Jista’ l-Ministru jgħid għal liema raġuni Transport Malta għamlet reserved parking f’żona riservata għall-bus stop fil-Pjazza tal-Mosta eżatt fil-bidu ta’ Triq il-Kostituzzjoni ma’ Triq il-Kbira fin-naħa fejn jieqfu l-karozzi tal-linja li jkunu sejrin lejn San Pawl il-Baħar, Mellieħa eċċ?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-reserved parking li qed jiġi riferit għalih sar għal persuna b’diżabilta' bi problemi kbar ta' mobilita’. Din il-persuna għandha ukoll il-blue badge. Din ir- reserved bay ġiet imneħħija minħabba li kien hemm oġġezzjoni għax hemm Bus Stop, u sakemm jinstab post aktar adegwat il- persuna ingħatat reserved bay fil- parking area ħdejn il-knisja Tal-Mosta sakemm tiġi ri-evalwata minħabba li l-kobor eżistenti tal- bus stop kien biex jakkomoda il-bendy buses li issa m’ għadhomx joperaw.
Jista’ l-Ministru jgħid xi skejjel ġodda inbnew u xi skejjel oħra sarilhom xogħol ta’ bini fihom u għal kull binja jista’ jgħid x’inhi n-nefqa għal kull proġett rispettiv fis-snin 2014, 2015 u 2016 separatement?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Din il-lista tirreferi għal xogħlijiet konsiderevoli peress li saru xogħlijiet minuri f’ħafna aktar skejjel.
Attachments:PQ 30662 - Skejjel ġodda li nbnew u skejjel oħra li sar xogħol ta’ bini fihom _2014-2016_.pdf
Jista’ l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex l-Għassa tal-Pulizija fil-Mosta jkollha l-faċċata tagħha fuq barra tal-binja taċ-Ċentru Ċiviku tal-Mosta imbajda, sabiex ikollha dehra isbaħ?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Mosta – Triq Salvu Aquilina – tindif ta’ open space
Question
Jista’ l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex l-open space f’tarf Triq Salvu Aquilina ħdejn proprjetà nru 1 Triq Salvu Aquilina, Mosta tkun imnaddfa mill-ħaddiema tal-Cleansing Directorate sabiex l-ilma tax-xita ma jibqax jagħmel ħsara lill-ġirien ta’ dan l-open space u lanqas jibqa’ jinġabar f’din it-triq u joħloq problemi akbar lir-residenti oħra fl-istess triq?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed issir riċerka jekk l-art imsemmija hux waħda tal-Gvern jew inkella art privata.
Jista' l-Ministru jgħid kif jiġġusifika r-raġuni li fl-aħħar budget 2017, bħala Minsitru tal-Finanzi daħħal il-proċedura ta' sisa li hija dazju fuq oġġetti bħalma huma s-cement, is-soft drinks, toiletries eċċ? Jista' l-Ministru jgħid x'arranġamenti għamel mal-Unjoni Ewropea sabiex ikun jista' juża l-miżura ta' sisa fuq oġġetti li ma humiex tabakk, alcoħol u żejt?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant illi f’dan il-qasam il-Gvern preżenti kompla jibni fuq dak ta’ qablu.
L-Onor. Interpellant għażel li jsemmi s-siment fost l-eżempji tiegħu u bi żball attribwixxa s-sisa fuq dan il-prodott lill-Gvern preżenti. Nixtieq ngħarrfu li s-sisa fuq dan prodott iddaħħlet mill-Gvern Nazzjonalista.
Fir-rigward tal-Unjoni Ewropea, l-Gvern mexa fuq il-passi tal-Gvern ta’ qablu u, b’mod korrett ghall-aħħar, għamel dak li huwa fil-kompetenza tal-Gvern Malti.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-programm ta' xogħol tal-bini tal-iskola ġdida f'San Pawl il-Baħar? Jista' jgħid meta ser jibda x-xogħol tal-bini, min ser ikun qed jibni u meta ser tkun lesta l-binja tal-iskola l-ġdida u meta ser jidħlu l-istudentu fl-iskola l-ġdida?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fuq dan il-proġett beda u sa issa sar ix-xogħol ta' skavar. Il-permessi ta' żvilupp li hemm bżonn ħarġu u bħalissa qed ikun evalwat it-tender tal-bini tal-iskola. Il-programm ta' xogħol jiddependi minn meta jingħata l-kuntratt tax-xogħlijiet li jista' jkun suġġett għal appelli u proċeduri oħra. Hu ppjanat li din l-iskola tibda topera mis-sena d-dieħla.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 30360 fejn il-Ministru talabni nirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat, jista' l-Ministru jirrispondi l-istess mistoqsija ladarba kienet Transport Malta li talbet lill-MEPA, illum PA, sabiex mal-awtorizzazzjoni tal-permess ta' żvilupp l-istess PA timponi fuq Lidl il-kundizzjoni li bl-ispiża tiegħu huwa jibni r-roundabout li rreferejt għaliha fil-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid x'passi qed tieħu Transport Malta sabiex tara li r-roundabout li ntalbet fil-fatt issir, u dan sabiex f’dik it-triq ikun hemm aktar sigurtà?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 30360. Addizzjonalment ninfurmah li r-rwol konsultattiv ta’ Transport Malta fuq kwalunkwe’ applikazzjoni għal permess ma jagħtix lill-istess Awtorita’ setgħat eżekuttivi. L-Awtorita’ ta’ l-Ippjanar, bħala l-entita’ li ħarġet il-permess u bħala l-entita’ li tinforza l-permess għandha s-setgħat eżekuttivi flimkien mal-Kunsill Lokali li huwa risponsabbli minn din it-triq.
Jista’ l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex isiru l-emendi meħtieġa fl-avviż legali u fil-liġi rispettiva li qed jirregolaw il-ftuħ ta’ negozji nhar ta’ Ħadd sabiex stabbilimenti jkunu jistgħu jiftħu nhar ta’ Ħadd mingħajr ma jħallsu s-€700 li hija l-ħlas tal-liċenzja tal-fiera kummerċjali?
Response (CARDONA, CHRIS)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għal Stqarrija Ministerjali li saret fl-10 ta’ Jannar 2017, fejn ingħataw id-dettalji kollha relatati ma’ din ir-riforma..
Mosta – Triq il-Kostituzzjoni – restaurants li joħorġu mwejjed u siġġijiet f’parking bays
Question
Jista’ l-Ministru jieħu l-passi permezz ta’ Transport Malta (TM) sabiex issir evalwazzjoni rigward il-possibbilità li fi Triq il-Kostituzzjoni l-Mosta ssir speed camera u traffic calming measures ladarba l-istess TM approvat applikazzjoni sabiex restaurants joħorġu siġġijiet u mwejjed f’parking bays fl-istess triq?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor.I nterpellant illi talbiet għal Speed Cameras għandhom jiġu sottomessi lil LESA.
Fir-rigward għal Traffic Calming Measures, it-talba għandha tiġi sottomessa mill-Kunsill Lokali u jindika x’tip ta’ miżuri qiegħed jipproponi.
Jista’ l-Ministru jieħu l-passi sabiex issir reevalwazzjoni rigward kemm għandha tkun il-veloċità massima tat-traffiku f’toroq residenzjali li qed ukoll ikunu wżati kemm minn mechanical wheelchairs ladarba dawn ma jistgħux jużaw il-bankini kif ukoll xi drabi minn ommijiet li jkollhom it-tfal tagħhom fi prams jew push chairs u dan bil-għan li t-toroq residenzjali jkunu aktar safe?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-veloċita’ massima f’toroq residenzjali tiġi evalwata każ, każ, a-bażi tal-policies eżistenti tal-Awtorita’.
Skejjel tal-Gvern — tqassim ta' tablets lill-istudenti
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm tqassmu tablets għall-użu tal-istudenti fl-iskejjel tal-gvern fl-2013, 2014, 2015 u fl-2016 rispettivament? Jista' jgħid f'liema skejjel tqassmu dawn it-tablets?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li fl-2014 ingħataw 16-il tablet (Microsoft) lill-iskola sekondarja ta' Pembroke - kulleġġ Santa Klara. L-NGO Save A Life Foundation taw 13-il iPad lill-iskola primarja tal-Belt kulleġġ San Ġorġ Preca.
Fis-snin 2013 sa 2015 ma ngħatawx tablets mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol. L-uniċi tablets li kienu ntużaw mill-iskejjel f'dawn is-snin kienu mislufa minn entitatijiet privati, li pparteċipaw għall-proġett pilota wara sejħa ta’ interess. Il-proġett pilota seħħ bejn Marzu 2014 sa Marzu 2015. It-tablets kollha ġew mgħoddija lura lill-entitajiet privati wara Marzu 2015.
Minn Diċembru 2016 sa Jannar 2017 tqassmu t-tablets lill-istudenti kollha tar-Raba' Sena fl-iskejjel tal-Istat, Indipendenti u tal-Knisja. L-informazzjoni dwar f’liema skejjel u kemm tqassmu tablets hija kif tidher fit-tabella li tqiegħdet fuq il-Mejda tal-Kamra bi tweġiba għal mistoqsija parlamentari 30072.
Jista' l-Ministru jgħid meta ser jibdew it-tħejjijiet sabiex il-liċenzji ta' negozji tal-catering u tal-lukandi jitneħħew ukoll bħalma tneħħew il-liċenzji tal-ħwienet u negozji oħra?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma l-Onor. Interpellant li hekk kif ġie mħabbar fl-aħħar baġit, it-tneħħija tal-liċenzji tan-negozju ma tinkludix lukandi, stabbilimenti tal-catering u operaturi turistiċi oħra liċenzjati mill-Awtorità Maltija tat-Turiżmu. 40% tal-miżata operattiva statutorja mħallsa mill-operaturi turistiċi kollha tirrappreżenta ħlas ta’ kontribuzzjoni lill-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, filwaqt li l-bqija hija liċenzja mħallsa lill-Gvern.
Kif diġà tħabbar fi Frar 2016, waqt it-tnedija tal-proċess ta' konsultazzjoni tar-riforma leġiżlattiva tat-Turiżmu, l-Awtorità qed taħdem mal-Ministeru għat-Turiżmu fuq
revised fee structure
għall-operaturi turistiċi kollha, flimkien ma’ sistema ta' liċenzjar ġdida. L-istruttura ġdida ta' tariffi hija mmirata biex tara li l-miżati tal-operat ma jiżdidux u f'xi każijiet xi operaturi jistgħu wkoll jibbenefikaw minn tnaqqis.
Dan minkejja l-fatt li s-sovvenzjoni tal-Gvern għall-Awtorità Maltija tat-Turiżmu żdiedet b'mod esponenzjali matul l-aħħar snin, u minkejja l-prestazzjoni pożittiva rreġistrata fis-settur tat-turizmu fl-aħħar snin. Barra minn hekk, wieħed għandu jfakkar illi l-ħlas ta' kontribuzzjoni baqgħu ma ntmessux għal numru ta' snin. Madankollu, il-ħlasijiet ġodda ser jiġu diskussi mar-rappreżentanti tal-industrija qabel ma jiġu mħabbra.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex fi Vjal Indipendenza fil-Mosta, jinżebgħu l-lanes fuq kull naħa tal-istess Vjal Indipendenza b'double line fin-nofs li jindika li ma jistax ikun hemm qsim min-naħa għall-oħra tat-triq u b'hekk jitnaqqsu l-possibilitajiet li karozzi minn fuq lane jkunu jistgħu jaqsmu għas-side roads fuq il-lane opposta tal-istess Vjal Indipendenza?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan is-suġġeriment ser inkun qed ngħaddih għall-konsiderazzjoni ta’ Transport Malta.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' impjegati li kien hemm fil-MIMCOL u l-Malta Government Investments (MGI) rispettivament, fl-2013, fl-2014, fl-2015 u fl-2016? Jista' jgħid min huma l-ħaddiema li kienu reġistrati bħala impjegati tal-MIMCOL u MGI sal-aħħar tas-sena 2016, ċjoè jgħid l-isem u designation tal-istess ħaddiema?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
ħwienet li baqgħu miftuħa wara s-7 ta' filgħaxija — persuni mressqa l-Qorti
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm il-persuna ġiet imressqa l-Qorti akkużati bi ksur ta' liġi li bħala sidien ta' ħwienet baqgħu miftuħa wara s-7 ta' filgħaxija, fl-2013, fl-2014 u fl-2015? Jista' jgħid kemm kienu dawk il-persuni li ġew imressqa l-Qorti għaliex fetħu n-negozju tagħhom nhar ta' Ħadd?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex f'salib it-toroq mal-entratura ta' Lidl fi Triq id-Difiża Ċivili l-Mosta, issir roundabout kif kien ordnat li jsir mill-Awtorità tal-Ippjanar (PA) bħala kundizzjoni tal-permess ta' żvilupp? Din il-proposta qed issir għaliex f'dan il-post diġà seħħew inċidenti tat-traffiku li kienu perikolużi.
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministri kkonċernati.
Direttorat għal kummerċ — applikazzjonijiet għal liċenzja ta' commercial fair
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm fl-2013, fl-2014, u fl-2015 id-direttorat għal kummerċ irċieva applikazzjonijiet għal liċenzja ta' commercial fair, rispettivament għal kull sena? Jista' jgħid f'dawn is-snin fl-2013, fl-2014 u fl-2015 l-istess direttorat kemm il-liċenzja ta' commercial fair ħareġ?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex mar-roundabout ta' Triq ta' Żejfa salib it-toroq ma' Triq San Pawl tal-Qliegħa fil-Mosta u mar-roundabout li hemm f'tarf ta' Triq il-Kostituzzjoni salib it-toroq ma' Triq id-Difiża Ċivili l-Mosta, isiru sinjali li juru li madwar ir-roundabout il-karozzi jistgħu jsuqu f'two lanes u mhux single lane? Din il-proposta qed issir sabiex it-traffiku jkun jista' jsuq bil-ħeffa aktar u b'aktar sigurtà madwar dawn iż-żewġ roundabouts?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejt il-proposta tiegħu lil Transport Malta għal kunsiderazzjoni tagħha.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi sabiex jara li Transport Malta tibni bankina fuq naħa waħda ta' Triq id-Difiża Ċivili fil-Mosta la darba l-kunsill lokali ma għandux il-finanzjament meħtieġ għax ġaladarba ssir din il-bankina, tkun qed tinħoloq aktar sigurtà għal min jimxi f'din it-triq?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ladarba l-kunsill m’għandux fondi, din il-Mistoqsija għandha tiġi riferuta il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali u lill-Ministru għall-Finanzi