Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar il-qagħda attwali tas-sezzjoni tal-mounting fil-korp tal-Pulizija? Fil-preżent kemm hemm żwiemel u x'inhi l-eta' tagħhom? Hemm il-ħsieb li jinġiebu żwiemel ġodda minn barra?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-Taqsima tal-Kavallerija tal-Pulizija hija komposta minn 19-il membru. Fil-preżent din għandha 19-il żiemel li l-eta` tagħhom tvarja bejn 8 u 24 sena. Iva, huwa maħsub li jinġiebu aktar żwiemel għal din it-taqsima.
Fl-ewwel disa' xhur tas-sena kemm ingħataw ċitazzjonijiet mill-pulizija minħabba kontravenzjonijiet tat-traffiku? Fl-istess perjodu kemm iddaħħlu flus minn ħlasijiet ta' ċitazzjonijiet maħruġa mill-pulizija?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li bejn Jannar u Settembru 1999, ingħataw 86,340 ċitazzjoni tat-Traffiku. Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li l-Pulizija tiġbor biss ħlas ta` traffic offence tickets li jitħallsu barra mill-Qorti li kien jammonta għal Lm132,555. Fil-każi l-oħra, il-ħlas jinġabar mir-reġistratur tal-Qorti.
Jista' l-Ministru jgħid fl-ewwel disa' xhur tas-sena, kemm inħarġu ċitazzjonijiet dwar nuqqas ta' lbies ta' seat belt?
Kemm minn dawk kienu sewwieqa u kemm kienu passiġġieri fuq quddiem?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li peress li l-informazzjoni li qed tintalab mhix miġbura f`forma ta` statistika, din l-informazzjoni tinħtieġ ċertu żmien biex tinġabar u għalhekk l-informazzjoni tingħata meta din tiġi miġbura.
Fl-ewwel disa' xhur tas-sena kemm inġabru vetturi mit-toroq mill-pulizija għaliex kienu ilhom abbandunati? X'inhu n-numru ta' vetturi irrapportati abbandunati li għadhom ma nġabrux? X'inhu t-timeframe biex dawn jinġabru?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fl-ewwel disa` xhur ta` din is-sena, it-Taqsima ta` l-ALE tal-Pulizija ġabret 209 vettura li kienu mitluqin fit-toroq, filwaqt li 63 vettura oħra ġew imneħħija minn sidhom wara li kien hekk ordnat mill-pulizija. Hemm 794 vettura rrappurtati bħala derelicts li għad iridu jitneħħew. Ma hemmx żmien stipulat li fih vettura rrapurtata abbandunata trid tinġabar, pero` dan jiddependi minn diversi fatturi, fosthom id-disponibilita` ta` mezzi biex jitneħħew u spazju fejn jinżammu. Fil-jiem li ġejjin, il-Kunsilli Lokali ser jingħataw il-poter li b`liġi ikunu jistgħu jneħħu dawn il-vetturi.
Jista' l-Ministru jgħid xahar b'xahar, fl-ewwel disa' xhur ta' din is-sena, kemm inqabdet droga u x'tip ta' droga nqabdet? Fl-istess perjodu kemm kienu arrestati persuni biex jgħinu lill-pulizija fl-istħarriġ u kemm tressqu persuni l-qorti?
F'liema lokalitajiet saru r-raids tal-pulizija u kemm saru raids b'kollox?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellanti dwar it-tip u l-ammont ta` droga li nqabdet fl-ewwel 9 xhur ta` din is-sena hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Dwar il-kumplament tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li matul l-istess perijodu ġew miżmuma mill-Pulizija 653 persuna sabiex jgħinuha fl-istħarriġ tagħha, filwaqt li tressqu quddiem il-Qorti 242 persuna.
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li tfittxijiet isiru skond il-ħtieġa ta` l-investigazzjoni partikolari li tkun qed issir.
Jista' l-Ministru jgħid fil-preżent kemm hemm persuni l-ħabs dwar droga?
Kemm minnhom huma diġa' sentenzjati u kemm hemm li qed jistennew li jgħaddu minn proċeduri legali?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fl-20 ta` Ottubru 1999, in-numru ta` priġunieri li jinsabu fil-Faċilita` Korrettiva ta` Kordin u li l-każ tagħhom hu relatat mad-droga kien ta` 106.
Minn dawn, 41 qed jistennew li jinbdew il-proċeduri legali dwar il-każ tagħhom, filwaqt li 65 qed iservu sentenza.
Kemm dawk sentenzjati kif ukoll dawk li qed jistennew li jinbdew il-proċeduri kontrihom jista` jkollhom aktar minn każ wieħed.
Jista' l-Ministru jgħid xahar b'xahar fl-ewwel disa' xhur ta' din is-sena, kemm inqabdu persuni mixlija b'serq?
Fl-istess perjodu kemm kienu rrapportati każi ta' serq u x'tip ta' serqiet kienu?
Kemm jirriżulta li l-pulizija tad-DIK irnexxilhom isolvu każijiet ta' hold ups?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li bejn Jannar u Settembru ta` din is-sena, in-numru ta` persuni li nqabdu mill-Pulizija fuq każi ta` serq kien kif ġej :
Jannar Frar Marzu April Mejju Ġunju Lulju Awissu Settembru
49 35 42 41 40 51 47 65 46
Dwar in-numru ta` rapporti u t-tipi ta` serq irrappurtati lill-Pulizija fl-ewwel 9 xhur ta` din is-sena ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellanti hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li ġew solvuti 13-il każ.
Jista' l-Ministru jgħid kemm fl-ewwel disa' xhur ta' din is-sena seħħew inċidenti fatali tat-traffiku? Min kienu l-vittmi? Meta seħħew l-inċidenti u fejn? B'konnessjoni ma' dawn l-inċidenti kien hemm każi fejn xi persuni tressqu l-qorti akkużati bil-kawża ta' traskuraġni fis-sewqan?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li bejn Jannar u Settembru 1999 kien hemm 10 inċidenti tat-traffiku li kienu fatali. Dwar żewġ każi minnhom inbdew proċeduri quddiem il-Qorti. It-tagħrif dwar dawn il-każijiet mitlub mill-Onor. Interpellanti hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew ittowjati karozzi privati mil-lokalitajiet ta' Paceville, San Ġiljan u ta' Swieqi, xahar b'xahar minn Mejju sa Settembru 1999? Kemm minn dawn il-vetturi kienu ta' residenti ta' dawn il-lokalitajiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellanti huwa kif ġej :
Mejju Ġunju Lulju Awissu Settembru
Paceville 26 18 36 108 44
San Ġiljan 25 17 10 71 39
Swieqi 57 54 49 70 61
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi ma tinżammx statistika tat-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onor. Interpellanti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm klieb fit-taqsima tal-pulizija fil-Mosta fil-preżent? X'taħriġ qed jingħataw dawn il-klieb? Kemm saru interventi minn dawn il-klieb fl-aħħar sitt xhur?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fil-preżent it-Taqsima tal-Klieb tal-Pulizija għandha 32 kelb u 12-il ġeru. Dawn il-klieb jingħataw taħriġ skond il-linja tax-xogħol li l-kelb ikun assenjat. Din is-Sezzjoni għamlet 49 tfittxija in konnessjoni ma` theddid ta` bombi, 147 tfittxija għad-droga filwaqt li kien hemm 270 okkażżjoni oħra fejn din is-Sezzjoni tat is-servizz tagħha dwar protezzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid x'sehem qed jagħti l-Korp tal-Pulizija biex ikunu rranġati għases tal-pulizija mill-Assoċjazzjoni Qraba tal-Pulizija?
Min qed jiddeċiedi liema sponsorships f'din l-inizjattiva jkunu aċċettati jew le?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li għall-inizjattiva li ħadet l-Għaqda Qraba tal-Membri tal-Korp tal-Pulizija sabiex ittejjeb l-ambjent ta` fejn jaħdmu l-qraba tagħhom, il-Korp tal-Pulizija jipprovdi l-materjal meħtieġ u fejn ikun hemm bżonn ħaddiema. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, l-Għaqda tirregola il-fund raising tagħha bil-kundizzjoni li ma jkunux kompromessi l-interessi tal-Korp.
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-programm ta' komputerizzazzjoni fil-korp tal-pulizija?
Kemm intnefqu flus s'issa f'dan il-programm?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-programm ta` komputerizazzjoni fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, li kien inbeda fl-1987, hu proċess kontinwu. Matul dawn l-aħħar snin pero`, kien hemm avvanz sħiħ billi ġiet introdotta s-sistema magħrufa bħala Police Incident Reporting System (P.I.R.S.). B`din is-sistema d-dettalji tar-rapporti magħmula fl-Għases tal-Pulizija jiġu mniżżla fil-kompjuter u l-informazzjoni tkun aċċessibli bejn għassa u oħra. Ġiet ukoll introdotta s-sistema kompjuterizzata fl-Uffiċċju ta` l-Armi. Wieħed isemmi ukoll is-sistema komputerizzata ta` l-Immigrazzjoni introdotta fl-1994. Is-sena ta` wara kienet ukoll introdotta sistema komputerizzata fl-Uffiċċju Prinċipali taċ-Ċitazzjonijiet. Din is-sistema għadha qed tiġi upgraded. Ser tkun ukoll upgraded sistema komputerizzata fil-Control Room fil-Kwartieri Ġenerali, bl-istallazzjoni fil-futur ta` vehicle location/tracking system u sistema oħra li tippermetti li telefonati ta` emerġenza jew għall-assistenza jkunu trattati separatament minn telefonati ta` rutina. Ser tkun introdotta sistema komputerizzata fl-Uffiċċju tal-Kondotti li biha l-pubbliku jkun jista` jiġbor ċertifikat tal-kondotta mill-għases prinċipali. Matul dawn l-aħħar snin in-numru ta` personal computers fil-Korp żdied u issa qed jintużaw madwar 400. Il-Korp tal-Pulizija ħa ħsieb ukoll li jara li jittieħdu dawk il-miżuri meħtieġa dwar il-problema konnessa mas-sena 2000 (Y2K).
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija ser nara hux possibli li tinġabar l-informazzjoni mitluba permezz li sa l-1996 dawn il-proġetti kienu finanzjati mill-vot globali allokat lill-MSU u mhux mil-vot tal-Ministeru responsabbli għall-Intern.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista kompleta tal-vetturi kollha li għandu l-korp tal-Pulizija, bin-numru tar-reġistrazzjoni tagħhom u f'liema sezzjonijiet jew distretti huma allokati?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-vetturi tal-korp tal-pulizija hux se jittellgħu għat-test tal-VRT? Kemm hemm karozzi weqfin fil-garaxx tal-pulizija u għaliex uħud minnhom ilhom hemm diversi ġimgħat, jekk mhux xhur, meta l-ħsara li għandhom hi relattivament żgħira?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-vetturi tal-Korp tal-Pulizija, bħal vetturi oħra tal-Gvern, se jittellgħu għal VRT. Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li hemm 17-il karozza jistennew tiswijiet fil-garaxx tal-pulizija, pero` dawn fil-maġġor parti jinħtieġu tiswijiet estensivi. Ta` min jgħid ukoll illi xogħol fuq dawn il-vetturi jieħu żmien għal diversi raġunijiet, fosthom dik li x-xogħol fuqhom ikollu jieqaf sabiex isiru tiswijiet inqas estensivi.
Jista' l-Ministru jgħid xahar b'xahar fl-ewwel disa' xhur ta' din is-sena, kemm tressqu persuni l-qorti b'konnessjoni ma' serqiet?
Kemm saru raids u f'liema lokalitajiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant għall-ewwel 9 xhur ta` din is-sena hu kif ġej :
Jannar 38
Frar 63
Marzu 37
April 52
Mejju 31
Ġunju 33
Lulju 42
Awissu 26
Settembru 40
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li tfittxijiet isiru skond il-ħtieġa ta` l-investigazzjoni partikolari li tkun qed issir.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra bin-numru ta' studenti barranin li ġew Malta biex jitgħallmu l-lingwa ta' l-Ingliż bejn l-1 ta' Mejju u t-30 ta' Settembru, 1999?
Kemm minn dawn l-istudenti għażlu l-akkomodazzjoni ma' host families?
Kemm hemm familji li għandhom il-liċenzja meħtieġa biex jakkomodaw lil dawn l-istudenti?
Response (REFALO, MICHAEL)
Infurmat li ma tinżammx statistika dwar it-tagħrif mitlub fl-ewwel żewġ partijiet tal-Mistoqsija tal-Onor Membru. Madankollu minn 'survey' li sar mill-Awtorita' tat-Turiżmu ta' Malta joħroġ li madwar 30,000 student jiġu Malta kull sena biex jitgħallmu l-Ingliż. Skond l-istess 'survey' madwar 57% minnhom joqgħodu għand 'host families'.
Ninsab infurmat li hemm madwar 950 familja liċenzjata biex jakkomodaw barranin għandhom.
Jista' l-Ministru jgħid jekk fil-korp tal-Pulizija hemmx taqsima li ssegwi x'ikun qed jingħad fil-Media?
Liema hi din it-taqsima, u b'dak li jkun qed jiġri fil-Media lil min tinforma?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fi ħdan il-Korp tal-Pulizija hemm il-Community & Media Relations Unit, li parti mid-doveri tagħha huwa li ssegwi dak li jkun qed jingħad fil-media u tgħaddi dak li jkun jikkonċerna lill-Korp lit-Taqsima kkonċernata, skond ma jkun il-każ.
26.10.99 (a.m.)
Jista' l-Ministru jgħid fl-ewwel disa' xhur tas-sena, kemm kienu irrapportati misruqa opri tal-baħar u mil-liema bajjiet?
Kemm tressqu nies il-qorti in konnessjoni ma' dawn is-serqiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li bejn Jannar u Settembru ta` din is-sena ġew irrapurtati lill-Pulizija 54 serqa ta` opri tal-baħar, minn dawn il-bajjiet :
Gżira, Birżebbugia, Qawra, Msida, M`Scala, Ta` Xbiex, San Pawl il-Baħar, San Ġiljan, Pieta`, M`Xlokk, Blue Lagoon, Mellieħa, Sliema, Salina, Kalkara. Żewġ persuni ġew imressqa l-Qorti.
26.10.99 (a.m.)
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm membri fil-Korp tal-Pulizija bħalissa għaddejjin minn proċeduri ta' dixxiplina?
X'inhuma l-każi li dwarhom għaddejjin dawn il-proċeduri?
Response (BORG, TONIO)
Għal dak li jirrigwardja proċeduri tad-dixxiplina kontra membri tal-Korp tal-Pulizija quddiem il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, nirreferi lill-Onor. Interpellanti għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 9869.
Dwar proċeduri dixxiplinari interni, ninsab infurmat li qed jittieħdu passi kontra 445 membru ieħor tal-Korp. L-akkużi kontra dawn il-membri jinkludu, traskuraġni ta` xogħol, diżubbidjenza ta` ordnijiet, kondotta ta` preġudizzju għal bon ordni, eżerċizzju mhux leġittimu jew mhux ta` awtorita`, telf ta` reputazzjoni, simulazzjoni ta` mard, assenza bla permess, kondotta insubordinata jew oppressiva, ħsara, falsita` jew tgħawwiġ ta` fatti, nuqqas ta` ndafa u ksur ta` fiduċja.
26.10.99 (a.m.)