn id-dati jekk kienx irrakkommandat mill-Kap Kmandant u jekk hux kull uffiċjal li ġie promoss f’dawn ir-ranks meliex xi post vakanti li kien hemm?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat fl-2006 u fl-2007 gew promossi:
12-il Maġġur għar-rank ta’ Logutenent Kurunell (u ieħor fl-aħħar ġranet tas-sena 2005)
7 Logutenenti Kurunelli għar-rank ta’ Kurunell (b’erbgħa minnhom li kienu saru ftit iktar minn sena qabel u nklużi hawn fuq)
Għal dawn il-promozzjonijiet ma kien hemm l-ebda sejħa, jew intervista, jew xi proċess ta’ selezzjoni. Kull min ġie promoss ġie promoss jew għax kien irrakkommandat mill-Kap Kmandant ta’ dak iz-zmien, jew fuq suġġeriment tas-Segretarju Parlamentari ta’ dak iż-żmien mingħajr ebda rakkommandazzjoni tal-Kap Kmandant. Dawn il-promozzjonijiet kienu jinkludu kemm dawk li saru sabiex jimtlew postijiet vakanti, kif ukoll promozzjonijiet li għalihom ma kienet tezisti ebda vakanza u li għalhekk dawn il-vakanzi kellhom jinħolqu (u effettivament jiddaħlu fl-establishment tal-FAM) wara li kienu ħarġu l-promozzjonijiet (għal kuntrarju ta kif tirrikjedi il-ligi). Tal-aħħar jinkludu:
- Il-post ta’ Military Representative fi Brussell
- Il-post ta’ Health and Safety Officer f’dan il-grad
Zewg posts (fil-grad ta’ Kurunell) fuq Strateġija u Policy ġewwa l-Ufficju tal-Prim Ministru – Dawn iż-żewġ posts baqgħu qatt ma ddaħħlu fl-establishment tal-FAM.
Forzi Armati ta’ Malta – uffiċjali Navali u tal-Ajru
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta u għaliex il-Forzi Armata ta’ Malta waqfet milli tkompli tibgħat l-uffiċjali tagħha, dawk Navali u tal-Ajru, jitħarrġu ġewwa l-Akkademji Ġermaniżi u Taljani rispettivament? X’kien l-effett ta’ din id-deċiżjoni fuq l-Iskwadri Marittimu u tal-Ajru u x’qed issir illum biex tiġi rranġata s-sitwazzjoni?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Forzi Armati ta’ Malta waqfet milli tibgħat Uffiċjali minn tagħha jitħarrġu f’Akkademji navali fl-1999. Reġgħu bdew jintbagħtu fl-2015. Dan iż-żmien twil ħalla effett negattiv kbir fuq l-iskwadra Marittima għaliex illum hija nieqsa sew minn numru adekwat ta’ Uffiċjali kwalifikati f’dan il-qasam. Dan tefa piż kbir mhux biss fuq id-disponibilita’ ta’ ċertu laneċ, imma wkoll fuq il-ftit Uffiċjali li huma kwalifikati, u limitazzjonijiet kbar fuq il-flessibilita’ tal-użu tal-istess Uffiċjali. Il-Forzi Armati ta’ Malta reġgħet f’dawn l-aħħar xhur assigurat korsijiet simili ma’ Akkademji kemm Taljani u anke Irlandiżi u qed terġa tħarreġ l-Uffiċjali tagħha fihom. Pero, meta wieħed jikkunsidra li sabiex tikkwalifika minn akkademja navali kors jieħu bejn tlieta u erba’ snin kull wieħed, irid jgħaddi ftit żmien mhux hażin sakemm il-Forzi Armati ta’ Malta tilħaq in-numru adekwat ta’ Uffiċjali kwalifikati li għandha bżonn.
Rigward il-qasam tal-ajru, il-Forzi Armati ta’ Malta rat mankanza twila ferm ta’ Uffiċjali tagħha li ntbagħtu jsegwu korsijiet f’akkademji barra minn Malta, fejn kienu ntbagħtu l-aħħar fl-1992, u reġgħu bdew jinbagħtu f’dawn l-aħħar ftit snin. Għal snin twal il-Forzi Armati ta’ Malta kienet ukoll tikkwalifika il-piloti tagħha hi stess fuq standards militari Maltin. Dan issa nbidel għaliex il-piloti qed ikunu mitluba li jkollhom dik li tissejjah ic-CPL (Commercial Pilot License), li hija waħda mill-ogħla kwalifiċi fil-qasam tal-ajru u tal-istess standard ta’ piloti oħra madwar id-dinja anke fil-qasam kummerċjali. B’hekk qed jiġi assigurat investiment qawwi u standards tal-ogħla livelli fil-qasam tal-ajru.
Department of Probation and Parole — persuni segwiti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li bħalissa qed jiġu segwiti mid-DPP (Probation Orders, Provisional Order of Supervision, Community Service Orders, Combination Orders, Suspended sentence with Supervision u Parole Licence)? Kemm hemm Probation Officers li qed jagħmlu superviżjoni u moniteraġġ ta’ dawn il-każijiet?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li fi ħdan id-Dipartiment tal-Probation u l-Parole hemm 20 Uffiċjal tal-Probation u 4 Senior Probation Officers li jagħmlu s-superviżjoni tas-segwenti każijiet. In-numru ta’ kemm hemm persuni li bħalissaqed jiġu segwiti mid-DPP huwa kif jidher fit-tabella t’hawn taħt.
Combination Orders:
33
Community Service Orders:
42
Probation Orders:
668
Provisional Orders of Supervision:
80
Suspended Sentence Supervision Orders:
118
Reports for Parole Board:
22
Parole License
27
Pre-Sentence Reports / Social Inquiry Reports / Verbal Reports:
64
Dipartiment tal-Probation u l-Parole – Psychology Unit — servizzi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’servizzi joffri l-Psychology Unit fi ħdan id-Dipartiment tal-Probation u l-Parole?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li It-taqsima tal-Psikoloġija għandha rwol estensiv fid-dipartiment. Dan jikkonsisti fl-assessjar tal-offenders, zviluppar ta’ pjan ta’ kura u trattament psikoloġiku għal-klijenti tad-dipartiment. Minbarra dan it-Taqsima tal-Psikoloġija għandha r-rwol li tagħmel supervizjoni kif ukoll toffri support lill-staff tad-Dipartiment. Flimkien ma’ dan, it-Taqsima tal-Psikoloġija hija ukoll tagħmel ir-riċerka sabiex tinforma l-interventi tagħha.
L-assessjar jista’ jikkonsisti f’ analizi tar-riskju li jerġa jiġi imwettaq reat, analizi tal-fatturi psikosoċjali li wasslu l-offender jagħmel ir-reat u assessjar tal-funzjoni psikoloġika tal-klijenti. Din it-taqsima hija imħarrġa sabiex tkun tista tuza għodda psikometriċi li jtejjbu il-proċess ta’ assessjar. Di fatti din it-taqsima toffri supervizjoni lil membri oħra tal-istaff fl-uzu ta’ testijiet psikometriċi u fit tfassil tal-pjan ta’ kura li huwa mmirat li jnaqqas ir-riskju ta’ reċidivita’ fil-klijenti tad-Dipartiment. Relatat mas-supervizzjoni il-psikoloġi joffru ukoll sapport psikoloġiku lill-istaff sabiex jkunu jistgħu jtejjbu is-servizz li joffru lill-klijenti tagħhom. Aparti dawn ir-rwoli l-psikologi tad-dipartiment joffru interventi psikoloġiċi fuq bazi individwali lil numru ta’ klijenti sabiex jindirizzaw problemi fosthom problemi ta’ addiction, offizi ta’ natura sesswali u anger management. Minbarra dawn din it-taqsima qeda wkoll tinvolvi ruħha fir-riċerka fil-qasam. Per ezempju bħalissa qegħdin involuti f’riċerka fuq tfal li huma aggressivi lejn il-ġenituri tagħhom, dan flimkien mal-Appoġġ, l-Universita’ ta’ Nottingham u l-Universita’ ta’ Malta. Din it-taqsima taħdem ukoll ma entitajiet oħra, bħal-Fondazzjoni RISe, sabiex toffri konsulenza, ssaħħaħ in-networking u ttejjeb b’mod ġenerali is-servizzi riabilitattivi li hawn ġewwa pajjizna.
Għawdex – uffiċċju ġdid tad-Dipartiment tal-Probation u l-Parole
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’servizzi qed joffri l-uffiċċju l-ġdid tad-Dipartiment tal-Probation u l-Parole ġewwa Għawdex mill-ftuħ tiegħu f’Mejju 2015? Kemm hemm persuni Għawdxin li qed jibbenefikaw mis-servizzi offruti minn dan l-uffiċċju?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-dipartiment tal-Probation u l-Parole (DPP) joffri diversi servizzi kemm qabel ukoll wara li tingħata sentenza mill-Qorti. Dawn is-servizzi jinkludu rapporti li jintalbu mill-Ġudikatura qabel tingħata s-sentenza (Pre-sentencing Report, Social Inquiry Report u Verbal Reports) kif ukoll rapporti t’andament li jiġu sottomessi kemm qabel kif ukoll wara s-sentenza. Jjoffri wkoll servizz ta’ superviżjoni meta l-persuna tkun ġiet mogħtija Ordni ta’ Probation, Sentenza Sospiża bis-Superviżjoni , Ordni Proviżorja ta’ Superviżjoni, Ordni ta’ Servizz fil-Komunità u l-Liċenzja tal-Parole.
Fiż-żmien tas-superviżjoni l-klijent ikun qiegħed jiġi ggwidat mill-Uffiċjal tal-Probation u l-Parole sabiex iħalli l-ħajja kriminali u jibda jgħix bħala ċittadin onest u ħajja ta’ bżulija.
Fid-29 ta’ Mejju 2015 inħass il-bżonn sabiex jinfetaħ Uffiċċju tal-Probation u l-Parole ġewwa Għawdex. Dana sabiex il-klijenti Għawdxin inaqqsu l-inkonvenjent li jridu jmorru Malta għall-appuntamenti mal-Uffiċjal tal-Probation u l-Parole u b’hekk is-servizz sar aktar effiċjenti . Preżentement qed jiġu segwiti 54 każ f’Għawdex. L-Uffiċċju tal-Probation u l-Parole jiftaħ tliet darbiet fil-ġimgħa jew aktar skont il-bżonn. Il-biċċa l-kbira tas-servizzi qed jingħataw minn Uffiċjal tal-Probation u l-Parole Għawdxi taħt superviżjoni ta’ Senior Probation u Parole Officer.
Jidher li dan is-servizz intlaqa’ tajjeb ħafna ġewwa Għawdex u barra li tjieb is-servizz innifsu, dana serva sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż ta’ trasport lejn Għawdex tad DPP.
Jista’ l-Ministru jgħid x’qed isir fl-Armata abbażi ta’ taħriġ, kemm għall-Uffiċjali kif ukoll għal Other Ranks?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant t-taħriġ fl-Armata zviluppa sostanzjalment f’dawn l-aħħar ftit snin. L-investiment fir-riżors uman sar wieħed mill-prijoritajiet netti tal-Forzi Armati ta’ Malta. Kull suldat regolari llum qiegħed jagħmel, mal-ingaġġ, dak li jissejjaħ taħriġ ta’ reklutaġġ, li llum għandu ekwivalenza f’livell tlieta mill-MQRIC. Dan sar possibli wara diversi laqgħat u skambju ta’ korrispondenza bejn iż-żewġ entitajiet sakemm il-livell tela’ għal dak meħtieġ. Sussegwentament suldati saru jsegwu taħriġ fuq ħiliet skont il-Unit li fih jintbagħtu, b’ħafna minn dawn il-korsijiet illum qed isiru barra mill-Armata f’istituzzjonijiet uffiċjali u rikonoxxuti. Dan sar possibli wara ftehim ma’ diversi istituzzjonijiet u apparti li qed jgħolli l-livell tas-suldat, qed itih ukoll għodda rikonoxxuta x’juża wara li wieħed itemm il-karriera tiegħu fil-Forzi Armati ta’ Malta.
Fis-sistema l-ġdida ta’ promozzjonijiet li ġiet introdotta minn din is-sena – liema sistema eliminat is-suġġetivita’ – hemm inklu¿ ukoll korsijiet li jippreparawk għal grad li jkun imiss. Dawn il-korsijiet huma wkoll ta’ livell għoli ħafna u għaddejin diskussjonijiet sabiex jiġu rikonoxxuti f’livell erba’. Ma’ dawn wieħed irid isemmi wkoll li sabiex wieħed jilħaq Uffiċjal bil-kummisjoni irid jagħmel jew dak li jissejjaħ il-Late Entry Officers Course (jekk ikun tela fil-gradi), jew Cadetship ta’ madwar sena. Qed jiġi mmirat li dawn iż-żewġ korsijiet għandhom jiġu rikonoxxuti f’livelli ħamsa u sitta rispettivament. Fondi oħra qed jiġu wkoll investiti f’korsijiet professjonali f’akkademji militari barranin f’ċertu ħiliet.
Piloti fil-Forzi Armati ta’ Malta wkoll qed ikunu investiti fihom fondi kbar sabiex dawn ikollhom l-ogħla kwalifiċi rikonoxxuti internazzjonalment. L-istess jista’ jingħad għal ħiliet navali fejn wara mankanza ta’ sittax-il sena il-Forzi Armati ta’ Malta issa qed tibgħat uffiċjali f’akkademji professjonali navali barranin sabiex tikkwalifikahom f’dan il-qasam u jkollha numru biżżejjed ta’ uffiċjali kwalifikati sabiex joperaw il-laneċ li tħaddan il-Forzi Armati ta’ Malta.
Fir-rigward ta’ Uffiċjali bil-kummissjoni llum qed jiġi assigurat li kull Uffiċjal fil-Forzi Armati ta’ Malta ikun segwa kors ta’ formazzjoni f’akkademji rinomati militari barranin qabel dawn jingħataw il-kmand.
Jista’ l-Ministru jelabora dwar l-għaxar kilometri ta’ toroq li saru, meta tpoġġa l-pipeline ġdid minn Ħondoq ir-Rummien sa Sannat?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proġett tal-pipeline minn Ħondoq sa Ta’ Ċenċ wasal fl-aħħar fażijiet tiegħu. Preżentament qed tiġi ffinaliżata’ s-sistema ta’ Storm Water Culvert fil-lokalita’ ta’ Sannat u fil-ġranet li ġejjin se nkunu qed nibdew l-istess xogħlijiet fil-Qala. Dawn ix-xogħlijiet huma xogħlijiet “over and above” s-sejħa tal-proġett pero l-awtoritajiet kkonċernati ħassew li jkun tajjeb li naraw x’hemm bżonn jsir f’kull triq biex jiġu ndirizzati problemi li r-residenti tal-lokalitajiet kienu ilhom jilmentaw fuqhom snin twal.
Għaddej ix-xogħol fi Triq tal-Ħniena, ġew iffinaliżati ċertu toroq bit-tieni kisja ta’ tarmac u saru anke l “street markings”. Eżatt kif jitlesta’ ix-xogħol tal-culverts, se jiġu ndirizzati t-toroq sekondarji u tingħata it-tieni kisja ta’ tarmac. B’hekk nkunu kkonkludejna proġett li se jagħti derha kompletament differenti lil gzira Għawdxija. Tibdil tal-main pipeline minn Ħondoq sa ta’Ċenċ, liema main kien ilu snin twal ma jinbidel, għaxar kilometri ta’ tarmac, tlett storm water culverts, re-construction ta’ Triq il-Qala, liema triq kienet fi stat ħażin ħafna u ġew kkoreġuti xi diżlivelli kull fejn kien hemm bżonn f’kull triq li minna ġie mgħoddi l- main pipeline.
Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar il-proġett ta’ Misraħ San Franġisk fir-Rabat Għawdex?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan il-proġett ser jinħadem f’żewġ fażijiet, l-ewwel fażi ser tkun tikkonsisti fil-bini ta’ taraġ, estensjoni ta’ pjazza, uffiċċju u exhibition hall. It-tieni fażi ser tkun it-tisbieħ ta’ pjazza San Franġisk innifisa. Il-proġett kollu huwa kopert bil-permessi meħtieġa min-naħa tal-Awtorita tal-Ippjanar u bħalissa bdiet l-ewwel fażi tal-proġett li ser tikkonsisti fil-bini ta’ taraġ li ser jgħaqqad il-parti fejn hemm l-istazzjon tal-karozzi tal-linja u l-parkeġġ għal ma’ Pjazza San Franġisk. Ix-xogħlijiet fl-ewwel fażi ta’ dan il-proġett jinsabu fl-ewwel stadji tagħhom u bħalissa qiegħda ssir l-eskavazzjoni sabiex issir il-kostruzzjoni tal-pedament. Dan ix-xogħol mistenni jieħu 10 xhur. Fil-ġimgħat li ġejjin ser toħroġ espressjoni ta’ interess oħra kemm rigward il-finishing ta’ din l-ewwel fażi kif ukoll għat-tisbieħ ta’ Pjazza San Franġisk. Wara li jitlesta dan it-taraġ, ser jibda kemm it-tisbieħ tal-pjazza u kif ukoll il-finishing ta’ l-ewwel fażi.