Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #7263 Sitting 112 1999-06-01 Oral · Final From: DOLORES CRISTINA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Droga

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'ammonti ta' droga nqabdu mill-ewwel ta' Jannar, 1999 sa l-aħħar ta' April? X'tip ta' droga nqabdet? Kemm kienu arrestati persuni biex jgħinu l-investigazzjonijiet? Kemm-il raid sar mit-taqsima ta' kontra d-droga b'konnessjoni mad-droga?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-ammont u tip ta' droga maqbuda mill-Pulizija bejn Jannar u April ta' l-1999 hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Ninsab infurmat ukoll li fl-istess perijodu ġew miżmuma 261 persuna sabiex jgħinu lill-pulizija fl-investigazzjonijiet dwar droga, filwaqt li t-Taqsima ta' kontra d-droga tal-pulizija għamlet 333 tfittxija. 01.06.99 (a.m.)
Leg 9 PQ #7264 Sitting 112 1999-06-01 Oral · Final From: DOLORES CRISTINA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Armi liċenzjati

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-ammont ta' armi liċenzjati li hawn fil-pajjiż u taħt liema kategoriji huma maqsumin bejn to keep u to carry? Jaħseb il-Ministru li minkejja d-diversi konċessjonijiet li ngħataw fil-passat, xorta waħda għad hawn ammonti ta' armi fl-idejn bla liċenzja tal-kummissarju tal-pulizija?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fis-26 ta' Mejju, 1999, in-numru ta' armi liċenzjati kien ta' 55,416 li minnhom 40,248 jistgħu jinġarru għal skop ta' kaċċa u/jew sport minn persuni li jkollhom liċenzja għal ġarr ta' arma. Wieħed qatt ma jista` jeskludi l-eżistenza ta' armi mhux liċenzjati minkejja konċessjonijiet li jistgħu jingħataw minn żmien għal żmien. 01.06.99 (a.m.)
Leg 9 PQ #7265 Sitting 112 1999-06-01 Oral · Final From: DOLORES CRISTINA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Fizzjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'vakanzi ta' fizzjali jeżistu fil-korp tal-pulizija u fejn jinsabu? Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li dawn il-vakanzi jimtlew fil-futur qarib?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li, sabiex ikunu mimlija l-postijet ta' fizzjali fil-Korp tal-Pulizija kif maħsub, huma meħtieġa 11-il Supretendent u 25 Spettur. Rigward it-tieni parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat li, fil-proċess biex jimtlew dawn il-vakanzi, għadhom kif temmew b'suċċess il-kors ta' taħriġ 24 uffiċjal kadett. 01.06.99 (a.m.)
Leg 9 PQ #7266 Sitting 112 1999-06-01 Oral · Final From: DOLORES CRISTINA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Imwejjed liċenzjati

Question

Jista' l-Ministru jgħid, lokalita' lokalita' kemm hawn imwejjed liċenzjati biex jinħarġu barra l-ħwienet għal skop ta' ikel u xorb?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellanti għat-Tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 6546. 01.06.99 (a.m.)
Leg 9 PQ #7318 Sitting 112 1999-06-01 Oral · Final From: DOLORES CRISTINA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Safety fil-bajjiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi tħejjijiet il-Pulizija qed tagħmel biex tassigura aktar safety fil-bajjiet u xtut Maltin issa li dieħel l-istaġun tas-sajf? Fil-fatt il-Pulizija kemm għandhom opri tal-baħar li jistgħu jintużaw għas-sorveljanza?

Response (BORG, TONIO)

Fis-sajf id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili flimkien ma' l-għaqdiet volontarji ser jorganizza 'Life Guard Service' fi tliet bajjiet prinċipali f'Malta, li huma l-Għadira, Għajn Tuffieħa u Birżebbuġia. Għal dan l-iskop id-dipartiment jipprovdi mobile homes u tagħmir ieħor neċessarju tas-salvataġġ. B'kollox l-ammont ivvotat għal dan il-għan ilaħħaq l-Lm20,000. L-għaqdiet volontarji li jieħdu sehem f'din l-attivita` huma s-St. John`s Ambulance Brigade, St. John Rescue Corp, Malta Red Cross Society u r-Royal Life Saving Society. Din is-sena qed isiru attentati biex is-servizz jiġi estiż ukoll f'Għawdex. Għal dak li għandu x'jaqsam mall-ħidma tal-Korp tal-Pulizija f'dan il-qasam, ninsab infurmat illi l-Pulizija flimkien ma' l-Awtorita` Marittima jikkordinaw bejniethom sabiex jitqegħdu l-bagi biex jipproteġu l-għawwiema f'dawk il-bajjiet l-aktar iffrekwentati. Barra minhekk, fix-xhur tas-sajf, il-Pulizija, permezz ta' erba` opri tal-baħar tagħmel sorveljanza fix-xtut u l-bajjiet sabiex ma jkunx hemm abbużi minn persuni permezz ta' speedboats u opri oħra tal-baħar.
Leg 9 PQ #7231 Sitting 111 1999-05-31 Oral · Final From: DOLORES CRISTINA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Akkademja - Membri

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm membri tal-korp jaħdmu fl-Akkademja tal-Pulizija u x'personnel ieħor hemm f'din l-Akkademja? X'korsijiet kienu organizzati fl-Akkademja fl-aħħar ħames snin u kemm attendew persuni għalihom?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fil-preżent hemm disa` membri tal-Korp u żewġ persuni pajżana jaħdmu fl-Akkademja. Rigward it-tieni parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #7232 Sitting 111 1999-05-31 Oral · Final From: DOLORES CRISTINA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Akkademja

Question

Jaħseb il-Ministru li wasal iż-żmien li l-Akkademja tal-Pulizija f'Sant'Iermu tingħata injezzjoni ġdida biex tkun aktar effettiva u rilevanti għaż-żmenijiet ta' llum?

Response (BORG, TONIO)

Bħalissa qed isiru diskussjonijiet ibbażati fuq ir-rapport li sar dwar l-istruttura u l-organizzazzjonijiet ta' l-Akkademja tal-Pulizija. 31.05.99 (p.m.)
Leg 9 PQ #7233 Sitting 111 1999-05-31 Oral · Final From: DOLORES CRISTINA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — DIK

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema fażijiet wasal il-proġett tal-bini tal-lock ups fil-bitħa tad-DIK tal-pulizija?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li x-xogħol fuq il-kumpless li jinkludi bini ta' lock-up ġdid, laboratorji forensiċi u uffiċċji ġodda għat-Taqsimiet Speċjalizzati jinsab fl-aħħar fażi tiegħu għal dak li għandu x'jaqsam ma' bini u kostruzzjoni. Inħarġu sejħiet għal offerti għal xogħlijiet ta' installazzjoni ta' ilma u elettriku, u mistennija joħorġu wkoll sejħiet oħra għal kumplament ta' xogħolijiet li jinkludu aperturi esterni, installazzjoni ta' liftijiet u tagħmir għall-arja kundizzjonata, u tqegħid ta' madum, tikħil u tibjid. Xogħol ieħor, inkluż aperturi interni, bibien ta' ċelel u għamara għall-uffiċċji mistenni jsir minn ħaddiema tad-Dipartiment.
Leg 9 PQ #7234 Sitting 111 1999-05-31 Oral · Final From: DOLORES CRISTINA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Fixex points

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk wasalx iż-żmien li ċerti fixed points li jsiru minn membri tal-Korp tal-Pulizija għandhomx jibdew isiru minn membri tal-Forzi Armati ta' Malta?

Response (BORG, TONIO)

Is-suġġeriment ta' l-Onor. Interpellant qed jiġi kkunsidrat.
Leg 9 PQ #7261 Sitting 111 1999-05-31 Oral · Final From: DOLORES CRISTINA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Kontravenzjonijiet tat-traffiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-kritika li saret dan l-aħħar lill-pulizija li m'hix soda u ferma biżżejjed fil-penalizzazzjoni fir-rigward ta' kontravenzjonijiet tat-traffiku hijiex ġustifikata jew le? Barra minn hekk il-pulizija tikkonsidra li min jagħmel kontravenzjoni u jinqabad ikollu jħallas iċ-ċitazzjoni fil-post tal-kontravenzjoni stess?

Response (BORG, TONIO)

Għalkemm fejn tidħol is-sigurta` fis-sewqan wieħed qatt ma għandu jserraħ moħħu b'dak li jkun qed isir jew li jkun sar, meta wieħed jikkunsidra l-isforzi li qed tagħmel il-Pulizija sabiex f'pajjiżna jkun hawn sewqan aħjar kif ukoll jipparaguna n-numru ta' ċitazzjonijiet dwar kontravenzjonijiet tat-traffiku mogħtija is-sena l-oħra ma' dawk mogħtija fl-ewwel tlett xhur ta' din is-sena, ma naħsibx li tali kritika hija ġusta. Rigward is-suġġeriment ta' l-Onor. Interpellanti fl-aħħar parti tal-Mistoqsija għad m'hemmx ħsieb li l-pulizija jagħmlu dan ix-xogħol. 31.05.99 (p.m.)
Leg 9 PQ #7262 Sitting 111 1999-05-31 Oral · Final From: DOLORES CRISTINA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Prostituti Russi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qed tagħmel il-pulizija b'mod effettiv dwar allegati rapporti dwar prostituti mir-Russja u l-Ukrajna li allegalment intqal li qed jitħaddmu f'żewġ lukandi f'Tas-Sliema? Jista' l-Ministru jgħid ukoll bejn Jannar u April 1999 kemm tressqu tfajliet u nisa l-qorti akkużati bi prostituzzjoni?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija qed twettaq ħidma sabiex ma jkunx hemm l-allegat abbuż li rreferit għalih l-Onor. Interpellanti. Pero` mhux għaqli li wieħed jikxef id-dettalji ta' dan l-operat. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat illi bejn Jannar u April, 1999, tressqu 42 persuni l-Qorti akkużati bi prostituzzjoni. 31.05.99 (p.m.)
Leg 9 PQ #7225 Sitting 110 1999-05-31 Oral · Final From: DOLORES CRISTINA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Kaxxi tal-logħob

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu kaxxi tal-logħob illegali fl-ewwel erba' xhur tas-sena u minn liema lokalitajiet? Kemm resqet persuni l-qorti l-pulizija f'dan ir-rigward? Barra minnhekk, fl-ewwel erba' xhur tas-sena kemm inqabdu nies imexxu l-lottu klandestin?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fl-ewwel erba` xhur ta` din is-sena l-Pulizija qabdet 10 kaxxi tal-logħob illegali minn dawn il-lokalitajiet: Qawra, Mellieħa, Valletta, Fgura, Tarxien, Zejtun u Birżebbuġia u f`dan ir-rigward, tressqu l-Qorti 9 persuni. Fl-istess perijodu inqabdu 22 persuna involuti fil-lottu klandestin. 31.05.99(a.m.)
Leg 9 PQ #7226 Sitting 110 1999-05-31 Oral · Final From: DOLORES CRISTINA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Membri

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk qattx, fl-aħħar xhur, ittieħdu passi fil-konfront ta' membri, anke fi gradi ta' fizzjali, li waqt li jkunu xogħol ikunu minflok jixorbu spirti fi ħwienet tax-xorb?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li matul din is-sena ittieħdu passi kontra surġent, filwaqt li hemm każ ieħor kontra kuntistabbli li għadu pendenti. 31.05.99(a.m.)
Leg 9 PQ #7227 Sitting 110 1999-05-31 Oral · Final From: DOLORES CRISTINA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Impjegati fuq xogħol ta' tindif

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati abbinati mal-Korp tal-Pulizija li xogħlhom hu proprju t-tindif ta' l-għases tal-pulizija? Jaħseb il-Ministru li forsi hemm bżonn ta' aktar impjegati f'dan il-qasam peress li l-livell ta' tindif f'ħafna mill-għases hu baxx ħafna?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fil-preżent hemm ħames persuni (general hands) li qegħdin jagħmlu xogħol ta' tindif f'għases tal-Pulizija, filwaqt li hemm sitta oħra li qegħdin jagħmlu dan it-tip ta' xogħol f'oqsma oħra tad-Dipartiment, fosthom il-Kwartieri Ġenerali, l-Akkademja u f'Ta Kandja. Wieħed jaqbel li dejjem hemm lok għal titjib f'dan ir-rigward u fil-fatt saru talbiet fil-Business Plans tad-Dipartiment sabiex jiġu trasferiti numru ta' mpjegati li jkunu jistgħu jagħtu kontribut akbar f'dan il-qasam. 31.05.99(a.m.)
Leg 9 PQ #7228 Sitting 110 1999-05-31 Oral · Final From: DOLORES CRISTINA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Refuġjati

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' refuġjati li hawn Malta? X'inhu n-numru ta' immigranti llegali li qed jinżammu mill-pulizija fil-bażi f'Ta' Kandja? X'qed isir biex jintbagħtu lura pajjiżhom u x'inhi l-proċedura li trid tkun segwita biex ħaġa bħal din tkun tista' ssir?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanti li t-tagħrif dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija ma jinżammx mill-Pulizija. Hu l-Uffiċċju ta' l-U.N.H.C.R. f'Malta li jieħu ħsieb l-interessi ta' persuni meqjusa bħala refuġjati. Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li n-numru ta' immigranti llegali li preżentement qed jinżammu mill-Pulizija ġewwa Ta' Kandja hu ta' 75. Rigward it-tielet parti tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellanti għat-tieni parti tat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 3363 f'Seduta 50. 31.05.99 (a.m.)
Leg 9 PQ #7229 Sitting 110 1999-05-31 Oral · Final From: DOLORES CRISTINA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Membru

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu t-talbiet li kienu saru mill-Kummissarju tal-Pulizija lill-Public Service Commission biex il-pulizija, li n-numru tiegħu qed jintbagħat separatament, jitkeċċa mill-Korp tal-Pulizija?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-każ li qed tirreferi għalih l-Onor. Interpellanti għadu qed jiġi kkunsidrat mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku. 31.05.99(a.m.)
Leg 9 PQ #7230 Sitting 110 1999-05-31 Oral · Final From: DOLORES CRISTINA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Liċenzji ta' logħob tan-nar

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi proċeduri se ssegwi l-pulizija din is-sena dwar l-għoti ta' liċenzji għall-ħruġ tal-logħob tan-nar fil-festi fl-ibliet u fl-irħula?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f'Novembru u f'Diċembru tas-sena l-oħra ġew pubblikati r-regolamenti ġodda dwar il-kontroll ta' xogħlijiet tan-nar permezz ta' l-A.L. 266 u A.L. 243 ta' l-1998. Għaldaqstant il-permessi għal ħruq tan-nar iridu jkunu konformi ma' dawn ir-regolamenti.
Leg 9 PQ #6854 Sitting 98 1999-05-17 Oral · Final From: DOLORES CRISTINA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Allokazzjoni ta' fondi

Question

Jista' l-Ministru jgħid min hu responsabbli biex jalloka l-fondi li ġew ivvotati għal pulizija fid-diversi sezzjonijiet tal-korp? X'inhi r-raġuni li minkejja li għaddiet terz minn din is-sena hemm numru ta' sezzjonijiet fil-Korp tal-Pulziija li għadhom ma jafux kemm hemm flus allokati għalihom mill-budget ta' din is-sena, partikolarment għax-xiri ta' equipment li jitħallas mill-vot kapitali?

Response (BORG, TONIO)

Il-fondi li jingħataw taħt il-vot tal-Pulizija, bħal f'kull Dipartiment ieħor, jiġu allokati skond il-programmi u t-talbiet li jkunu ġew sottomessi fil-Business Plans tad-Dipartiment, wara li dawn il-fondi jiġu approvati fl-Estimi għas-sena partikolari. Naturalment, il-fondi li eventwalment jiġu pprovduti, jitqassmu b'mod li jkun jirrifletti l-prijoritajiet tad-Dipartiment kif murija fl-istess Business Plans. Fl-ambitu tal-parametri msemmija, l-allokazzjoni ssir mill-Kummissarju b'konsultazzjoni mad-Direttur responsabbli mill-Finanzi u Amministrazzjoni. 17.05.99 (a.m.)
Leg 9 PQ #6855 Sitting 98 1999-05-17 Oral · Final From: DOLORES CRISTINA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Tfal b'diżabilita'

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-ġenituri ta' tfal b'diżabilita' għandhomx id-dritt li jagħżlu huma f'liema skola jibgħatu lil uliedhom? Jekk le, jista' l-Ministru jgħid min jagħmel l-għażla?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ġenituri, wara li jingħataw pariri siewja, għad għandhom id-dritt li jgħażlu jekk it-tfal tagħhom jattendux skola "mainstream" jew dik Speċjali. Dan wara li każ partikolari jiġi eżaminat minn 'Statementing Board'. Dan jgħodd għal skejjel statali.