Legislature:
Category:
Reset
Active:

Serqiet minn lokalitajiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew irrapurtati serqiet fiż-Żejtun, Wied il-Għajn, Marsaxlokk, Ħal Għaxaq, il-Fgura, Ħal Tarxien, Paola, il-Gudja u Santa Luċija, individwalment, sena b’sena mill-2010 sal-2016 sa meta huma disponnibli r-rekords?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat illi n-numru ta’ inċidenti ta’serq li ġew irrapurtati lill-Pulizija sena b’sena, bejn l-1 ta’ Jannar 2010 u t-30 ta’ November 2016 mill-lokalitajiet taż-Zejtun, Wied il-Għajn, Marsaxlokk, Ħal-Għaxaq, il-Fgura, Ħal-Tarxien, Paola, il-Gudja u Santa Lucija, kienu kif jidhru fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.

Reati ta’ Pedofelija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tressqu persuni l-Qorti b’reati ta’ pedofelija fis-snin 2013, 2014 u 2015? X’kienu s-sentenzi mogħtija għal kull pedofelu?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar u r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Każijiet irrappurtati relatati ma’ pornografija tat-tfal jew abbuż

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 28407, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni b’każijiet relatati ma’ pornografija, li tressqu l-Qorti mill-2011 sal-lum? X’kienu s-sentenzi mogħtija għal kull każ?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar u r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Tqassim ta’ Appartamenti tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’policy tintuża fit-tqassim tal-appartamenti tal-Gvern? Liema huma dawk l-applikanti li se jkollhom prijorità fl-allokazzjoni ta’ postijiet bil-kera?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Persuni Homeless — statistika

Question

Jista’ l-Ministru jagħti statistika tan-numru ta’ persuni bla saqaf (homeless) ġewwa pajjiżna u minn liema lokalitajiet ġejjin dawn il-persuni?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Għalkemm ikun hemm diversi talbiet taħt il-premessa li huma homeless, minn profiling li jsir jirriżulta li mhux dejjem it-talbiet ikunu veritiera. Għalhekk, mhux possibbli li nkunu nafu n-numru eżatt. Il-persuni li verament huma homeless issibhom f’kenn għand NGOs u postijiet oħra.
Leg 12 PQ #28956 Sitting 458 2016-12-05 Oral · Final From: ETIENNE GRECH To: Ministeru għall-Finanzi

Postijiet battala f’Malta u Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn postijiet battala f’Malta u f’Għawdex? Kemm minnhom huma bini dilapidat, jew jinħtieġ xogħol kbir ta’ tiswija?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #28957 Sitting 458 2016-12-05 Oral · Final From: ETIENNE GRECH To: Ministeru għat-Turiżmu

Wied il-Għajn — pjazza quddiem il-Knisja - tisbiħ

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 28815, jista’ l-Ministru jgħid meta se jsir it-tisbiħ tal-pjazza quddiem il-Knisja ta’ Wied il-Għajn u fejn se ssir il-pixxina l-ġdida?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa l-Fondazzjoni għall-Iżvilupp ta’ Żoni Turistiċi qed tikkoordina x-xogħol neċessarju fejn jidħol disinn tal-pjazza quddiem il-Knisja, konsultazzjonijiet, kif ukoll diskussjonijiet mal-Awtoritajiet ikkonċernati. Huwa maħsub li l-applikazzjoni tiddaħħal il-Planning Authority fil-ġimgħat li ġejjin. Huwa pjanat li dan it-tisbiħ isir fl-ewwel nofs tas-sena d-dieħla sabiex jitlesta’ u jkun jista’ jitgawda fis-sajf 2017. Rigward id-domanda fuq il-pixxina, l-Onor. Interpellant huwa mitlub jagħmel il-mistoqsijiet tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

Università ta’ Malta – korsijiet — spejjeż

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm hija l-ispiża għal kull kors mogħti mill-Università ta’ Malta?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li rendikont tal-ispejjeż tal-korsijiet offruti mill-Università ta’ Malta għas-sena akkademika 2013/14 hu kif muri fit-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dawn il-figuri jirrappreżentaw l-ispiża għas-sena akkademika 2013/14 u mhux l-ispiża tal-kors kollu, li jista’ jieħu iktar minn sena sa massimu ta’ ħames snin.

Edukazzjoni – statistika ta’ nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħarrafna dwar l-istatistika tan-nefqa ta’ Malta fuq l-edukazzjoni f’dawn l-aħħar ħames snin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-istatistika mitluba mill-Onor. Interpellant hi kif tidher fit-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #28960 Sitting 458 2016-12-05 Oral · Final From: ETIENNE GRECH To: Ministeru għas-Saħħa

Każijiet ġodda ta’ HIV

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew diagnosed każijiet ġodda tal-HIV fl-2015 u fl-2016 sakemm inżammu records? Bħalissa kemm hemm każijiet ta’ persuni f’Malta li qegħdin jieħdu kura għall-HIV? Jista’ jgħid in-nazzjonalità ta’ dawk li bħalissa qed jieħdu l-kura u l-gender state ta’ kull persuna? Jista’ jgħid jekk huwiex magħruf jekk u kemm hawn nies f’Malta jew f’Għawdex li huma reġistrati li huma HIV positive u ma jieħdux kura? Kemm hawn nies li attwalment għandhom full blown l-AIDS?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fl-2015 kien hemm 61 każ ġdid tal-HIV filwaqt li minn Jannar sa l-aħħar t’ Ottubru tal-2016, ġew irrappurtati 58 każ ġdid tal-HIV. B’kollox ġewwa Malta u Għawdex hawn madwar 400 persuna rreġistrata li hija HIV positive. Fl-aħħar 5 snin, sal-aħħar t’Ottubru ta’ din is-sena kien hawn 15 il-każ ta’ AIDS.

Żejtun sal-Higher Secondary School — trasport tal-iskola

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm irid iħallas student kull sena biex juża trasport tal-iskola u jittieħed miż-Żejtun sal-Higher Seconday School fin-Naxxar u lura? Jista' jgħid jekk it-trasport huwiex door to door service?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-servizz tat-Trasport fl-iskejjel li huwa provdut mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol huwa servizz bla ħlas għall-istudenti. Dan is-servizz huwa provdut għall-istudenti li jattendu faċilitajiet edukattivi ta’ età obbligatorja.

Higher Secondary School — klassijiet - aċċessibilità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fuq liema sular qegħdin l-iktar klassijiet għoljien tal-Higher Secondary School fin-Naxxar, u jekk dawn humiex aċċessibli b’lift biex jintużaw minn studenti b’diżabilità?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-iskola tal-Higher Secondary fin-Naxxar hija iffurmata minn ħames blokki. Il-klassijiet li huma fl-ogħla livelli qegħdin fit-tieni sular. Il-klassijiet li qegħdin fin-New Block huma kollha aċċessibbli b’lift għall-persuni b’diżabilità. Fi tliet blokki oħra, fejn hemm klassijiet, ma hemmx lift u mhumiex aċċessibbli. Il-ħames blokk huwa dak tal-gym li huwa mibni fuq sular wieħed u hu aċċessibbli.

Tagħlim fl-iskejjel — Kummenti, suġġerimenti u ilmenti mill-ġenituri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi website fid-Direttorat tal-Edukazzjoni fejn il-ġenituri jkunu jistgħu jwasslu s-suġġerimenti u l-ilmenti tagħhom dwar kif uliedhom qed jirċievu s-servizz ta’ tagħlim fl-iskejjel tagħna?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li iva, hemm diversi modi kif wieħed jista' jikkomunika mad-Direttorati tal-Edukazzjoni. Mid-Dipartiment tal-Operat fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol jingħata servizz regolari fejn il-ġenituri jistgħu jressqu kemm is-suġġerimenti kif ukoll l-ilmenti tagħhom dwar kif uliedhom qed jirċievu s-servizzi ta’ l-edukazzjoni fl-iskejjel ta’ l-Istat. Hemm tliet mezzi ta’ komunikazzjoni għad-dispożizzjoni tal-ġenituri : 1. Jeżistu żewġ apps: a. Whatsapp (numru : 79260576) b. Facebook 2. Jista’ jintuża wkoll dan l-indirizz elettroniku : info.education@gov.mt . Kull ilment jew suġġeriment jasal fis-sezzjoni tal-Customer Care fi ħdan id-dipartiment, fejn dan jiġi mressaq immedjatament lis-sezzjoni jew uffiċjal konċernat. Direttorat għal Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni (DQSE) L-indirizz elettroniku tal-uffiċċju tad-DG DQSE hu: dg.dqse.educ@gov.mt Proġett tat- tablets (OTPC) Rigward il-Proġett tat-tablets (OTPC) hemm il-website http://www.digital.edu.mt/contact/ Ġenerali ilearn.edu.mt bil-username u password guest; guest u għall-ġenituri li uliedhom jattendu fl-iskejjel tal-Istat jużaw il-username u l-password li rċevew mill-iskola. Digital Education Rigward Digital Education: https://www.facebook.com/DigitalEducMalta/?ref=bookmarks Accreditation Unit L-Accreditation Unit għandu indirizz postali elettroniku li hu customercare.dqse@gov.mt fejn wieħed jista’ jibgħat anke l-ilmenti tiegħu. Quality Assurance Department L-indirizz elettroniku tal-QAD hu: qad.mede@gov.mt Curriculum Management L-indirizz elettroniku tal-DCM hu: dcm@gov.mt Direttorat għal Servizzi Edukattivi (DES) L-indirizz elettroniku tal-uffiċċju tad-DG DES hu: dg.des.educ@gov.mt Education Resources L-indirizz elettroniku hu: erd-des.mede@gov.mt Lifelong Learning & Early School Leavers L-indirizz elettroniku hu: lifelonglearning@gov.mt Student Services L-indirizz elettroniku hu: studentservices.mede@gov.mt Education Logistics and Support Unit L-indirizz elettroniku hu: els.mede@gov.mt; School Transport: schooltransport.educserv@gov.mt Breakfast Club Scheme: breakfastclub.mede@gov.mt Free Childcare Scheme Section: freechildcare@gov.mt Migrant Learners & Client Support L-indirizz elettroniku hu: mlu.mede@gov.mt
Leg 12 PQ #28814 Sitting 453 2016-11-22 Oral · Final From: ETIENNE GRECH To: Ministeru għas-Saħħa

Sptar Monte Crmeli — spiża ta' kull pazjent

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 23156, jista' l-Ministru jindika kemm hija l-ispiża għal kull ġurnata ta' pazjent li qiegħed fl-Isptar Monte Carmeli?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Wied il-Għajn — pjazza quddiem il-Knisja - tisbieħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ser isir it-tisbiħ tal-pjazza quddiem il-Knisja ta' Wied il-Għajn? Jista' jgħid fejn ser issir il-pixxina l-ġdida billi l-pixxina eżistenti se tittieħed mill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala li għadu kemm iddiskuta fis-seduta tat-18 ta’ Novembru l-pjanta proposta mill-Foundation for Tourism Zone Development rigward it-tisbiħ tal-pjazza ta’ quddiem il-Knisja ta’ Wied il-Għajn. Għal aktar dettalji, inkluż dwar il-pixxina, nirreferi lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsijiet tiegħu lill-Ministeru konċernat.

Literacy Programme NWAR

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 15666, jista' l-Ministru jgħid kemm hemm studenti minn Wied il-Għajn li qed jieħdu sehem fis-servizz NWAR u kemm hemm talbiet pendenti minn ġenituri tat-tfal minn din il-lokalità biex jattendu dan il-programm tal-litteriżmu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li bħalissa (Novembru 2016), hemm 10 studenti minn Wied il-Għajn jibbenefikaw mill-programm ta’ litteriżmu għall-familji ‘NWAR’ filwaqt li hemm 13-il tifel/tifla jistennew biex jissieħbu fl-istess programm. Għal dan il-għan fl-2017, l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu se tiftaħ ċentru ġdid ta’ ‘NWAR’ fl-iskola primarja ta’ Wied il-Għajn.
Leg 12 PQ #28702 Sitting 452 2016-11-21 Oral · Final From: ETIENNE GRECH To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ordni tal-Preċedenza tal-Istat Malti

Question

Jista’ l-Prim Ministru jipprovdi l-Ordni tal-Preċedenza tal-Istat Malti u minn meta daħal fis-seħħ l-aħħar tibdil fl-Ordni tal-Preċedenza?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-aħħar tibdil fl-Ordni tal-Preċedenza daħal fis-seħħ fis-7 ta’ Ottubru 2016 permezz tal-komunikat li qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Djar għat-tfal – tfal għal fostering jew fostered

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, attwalment kemm hemm tfal li għal xi raġuni jew oħra qegħdin jgħixu fid-Djar għat-Tfal? Kemm hemm minnhom disponibbli għal fostering u kemm minnhom qegħdin jiġu fostered? Kemm hemm familji f’Malta li qegħdin jiffosterjaw tfal? X’inhi l-proċedura għall-familja li tkun tixtieq tiffosterja tifel jew tifla u kemm tieħu żmien?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi, in-numru totali ta’ tfal taħt Ordni ta’ Ħarsien huwa kif ġej: 292 minuri segwiti mis-social workers tal-Aġenzija Appoġġ u 8 każijiet ta’ Unaccompanied Minors Asylum Seekers. It-292 minuri segwiti mis-social workers tal-Aġenzija Appoġġ huma mqassma kif ġej: Tfal Fostered b’Ordni għall-Ħarsien 100 Specialised Fostering b’Ordni għall-Ħarsien 14 Djar Residenzjali b’Ordni għall-Ħarsien 178 Total ta’ Każijiet b’ Ordni għall-Ħarsien 292 Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li madwar 253 tifel/tifla ilhom aktar minn tliet (3) snin taħt Ordni ta’ Ħarsien u segwiti mis-Social Workers tal-Aġenzija Appoġġ. Ngħarraf lill-Onor Interpellant li t-total ta’ tfal u żgħażagħ li qed jiġu fostered jew qed jirrisjedu ġewwa waħda mid-djar tat-tfal, huwa kif ġej: Tfal kollha fostered 165 Tfal kollha Specialised Fostering 24 Tfal kollha f’djar residenzjali 202 Tfal f’Out of Home Care 391 NB: Meta qed ngħidu tfal kollha qed infissru dawk it-tfal u ż-żagħżagħ li mhux neċessarjament qegħdin taħt Ordni ta’ Ħarsien, iżda inkluż ukoll tfal li qegħdin taħt ordni tal-Qorti jew każijiet ta’ tfal li qegħdin f’residenza fuq bażi volontarja wara li tkun ħarġet rakkomandazzjoni u saret diskussjoni mal-Aġenżija Appoġġ. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, n-numru ta’ familji li bħalissa qed jiffosterjaw tfal u żgħażagħ huwa ta’ 154 familja. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, biex wieħed jiddetermina kemm mit-tfal u żgħażagħ taħt Ordni ta’ Ħarsien huma disponibbli għal fostering, irid jagħmel eżerċizzju individwali għal kull tifel u tifla u jsir assessment skont il-każ. Familja li tkun tixtieq tiffosterja tifel jew tifla, tista’ tagħmel kuntatt mal-Aġenzija Appoġġ fejn wara li jkun sar l-ewwel kuntatt, l-familja tiġi mistiedna biex tattendi taħriġ twil medja ta’ 7 ġimgħat. Wara dan it-taħriġ, l-familja tgħaddi minn perjodu ta’ assessjar u malli jitlesta l- assessment , l-ħaddiema soċjali jibgħatu d-dokumenti neċessarji quddiem il-bord tal- fostering għal kunsiderazzjoni tagħhom. Minn hemm, jiġi ddeterminat jekk l-familja tkunx approvata bħala foster parents, u jekk ir-risposta tkun fil-pożittiv, il-ħaddiema soċjali jibdew bil-ħidma tagħhom sabiex isir ‘matching’ bejn tifel/tifla u l-familja.

Tfal li jinsabu taħt ordni ta’ ħarsien

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm tfal li jinsabu taħt ordni ta’ ħarsien? Kemm minnhom huma disponibbli għal fostering u kemm minnhom effettivament qegħdin jiġu fostered? Kemm hemm tfal li ilhom iktar minn tliet snin taħt ordni ta’ ħarsien? X’għajnuna qed jirċievu dawn it-tfal biex ma jkomplux jagħqdu fl-istess ċirku ta’ problemi soċjali meta jikbru?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 28404

Appoġġ – medja ta’ każijiet soċjali lil kull ħaddiem soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema soċjali mpjegati mal-Appoġġ? Kemm hija l-medja ta’ każijiet li jkollu f’idejh kull ħaddiem soċjali? Kemm huma frekwenti l-kuntatti li dawn il-ħaddiema jkollhom mal-klijenti tagħhom? Bħala ħaddiema li jiffaċċjaw stress mentali u emozzjonali, għandhom aċċess għal appoġġ psikoloġiku huma wkoll?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, bħalissa, l-Aġenzija Appoġġ timpjega 313 –il ħaddiem li minnhom 194 huma ħaddiema soċjali. Il-medja ta’ każijiet li jkollu f’idejh kull ħaddiem soċjali hija ta’ madwar 30 każ. Il-kuntatt mal-kljienti ivarja min każ għall-ieħor, b’każijiet fejn il-kuntatt ikun ta’ kuljum, għal oħrajn fejn il-kuntatt mal-klijent jkun madwar darba f’ġimgħa waqt li oħrajn ikunu jesiġu kuntatt inqas frekwenti. Il-ħaddiema soċjali jiffaċjaw każijiet serji u, għaldaqstant, l-istress mentali u emozzjonali huwa dejjem preżenti. Sabiex l-Aġenzija Appoġġ tassigura l-wellbeing tal-ħaddiema soċjali, l-Aġenzija tagħmel ċert li kull ħaddiem soċjali jirċievi supervizjoni regolari, jattendi support groups, kif ukoll jara li jkollu aċċess għal għajnuna psikoloġika jekk ikun hemm l-bżonn.