Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #4312 Sitting 71 2013-11-05 Oral · Final From: DEO DEBATTISTA To: Ministeru għas-Saħħa

End-of-life protocol għall-pazjenti b’mard terminali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid teżistix end-of-life protocol għal pazjenti li għandhom mard terminali?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li ma jeżisti ebda ‘End of life Protocol’ għal pazjenti li għandhom mard terminali. Dawn il-pazjenti u qrabathom jingħataw l-għajnuna kollha speċjalment dik li hija l -palliative care ġewwa l-Isptar Boffa. Hu l-ħsieb li quddiem dan jibda jseħħ fiċ-ċentru l-ġdid.
Leg 12 PQ #4313 Sitting 71 2013-11-05 Oral · Final From: DEO DEBATTISTA To: Ministeru għas-Saħħa

Problema ta’ obeżità – ħidma dwar nutrizzjoni fl-iskejjel

Question

Peress li f’Malta u f’Għawdex għandna problema ta’ obeżità, jista’ l-Ministru jgħid jekk jeżistux servizzi professjonali ta’ nutrizzjoni fl-iskejjel? Jista’ jgħid jekk hemmx pjanijiet dwar tagħrif dwar in-nutrizzjoni fl-iskejjel u jekk jeżistux lezzjonijiet fin-nutrizzjoni għall-istudenti kollha?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninforma lill-Onor. Membru biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru tal-Edukazzjoni.
Leg 12 PQ #4735 Sitting 71 2013-11-05 Oral · Final From: DEO DEBATTISTA To: Ministeru għas-Saħħa

Mental Health Screening fl-iskejjel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk jeżistix mental health screening fl-iskejjel? Jekk le, hemm il-ħsieb li jiġi introdott?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li is-Servizzi tas-Saħħa Mentali jikollaboraw kontinwament mad-Diviżjoni tal-Edukazzjoni biex meta jkun hemm tfal identifikatti li għandhom bżonn għajnuna fuq problem ta’ saħħa mentali dawn jiġu indirizzati malajr kemm jista' jkun.

Żieda ta’ lockers fl-iskejjel

Question

Peress li l-basktijiet tal-iskola jkunu tqal bil-kotba, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-possibbiltà li jiżdiedu l-lockers fl-iskejjel għal kull student?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-maġġoranza tal-iskejjel Sekondarji għandhom lockers għall-użu tal-istudenti. Dieħla wkoll il-kultura li jkun hemm il-lockers fl-iskejjel Primarji. Kull skola tevalwa l-bżonnijiet tagħha u tiddeċiedi jekk tagħmilx użu mill-lockers. Jekk ikun hemm skejjel li jiddeċiedu li għandhom bżonn il-lockers u ma għandhomx il-fondi sabiex jinxtraw, dawn it-talbiet ikunu kkunsidrati mid-Dipartiment għar-Riżorsi fl-Iskejjel.

Skejjel tal-Knisja u tal-Gvern — uniformijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tiġi tiswa uniformi tal-iskola tal-iskejjel tal-Knisja u tal-Gvern (l-ogħla ammont u l-inqas ammont)? Jista’ jgħid kemm-il darba inbidlu l-uniformijiet f’dawn l-aħħar ħames snin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant rigward l-iskejjel tal-Gvern tinsab fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Rigward l-iskejjel tal-Knisja, l-inqas ammont għall-uniformi ġie rrapurtat li huwa €85 filwaqt li lk-għola ammont huwa ta' €296.50.Skola tal-Knisja f’Għawdex irrapurtat bdil fil-kulur tal-uniformi. Skejjel oħra irrapurtaw tibdil żgħir għall-bidla fil-materjal tad-dublett użatt waqt attivitajiet sportivi jew l-introduzzjoni ta’ ġgieget tax-xita bħala parti mill-uniformi. L-ebda Skola tal-Knisja ma kkonfermat illi t-tfal kellhom jibdlu l-uniformi minħabba dawn it-tibdiliet f’dawn l-aħħar ħames snin.

Ġenerazzjoni tal-Enerġija mill-mewġ tal-baħar — studji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma r-riżultati ta’ studju li kien sar dwar il-ġenerazzjoni tal-enerġija mill-mewġ tal-baħar? Hemm ħsieb li nsegwu dan il-kunċett bħala parti mill-energy mix tal-pajjiż?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni tingħata f'seduta oħra.

Persuni li għandhom ’il fuq minn 61 sena u għadhom jaħdmu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn individwi f’Malta u f’Għawdex li għandhom ’il fuq minn 61 sena li għadhom jaħdmu? Kemm minnhom jaħdmu part-time u kemm minnhom jaħdmu full-time? Kemm minn dawn jaħdmu mal-Gvern u kemm minnhom jaħdmu mal-privat? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella ta’ tip ta’ xogħol li qegħdin jagħmlu dawn il-persuni?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Skont l-informazzjoni li għandha l-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ, in-numru ta' persuni li għandhom 'l fuq minn 61 u li għadhom jaħdmu mal-Gvern u mal-Privat kien ta' 10,369, li minnhom 4,685 qed jaħmu fuq bażi full-time filwaqt li 5,684 qed jaħdmu fuq bażi part-time (skont l-aħħar informazzjoni li ġiet ippublikata f'April 2013). Il-figuri tal-Gvern ma jinkludux kumpaniji parastatali jew awtoritajiet. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi kemm minn dawn jaħdmu mal-Gvern u kemm minnhom jaħdmu mal-Privat u t-tip ta' xogħol li qed jagħmlu.

Università ta’ Malta — Ċentru Ewropew tal-Ġerontoloġija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk iċ-Ċentru Ewropew tal-Ġerontoloġija fl-Università ta’ Malta hux rikonoxxut mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) bħala Collaborating Centre for Healthy Ageing? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt bejn iċ-Ċentru Ewropew tal-Ġerontoloġija fl-Università ta’ Malta u l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-Rapporti ta’ ftehim tal-WHO Collaborating Centre for Healthy Ageing għas-snin 2008, 2009, 2010, 2011 u 2012? Jista’ jgħid minn min hu ffurmat il-Bord tat-Tmexxija tal-WHO Collaborating Centre for Healthy Ageing?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li ċ-Ċentru Ewropew tal-Ġerontoloġija fl-Università ta’ Malta li qabel kien jismu l-Istitut tal-Ġerontoloġija kien ġie rikonoxxut mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) bħala Collaborating Centre for Healthy Ageing nhar il-11 ta’ Settembru 1995 skont l-ittra li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dan wara diversi taħdidiet li kienu saru bejn Dr Hana Hermanova li kienet id-direttriċi tal-WHOAging Unit ġewwa Copenhagen, ir-rettur tal-Università ta’ Malta ta’ dak iż-żmien, il-Ministru tas-Saħħa ta' dak iż-żmien Dr Louis Deguara u l-Professur Joseph Troisi. Bejn l-14 u s-17 ta’ Frar 1996, l-Istitut tal-Ġerontoloġija bħala Collaborating Centre for Healthy Ageing kien organizza workshop ta’ esperti bl-għan li jiżviluppa curriculum għal Primary Care Workers li jieħdu ħsieb l-Anzjani. Għal dan il-workshop, li kien sponsorjat mill-WHO Euro Aging Unit ġewwa Copenhagen, u li sar ġewwa lukanda f’Tas-Sliema, kienu ġew Malta erba’ esperti barranin mill-Israel, l-Amerika, u l-Iżvizzera. Għal numru ta’ snin, l-Istitut tal-Ġerontoloġija fl-Università ta’ Malta kien jipparteċipa fil-meetings tal-Collaborating Centres Ewropej for Healthy Ageing li kienu jsiru ta’ kull sena fi bliet Ewropej differenti. Dawn il-meetings kienu sponsorjati mill-Ageing Unit ġewwa r-Regional Office for Europe f’Copenhagen. B’kollox kien hemm seba’ collaborating centres for healthy ageing. Minbarra Malta kien hemm ċentru ġewwa l-Awstrija, il-Ġermanja, il-Fillandja, l-Italja, l-Ungerija u l-Ukraina. Skont dan l-agreement kienu ngħataw scholarships mill-istess Għaqda Dinjija lil ħames studenti li kienu ġew Malta bejn l-1996 u l-2001 għal post graduate Diploma kors fil-qasam tal-Ġerontologija u Ġerjatrija, imniedi mill-Istitut tal-Ġerontologija f’Malta. Il-Collaborating Centre for Healthy Ageing tilef l-importanza tiegħu meta l-Ageing Unit ġewwa r-Regional Office for Europe f’Copenhagen kien tilef il-funzjoni tiegħu. Il-fondi li kellu dan il-Unit kienu spiċċaw. Fl-istess żmien l-Istitut tal-Ġerontologija fl-Università ta’ Malta ma baqax Istitut tal-Ġerontologija iżda kien sar dipartiment fl-Istitut tas-Saħħa.

Cruise liners — nollijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-noll ta’ cruise liner biex jidħol fil-Port ta’ Malta u dan kif jikkumpara ma’ portijiet ta’ pajjiżi oħra?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-noll li jħallas cruise liner ivarja skont id-daqs tal-bastiment, u japplikaw tariffi bħal port dues, pilotage u mooring dues. L-operatur tat-terminal fejn ikun trakka l-bastiment japplika rati oħra addizzjonali. Barra minn hekk, tariffi oħra jiġu applikati skont servizzi oħra li jiġu pprovduti. It-tariffi applikati fil-portijiet ta’ Malta huma kompetittivi u kkunsidrati orħos meta mqabbla ma’ dawk ta’ pajjiżi oħra.
Leg 12 PQ #4309 Sitting 70 2013-11-04 Oral · Final From: DEO DEBATTISTA To: Ministeru għas-Saħħa

Spiżeriji miftuħa fil-festi u fil-Ħdud

Question

Peress li fil-Ħdud u l-festi, filgħaxija, l-unika spiżerija miftuħa (apparti tal-isptar) hija tal-ajruport, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jkun hemm oħra fit-Tramuntana ta’ Malta?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li l-Gvern hu konxju mill-obbligu li hu għandu biex jassigura qafas regolatorju li jassigura ambjent fejn il forżi tas suq jitħallew jaħdmu b'mod li l-pażjent li jiffrekwenta spiżeriji privati jingħata servizz tajjeb bl-aħjar prezz, filwaqt li l-operaturi ta spiżeriji jagħmlu qliegħ gust li jippermettilhom jagħmlu l-investiment neċessarju biex il-kwalita tas- servizz offrut minnhom tkompli titjieb. Hu fil-qafas ta dawn id-dmirijiet li jġorr il-Gvern li t-talba ta l-Onorevoli Membru ser tkun mistħarrga fid-dettall u bir-reqqa kollha.

Direttorju ġdid tal-fixed lines

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jiġi ppubblikat direttorju pprintjat ġdid tal-fixed lines li jinkludi numri tat-telefown ta’ postijiet residenzjali kif ukoll kummerċjali?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninsab infurmat li l-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni qiegħda attivament issegwi l-proċess biex tassigura li d-direttorju jiġi stampat kemm jista’ jkun fi żmien qasir.

materjal radjuattiv — Importazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm jiġi importat materjal radjuattiv f’Malta kull sena? Min jagħmel użu minnu? Min hu responsabbli għat-trasport tiegħu? Fejn u kif jiġi dispost materjal żejjed jew il-by products tiegħu?

Response (CARDONA, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Siġar — Drip Irrigation

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm mis-siġar li għandna f’Malta u f’Għawdex, speċjalment dawk li tħawlu reċentement, għandhom drip irrigation?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li kull fejn issir tħawwil tas-siġar u jkun hemm l-infrastutura eżistenti għall-tisqija bid-drip, din tiġi estiża għas-siġar il-ġodda li jkunu tħawwlu. Ninsab infurmat ukoll li fejn ikun hemm nuqqas ta’ faċilitajiet, eżempju ġibjun jew ħażna oħra t’ilma, t-tisqija jsir permezz tal-bowser.

Trattament tad-Drenaġġ – produzzjoni ta’ ilma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm jiġi prodott ilma kuljum mit-trattament tad-drenaġġ? Fejn jintuża (perċentwal)? Kemm tiswa din il-produzzjoni? Kemm swiet l-istess produzzjoni bir-reverse osmosis bejn l-2008 u l-2013?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Użu ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea

Question

Jista’d-Deputat Prim Ministru jgħid kemm intużaw fondi mill-Unjoni Ewropea s’issa? Fejn ġew allokati dawn il-fondi?

Response (GRECH, LOUIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 4894 u nitolbu jispeċifika għal liema fond qed jirreferi.
Leg 12 PQ #4270 Sitting 69 2013-10-30 Oral · Final From: DEO DEBATTISTA To: Ministeru għall-Finanzi

Anzjani li jgħixu fi djar kbar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn anzjani li għandhom 'il fuq minn 65 sena li jgħixu waħidhom fi djar kbar? Hemm xi pjan biex dawn jiġu megħjuna jċekknu u jingħataw kumpens ta’ dan il-proċess?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninsab infurmat illi informazzjoni maħruġa miċ-Ċensiment Tal-Popolazzjoni u D-Djar li twettaq f’Novembru 2011, tindika illi f’Malta kien hawn 14,188-il persuna li għandha ‘il fuq minn 65 sena u li tgħix weħidha ġo dar privata. Din hija informazzjoni provi¿jonali li l-Uffiċċju Nazzjonali Tal-Istatistika għandu bħalissa. Madanakollu, tajjeb li l-Onorevoli Membru jiċċara għal-liema tip ta’ djar qed jirreferi bil-kliem“djar kbar”. In¿id ngħid illi s’issa m’hemm l-ebda skema li tgħin lill-anzjani li għandhom ‘il fuq minn 65 sena biex iċekknu djarhom.

Forzi Armati ta’ Malta – għajnuna fuq il-baħar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il sejħa għall-għajnuna fuq il-baħar kellhom il-Forzi Armati ta’ Malta tul dawn l-aħħar ħames snin? X’kienu r-raġunijiet prinċipali għal dawn is-sejħiet?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta se titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #4133 Sitting 68 2013-10-29 Oral · Final From: DEO DEBATTISTA To: Ministeru għas-Saħħa

MRI Scans

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il MRI scan jintalab kuljum? Kemm-il wieħed isir kuljum? Kemm jiswa kull MRI scan lill-Gvern Malti?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li skond l-istatistika jintalbu medja ta’ ħamsa u tletin rikjesta kuljum fuq ġimgħa ta’ sitt ijiem u jsiru medja ta’ tletin MRI scan kuljum fuq ġimgħa ta’ sitt ijiem. Bil-proċedura l-ġdida li nuzaw l-MRI scan fi twilight hours, l’ hemm mill-ħin normali, dan in-numru ta 30 MRI kuljum żdied b’15 għal 45 b’kollox. Għaddej eżerċizzju biex tiġi stmata l-ispiża ta’ kull intervent fl-Isptar Mater Dei, inkluż l-MRI scans. Għaldaqstant, l-ispiża finali tkun tista’ tingħata aktar ‘il quddiem.

Il-Belt Valletta – restawr

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm sewa s’issa r-restawr tal-Belt Valletta u kemm se jiġi jiswa ladarba dan jitlesta kompletament?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jgħaddi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

MITA – Second Step training program

Question

B’referenza għall-iskema tas-Second Step training program offrut mill-MITA b’għajnuna mill-Fond Soċjali Ewropew, fejn l-applikanti jirċievu diploma nazzjonali fl-ICT bla ħlas, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet fl-2010 u fit-tieni sejħa fl-2011? Jista’ jgħid jekk dan il-programm ġiex estiż fl-2012? Jista’ jgħid jekk is-Second Step training program huwiex se jerġa’ jiġi estiż fl-2013 mill-Fond Soċjali Ewropew jew allokazzjoni mill-Gvern Malti?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninsab infurmat li fl-2010 kien hemm 164 applikazzjoni, filwaqt li fit-tieni sejħa li saret fl-2011 kien hemm 82 applikazzjoni. Fl-2012 dan il-programm ma ġiex estiż.