Dipartiment għall-Gvern Lokali – proġetti tal-Unjoni Ewropea
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk il-proġetti tal-Unjoni Ewropea li d-Dipartiment għall-Gvern Lokali qed jaħdem fuqhom? Jista’ jgħid x’kien il-benefiċċju tagħhom u x’inhu l-pjan għall-futur?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment għall-Gvern Lokali implimenta proġett taħt il-Fond Soċjali Ewropew li permezz tiegħu għall-ewwel darba saret riċerka, ġiet akkreditata tali riċerka u ingħata l-kors għal kwalfika akkademika fuq livell lokali. Dan billi 72 uffiċċjali pubbliku – bejn Segretarji Eżekuttivi tal-Kunsilli Lokali u Uffiċċjali tad-Dipartiment għall-Gvern Lokali - illum iggradwaw fi “Professional Development Award in Public Management and Governance at Local Level”, akkreditata fuq livell MQF/EQF Livell 5. Barra min dawn, għaxar parteċipanti kienu involuti f’taħriġ akkademiku ulterjuri li wassal biex id-DIpartment illum għandu pool ta’ trainers li jistgħu jipprovdu taħriġ fil-qasam ta’ governanza lokali fil-futur. Is-sostenibilita’ ta’ dan il-progett hi li din il-“Professional Development Award” tibqa ssir fil-futur u eventwalment tkun waħda mill-kwalifiċi ewlenin li jkun hemm bżonn sabiex persuna tkun tista tokkupa l-kariga ta’ Segretarju Eżekuttiv fil-Kunsilli Lokali tagħna. Dan il-progett kien konkluz f’Diċembru tal-2015, b’buġit li laħħaq €142,992.
Proġett ieħor li d-Dipartiment qiegħed fil-mument jaħdem fuqu u li għalih irċieva fondi min-Norveġja taħt in-“Norwegian Funds 2009-2014” hu l-proġett “A Partnership for Creative Governance”. Bi sħubija strateġika mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, s-“Centre for Expertise for Local Democracy Reform” tal-Kunsill tal-Ewropa u l-Assoċjazzjoni Norveġiża tar-Reġjuni u l-Muniċipalitajiet qed jitwettqu inizjattivi li kellha tant bzonn is-sistema tal-Governanza Lokali ta’ pajjizna, fosthom it-“Training Needs Analysis” u l-istrateġija Nazzjonali għat-Tahriġ. Qiegħed nieħu l-okkażżjoni sabiex inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-riżultati li ħarġu minn dawn iż-żewġ studji li ġew ikkummissjonati bihom esperti imqabbda direttament mill-Kunsill tal-Ewropa. Ġew ukoll iffinalizzati sett ta’ performance indicators u se jiġi ppublkat manwal dwar kif tali indikaturi għandhom jiġu imħaddma fil-Kunsilli Lokali. Se tiġi fi tmiemha ukoll il-“Leadership Academy Programme” fejn 25 Sindku u Segretarju Eżekuttiv ingħataw taħriġ speċjalizzat dwar tmexxija aħjar fuq livell lokali. Dan il-proġett se jigi konkluż bl-implimentazzjoni f’numru ta’ Kumitati Reġjonali u Kunsilli Lokali tal-Istrategija dwar l-Innovazzjoni u Goveranza Aħjar fejn nittamaw li numru minnhom jikkwalifikaw ghal premju prestiġġjuz maħsub mill-istess Kunsill tal-Ewropa, il-“European Label for Governance Excellence”. Dan il-proġett se jiġi fi tmiemu fl-2016 u l-baġit allokat hu ta’ €321,976.
CERTESS hu programm iffinanzjat mill-programm Interreg IVC (ERDF). Ipparteċipaw fih 12-il partner minn għaxar pajjiżi Ewropej. L-għan prinċipali tiegħu kien li jistabilixxi u jaqsam metodoloġija komuni ta’ kif tiġi żviluppata u mantnuta rotta kulturali Ewrpeja. Fil-fatt kull partner kellu jifformalizza pjan (imsejjaħ Route Implementation Plan – R.I.P.) bil-għan ewlieni li jiġi promoss turiżmu kulturali sostenibbbli kemm fit-territorju tagħhom u anki f’dawk viċin tagħhom. Il-Lead Partner kien l-Istitut Kulturali Ewropew li jinsab fil-Lussemburgu. It-tema magħżula minn Malta kienet “Caravaggio, Preti u l-arti tas-Sbatax-il Seklu”. Fl-R.I.P. ta’ Malta, ġiet żviluppata r-relazzjoni bejn ix-xogħlijiet tal-arti ta’ Caravaggio u Preti li t-tnejn li kienu Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann u li t-tnejn għamlu żmien jgħixu f’Malta. Il-pjan ippropona rotot kulturali bbażati fuq aspetti diversi tal-pitturi ta’ dawn iż-żewġ artisti famużi bil-għan li tali rotot jattiraw iktar turiżmu kulturali lejn pajjiżna. Il-proġett ingħalaq b’konferenza finali organizzata f’Ottubru tas-sena 2014 u l-baġit li ntefaq fuqu kien ta’ €135, 493.
Rigward proġetti għal futur, id-Dipartiment qiegħed viġilanti għas-sejħiet ġodda għal proġetti kofinanzjati mill-Unjoni Ewropeja li qed joħorġu bħalissa u li jistgħu joħorġu fil-futur biex ikompli jibni fuq il-proġetti li implimentati f’dawn l-aħħar snin.