Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ilma mill-Water Table u mir-reverse osmosis

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm jittella' ilma mill-water table kuljum? X'persentaġġ tal-water table qed jintuża? Jista’ jgħid jekk hemmx ippjanati fondi mill-Unjoni Ewropea kemm għall-water table kif ukoll għall-manutenzjoni tar-reverse osmosis? Kemm jiġi ġġenerat ilma kuljum mir-reverse osmosis? Kemm hija l-ispiża biex jiġi ġġenerat dan l-ilma mir-reverse osmosis kull sena?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi mill-water table jittella’ 32,700m3 (tnejn u tletin elf, u seba’ mitt metru kubu) ta’ ilma kuljum. Il-persentaġġ li qed jintuża huwa dak ta’ 38.6% (tmienja u tletin punt sitta fil-mija) fuq l-ilma kollu li nipproduċu. Inħarsu lejn kull possibilita’ li jinġiebu fondi mill-Unjoni Ewropea. Kuljum qed jiġi ġġenerat 52,000m3 (tnejn u ħamsin elf metru kubu) ta’ ilma mill-impjanti tar- Reverse Osmosis . L-ispiża biex jiġi ġġenerat dan l-ilma mir- Reverse Osmosis għas-sena 2012 kienet ta’ €16,505,860. (sittax-il miljun, ħames mija u ħamest elef, tminn mija u sittin Ewro).
Leg 12 PQ #4101 Sitting 64 2013-10-21 Oral · Final From: DEO DEBATTISTA To: Ministeru għat-Turiżmu

Reklamar ta’ mużewijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hi n-nefqa biex nirreklamaw il-mużewijiet u s-siti arkeoloġiċi kollha fl-industrija tat-turiżmu? Liema mużewijiet huma l-aktar li jiġu rrekklamati barra pajjiżna?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu tesegwixxi programm estensiv ta’ promozzjoni f’bosta swieq madwar id-dinja. Il-promozzjoni f’dan il-programm hi mfassla skont l-interessi diversi li għalihom turist iżur il-gżejjer tagħna. Naturalment l-element kulturali jassumi parti importanti ħafna fis-selezzjoni ta’ motivazzjonijiet li għalihom iħajjru turist iżur pajjiżna. Għaldaqstant il-promozzjoni ġenerali li twettaq l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu tinkorpora fiha b’mod dirett l-aspetti kulturali kollha li joffri pajjiżna, inkluż il-mużewijiet u s-siti arkeoloġiċi. Minħabba li l-qafas tal-promozzjoni hu wieħed ġenerali huwa diffiċli li wieħed jikkwantifika n-nefqa fuq turiżmu kulturali b’mod separat.

Ċentri tad-Detenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi pjanijiet li jinfetħu aktar ċentri tad-detenzjoni għall-immigranti irregolari meta dawk eżistenti jkunu mimlija, u liema naħat f’Malta qed jiġu kkunsidrati?

Response (MALLIA, EMANUEL)

M’hemm l-ebda pjanijiet biex jinfetħu aktar ċentri ta’ detenzjoni għall-immigranti irregolari. Meta tqis l-popolazzjoni ta’ Malta, il-fatt li għandna żewġ ċentri ta’ detenzjoni huri ċar li pajjiżna qed jitgħabba aktar milli jiflaħ bil-problema tal-immigrazzjoni li hi problema ewropea. Is-soluzzjoni għal-immigrazzjoni mhijiex il-ftuħ ta’ aktar ċentri ta’ detenzjoni imma ta’ azzjoni konkreta mill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.

veterinarji – boroż ta’ Studju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm veterinarji jaħdmu mal-Gvern? Jista’ jgħid jekk hemmx ħsieb ta’ boroż ta’ studju għal min irid jistudja għall-veterinarju?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li hemm 26 veterinarji jaħdmu mal-Gvern. Dwar it-tieni mistoqsija ma neskludi xejn iżda kif jaf l-Onor. Interpellant kollox jiddependi fuq il-mezzi għad-dispożiżżjoni tagħna.
Leg 12 PQ #4104 Sitting 64 2013-10-21 Oral · Final From: DEO DEBATTISTA To: Ministeru għas-Saħħa

influwenza — Vaċċin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il individwu ħa l-vaċċin tal-influwenza mill-polikliniċi jew ċentri oħra tal-Gvern fis-sena 2012?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurat li t-tilqim kontra l-influwenza għall-istaġun 2012/2013 beda jingħata mit-Tnejn 22 ta’Ottubru 2012. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, tabella bl-informazzjoni mitluba

Adozzjoni ta’ tfal

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġew adottati tfal f'dawn l-aħħar ħames snin? Minn liema pajjiżi ġew adottati? Jista’ jgħid jekk hux se ssir aktar ħidma sabiex dan il-proċess ikun mgħaġġel u b'inqas spejjeż?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

L-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra,

Djar tal-Anzjani privati

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hawn djar tal-anzjani privati? Tista’ tgħid kemm għandhom sodod li jakkomodaw lill-anzjani? Il-Gvern Malti kemm bi ħsiebu juża minn dawn is-sodod? Tista’ tgħid jekk hemmx ħsieb jew fondi mill-Unjoni Ewropea jew investiment mill-privat f’dan ir-rigward?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li f’pajjiżna hawn 30 dar tal-anzjani liċenzjati li jinkludu dawk operati mill-Knisja. Bejniethom għandhom 1,992 sodda liċenzjati. Is-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u l-Anzjanità Attiva ħareġ espressjoni ta’ interess għall-provvediment ta’ 300 sodda li iżda mhux bilfors ikunu mis-sodod eżistenti. Informata li mhemm ebda fondi tal-Unjoni Ewropea allokati għall-iżvilupp ta’ dawn l-istrutturi waqt li kien hemm 49 espressjoni ta’ interess minn kumpaniji privati biex jinvestu f’dan is-settur.
Leg 12 PQ #4096 Sitting 63 2013-10-16 Oral · Final From: DEO DEBATTISTA To: Ministeru għas-Saħħa

Smoking Cessation Clinics

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn smoking cessation clinics fil-gżejjer Maltin? Jista’ jgħid jekk din l-għajnuna tiġix offruta lin-nisa tqal? Kemm-il mara tqila attendiet dawn il-kliniċi minn kemm ilhom jeżistu? Jista’ jgħid jekk hemmx ippjanati kampanji edukattivi kontra t-tipjip għan-nisa tqal li jpejpu?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li d-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u Prevenzzjoni tal-Mard fi ħdan is-Sovintrendenza tas-Saħħa Pubblika, jagħmel diversi kampanji edukattivi kontra it-tipjip, fosthom f’numru ta’ lokalitajiet u klassijiet għall-dawk il-persuni li jixtiequ jieqfu jpejpu. Il-klassijiet ta’ kontra titjieb isiru fiċ-ċentri tas-saħħa, li huma bla ħlas. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi kemm saru klassijiet din is-sena, u li qed issiru bħal isssa.
Leg 12 PQ #4097 Sitting 63 2013-10-16 Oral · Final From: DEO DEBATTISTA To: Ministeru għas-Saħħa

School Medical Services — infermiera

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm tobba u infermiera jaħdmu mal-iSchool Medical Services? Hemm xi ħsieb li kull skola jkollha infermiera? Jista’ jgħid jekk jeżistux protocols ta' kif jiġu trattati ċertu kundizzjonijiet mediċi f’każ ta' bżonn bħal mhuma l-ażma, l-epilessija, head injury, eċċ?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li bħalissa hemm erba` tobba u disa` nfermiera jaħdmu mal-iSchool Health Service. Ix-xogħol li jagħmlu dawn il-professjonisti fl-iskejjel jikkonsisti primarjament f’eżamijiet kliniċi biex jiġu identifikati problemi ta’ saħħa jew ta’ żvilupp fiżiku u mentali, li tinkludi l-problema tal-ħxuna. Dawn l-eżamijiet isiru f’etajiet speċifiċi jiġifieri: qabel ma t-tfal jidħlu fil-Kindergarten, fl-ewwel sena tal-iskola, fit-tielet sena u fis-sitt sena. Fis-Sekondarja isiru eżamijiet kliniċi biex tiġi identifikata l-iskoljożi fid-dahar qabel ma jkun hemm konsegwenzi tagħha. Fis-sena ta’ skola li jmiss ser tibda tingħata it-tilqima booster kontra d-difterite , tetnu u poljo lil tfal fil- Form 4 . It-tobba u l-infermiera tal-i School Health Service jaraw madwar ħamsa u għoxrin elf tifel u tifla kull sena. L-iSchool Health Service joffri servizz ta’ prevenzjoni u kura ta’ saħħa primarja. Il-mod ta’ kif jiġu trattati kundizzjonijiet mediċi akuti ġewwa l-iskola jew jekk hemmx il-ħsieb li kull skola jkollha infermiera, jaqgħu taħt ir-risponsabbilta tad-Diviżjoni tal-Edukazzjoni.
Leg 12 PQ #4098 Sitting 63 2013-10-16 Oral · Final From: DEO DEBATTISTA To: Ministeru għas-Saħħa

Pazjenti li qed jistennew trapjant ta’ organi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm pazjenti bħalissa li qed jistennew trapjant ta' organu? Jista’ jagħti din l-informazzjoni rigward għal liema organi hemm stennija u kemm hemm pazjenti jistennew kull organu? Hemm xi informazzjoni relatata mad-donazzjoni tal-organi li turi kemm idum jistenna pazjent?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Persuni bi bżonnijiet speċjali li għandhom impjieg

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hawn individwi reġistrati bħala nies bi bżonnijiet speċjali li qed jaħdmu? Tista’ tagħti din l-informazzjoni li turi x’tip ta’ xogħol jingħata lil dawn l-individwi u x'inhu l-persentaġġ ta' dawn in-nies mill-working population?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

L-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Pensjonanti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hawn pensjonanti bl-età jew minħabba invalidità?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta’ pensjonanti bl-età jew minħabba invalidità huwa kif indikat hawn taħt: Pensjoni tal-Eta’ mhux Kontributorja (AP) 4133 Pensjoni tal-Irtirar Kontributorja (RP) 57,653* Pensjoni tal-Invalidità (IP) 12,971* * L-ammonti tal RP u IP jinkludu ukoll dawk il-pensjonanti li jirċievu pensjoni iżda jgħixu barra minn Malta.

Persuni li jaħdmu bi qligħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn persuni jaħdmu bi qligħ mal-Gvern u fil-privat? Kemm hawn persuni li jaħdmu fuq bażi part-time? Jista’ jipprovdi tabella li turi l-ammont ta' ħaddiema part-time għal dawn l-aħħar ħames snin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li n-numru ta' persuni li kienu qed jaħdmu bi qligħ sa l-aħħar ta` Mejju 2013 mal-privat kien ta` 113,170 persuna u mal-Gvern kien ta` 31,181 persuna. Fil-figuri tal-Gvern m`hemmx inklużi kumpaniji parastatali jew Awtoritajiet. Il-persuni li kienu jaħdmu part-time (bħala l-uniku xogħol tagħhom), sa l-aħħar ta` Mejju 2013 kien ta` 32,662. Rigward l-aħħar ħames snin, it-tagħrif hu kif ġej: SENA Persuni jaħdmu part time (bħala l-uniku xogħol tagħhom) Diċembru 2012 31,974 Diċembru 2011 29,785 Diċembru 2010 28,103 Diċembru 2009 27,052 Diċembru 2008 25,828

Produzzjoni tal-ħalib

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hija l-produzzjoni tal-ħalib f’Malta u Għawdex? Kemm jiġi impurtat ħalib frisk pasturizzat minn barra? Kemm hawn baqar u mogħoż li jipproduċu l-ħalib għall-gżejjer Maltin?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-produzzjoni tal-ħalib f’Malta u Għawdex hija ta’ madwar 43,000,000 kg fis-sena. Il-ħalib pastorizzat li wasal Malta fis-sena 2012 kien ta’ 5,106,126 kg. Ninsab infurmat ukoll li hawn 6,900 baqar tal-ħalib u 3,700 mogħża li jipproduċu l-ħalib għall-gżejjer Maltin.

Siġar imħawla

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħawlu siġar (reġistrati) f'dawn l-aħħar ħames snin u xi pjanijiet jew fondi mill-Unjoni Ewropej hemm relatati ma' reforestation?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li n-numru ta' siġar li tħawwlu mill-2008 sal-lum huwa ta' madwar 51,600. Ninsab infurmat ukoll li bħalissa għaddej proġett tal-Unjoni Ewropea taħt il-Programm Life+ li, fost xogħol ieħor, jinvolvi tħawwil ta' 3,300 siġra ġewwa l-Buskett. Il-valur tal-proġett, li huwa ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea fi proporzjon ta' 50-50, huwa ta’ €2,778,772.
Leg 12 PQ #4093 Sitting 62 2013-10-15 Oral · Final From: DEO DEBATTISTA To: Ministeru għas-Saħħa

Għoti tad-demm – tibdil fil-kriterji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se jsir jew jekk hemmx il-ħsieb li jsir tibdil fil-kriterji rigward id-donazzjoni tad-demm? Jista’ jgħid jekk persuni omosseswali maskili humiex se jkunu kkunsidrati biex ikunu donaturi tad-demm?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab informat li ċerti kriterji jinbidlu regolarment, per eżempju rigward vjaġġar, oħrajn jistgħu eventwalment jinbidlu skond l-iżviluppi fix-xjenza u l-epidemjoloġija. Infurmat ukoll li s- issa ma hemm l-ebda ħsieb li omosesswali maskili ikunu eliġibbli li jagħtu d-demm. Dan anke skond il-kriterji mfassla u rrakkomandati mill-Kunsill ta’ l-Ewropa rigward l-għoti tad-demm minn ‘ high risk groups’ . Donaturi huma diferiti mill jagħtu d-demm mhux skond l-orjentazzjoni sesswali imma skond prattiċi sesswali ta’ riskju kemm jekk huma omosesswali irġiel jew heterosesswali.
Leg 12 PQ #4082 Sitting 61 2013-10-14 Oral · Final From: DEO DEBATTISTA To: Ministeru għas-Saħħa

Tumuri fir-ras — pazjenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il pazjent ġie diagnosed b'tumur primarju fir-ras f'dawn l-aħħar għaxar snin? Jista’ jagħti d-dettalji għal kull sena ta' dawn l-aħħar għaxar snin?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li f’dawn l-aħħar għaxar snin (2003-2012), fir-Reġistru Nazzjonali tal-Kanċer, kien hemm irrappurtati tlett mija w tlett (303) każ ta’ tumur primarju (primary malignant cancer) fir-ras. Dawn kienu maqsumin hekk: 170 fl-irġiel u 133 fin-nisa. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra d-dettalji ta kull sena, skont is-sess tal-pazjent.