Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-uffiċċju tar-riabilitazzjoni huwiex involut ukoll fix-xogħol li qed isir fil-knisja ta’ Santa Tereża ta’ Bormla? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid kemm jiswa dan ix-xogħol u meta se jitlesta dan il-proġett?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Uffiċċju tal-Proġetti għar-Riabilitazzjoni huwa nvolut f’dan il-proġett ta’ restawr. Bħalissa, l-proġett wasal fl-aħħar fażijiet tiegħu u b’kollox se jiswa madwar €75,000 u jinkludi r-restawr tal-faċċata tal-knisja u l-installazzjoni ta’ sistema ta’ dawl. Il-proġett ta’ restawr għandu jitlesta’ dan ix-xahar.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan li fiż-żmien li ġej, isiru xi proġetti ta’ riabilitazzjoni fil-Kottonera? Jekk iva, x’inhu l-pjan tal-Gvern?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern preżenti diġa’ wettaq diversi proġetti ta’ riabilitazzjoni fil-Kottonera, fosthom il-proġett ta’ Dock 1, fejn fis-snin li ġejjin se naraw ukoll ir-restawr tal-bini li hemm mad-dawra tiegħu. Barra minn hekk qiegħed isir xogħol ta’ pavimentar ġewwa Bormla u l-Birgu, u riabilitazzjoni tal-foss tal-Birgu. Xogħol ieħor ippjanat jinkludi tisbiħ fiż-żona magħrufa tas-Sirena, l-Isla u pavimentar ħdejn il-Bieb ta’ Sant’Anna.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-manutenzjoni u ż-żamma tal-Foss tal-Imdina jaqax taħt ir-responsabbilta tiegħu? Jekk iva, jista’ jgħidilna x’xogħol ta’ manutenzjoni sar fih dan l-aħħar? Jista’ l-Ministru jara li jitpoġġew tabelli permanenti biex jiggwidaw sew lill-pubbliku dwar id-dħul u l-ħruġ fil-Foss?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-manutenzjoni u ż-żamma tal-Foss tal-Imdina jaqa’ taħt ir-responsabbilta’ tal-Ministeru tiegħi. Dan l-aħħar sar manutenzjoni tal-bankijiet tal-injam, tal-pjattaforma tal-injam, tiswija tal-funtana u manutenzjoni tas-sistema tad-dawl u lift. Issir ukoll manutenzjoni kontinwa fuq is-soft landscaping. Ġew iddisinjati u ordnati tabelli permanenti dwar il-ħin tal-ftuħ u l-għeluq tal-Foss.
Dipartiment tax-xogħlijiet – skema lill-kunsilli lokali
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar l-iskema li għandu d-Dipartiment tax-Xogħlijiet fi ħdan il-Ministeru tiegħu, li permezz tagħha qed jibbenefikaw minnha ħafna Kunsilli Lokali?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskema fi ħdan il-Ministeru hija kif ġej:
Il-materjal li jintuża għax-xogħolijiet jipprovdih il-Kunsill Lokali għall- ispejjeż tagħhom.
L-ispiża tax-xogħol (labour cost) li trid tiġi imħallsa lill- Gvern tiġi kkalkulata kif ġej:-
Xogħolijiet li l-ammont tagħhom ma jaqbiżx € 232.94 fil-valur, irid jitħallas l-ammont kollu.
Xogħolijiet li l-ammont tagħhom ikun sa € 812.95 fil-valur, irid jitħallas biss €232.94 mill-ammont.
Xogħolijiet li jkunu tlestew li l-ammont tagħhom ikun aktar minn € 812.95, jitħallas 30% biss tal-valur.
Ta’ min jgħid ukoll li minn din is-sena, Kunsilli li jkunu jridu xogħol ta’ patching estensiv bil-‘hot asphalt’ ,il-Ministeru qed joffri dan is-servizz bil-kundizzjonijiet li l-ispejjeż tal-materjal joħorġuh il-Kunsill Lokali u x-xogħol (fattura) jingħata b’xejn mill-Gvern.
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-widien li sar it-tindif tagħhom matul din l-aħħar sena? Jista’ jgħid kemm ġie jiswa dan it-tindif u liema kienu dawn il-widien?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-Sezzjoni tal-Immaniġġjar tal-Widien twettaq diversi nterventi fil-widien li jinkludu xogħlijiet ta’ riabilitazzjoni komprensiva permezz ta’ kontroll u tneħħija ta’ speċi ta’ pjanti aljeni u nvażivi, it-tħawwil ta’ arbuxelli u siġar indiġeni, ħarsien tal-infrastruttura rurali fil-korsa tal-ilma u t-tneħħija ta’ materjal akkumulat biex jittaffa l-impatt tal-għargħar ġewwa żoni speċifiċi. Matul din l-aħħar sena twettqu dawn ix-xogħlijiet:
§ F’Wied il-Qlejgħa, limiti tar-Rabat, qed jitneħħa l-qasab u s-siġar tar-riġnu fiż-żona magħrufa bħala Ta’ Slampa;
§ F’Wied Baqqiegħa, limiti ta’ Ħaż-Żebbuġ tneħħew is-siġar tar-riġnu u l-qasab u dan ix-xahar se jitħawlu numru ta’ siġar u arbuxelli ndiġeni;
§ F’Wied tal-Ġnejna, limiti tal-Imġarr, inbena ħajt tas-sejjiegħ biex ma’ tintilifx il-ħamrija mill-għellieqi li jinsabu biswit il-wied. Bħalissa qed jitneħħa l-qasab u qed jiġi mħammel parti mill-wied biex tittaffa l-problema tal-għargħar ġewwa Triq il-Ġnejna. Sabiex ngħinu r-riġenerazzjoni tal-abitat fraġli tal-wied, f’Jannar se jiġi mħawwel s-simar l-iswed f’dawk iz-zoni li ġew mittiefsa waqt ix-xogħlijiet;
§ F’Wied Ħarq Ħamiem, Pembroke, sar tħammil tal-kanal tal-ilma tal-konkrit u qlugħ ta’ siġar invazivi fosthom is-sabbara tal-amerka. Fil-ġimgħat li ġejjin se jinbena ħajt biex ma tintilifx il-ħamrija fil-wied;
§ F’Wied Għajn Żejtuna, limiti tal-Mellieħa, tneħħew pjanti nvażivi bħala parti minn proġett ta’ restawr tal-wied flimkien mal-Għaqda Residenti Santa Marija Estate;
S’issa dawn l-interventi ġew jammontaw għal €34,000.
Barra minhekk, f’Awissu ġie ppubblikat it-tender għal“Desktop Study, Site Walkover, and Preliminary Risk Assessment at Wied Blandun and environs”, bħala l-ewwel fażi għall-proġett ta’ riabilitazzjoni ta’ Wied Blandun fil-limiti tal-Fgura u Raħal Ġdid. Dan il-proġett qed jiġi mwettaq b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Konsultattiv għan-Nofsinhar ta’ Malta (KKNM).
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-ħsieb tal-Gvern dwar il-futur tal-funtana tat-Tritoni fid-daħla tal-Belt Valletta, meta l-Gvern preċedenti kellu pjanijiet li jċaqlaq il-funtana minn fejn qiegħda llum u issa matul dawn l-aħħar snin l-istat tagħha iddeterjora? ?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħsieb tal-Gvern huwa li tiġi rrestawrata l-funtuna tat-Tritoni għall-istat oriġinali tagħha u li taħdem permezz ta’ teknoloġija u standards moderni. Il-Gvern jikkonferma li, kontra kif kien ippjanat li jsir mill-Gvern preċedenti, il-funtana mhix se tiċċaqlaq mill-pożizzjoni oriġinali tagħha. Wara li għal diversi snin, il-kundizzjoni tal-funtana ta’ Tritoni, fid-daħla tal-Belt Valletta tħalliet tiddeterjora, id-Dipartiment tal-Kuntratti, fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura, ħareġ sejħa għar-restawr, l-operat u l-manutenzjoni tal-funtana. Din ġiet ippubblikata bħala Competitive Dialogue u l-ewwel dokument, Pre-Qualification Criteria Document, ġiet ippubblikata fil-15 ta’ Settembru u s-sejħa tagħlaq fis-27 ta’ Ottubru 2015.
Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu jinvolvu x-xogħlijiet li saru f’dawn l-aħħar xhur fuq il-pjazza ta’ quddiem Kastilja? X’tip ta’ konsultazzjonijiet saru dwar il-proġett u x’arranġamenti saru ma’ dawk li jużaw il-pjazza, fosthom is-sidien tal-karozzini ta’ quddiem il-Barrakka, biex jiġi żgurat li l-proġett ma jolqothomx ħażin?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn meta beda l-proġett fuq il-pjazza ta’ quddiem Kastilja, saru diversi xogholijiet fosthom:
· Xogħolijiet preparatorji:
-Tneħħija ta’ ‘roundabouts’, tkissir ta’ bankini u ġarr ta’monumenti lejn l-imħażen
- Qluġħ ta’ siġar u
‘transplantation’
tagħhom
· Xogħlijiet ta’ preparazzjoni fil-Fossa ta’ San Ġakbu għal
parking:
-Bini ta’ triq temporanja li tagħti lejn iż-żona ta’ taħt Triq Ġilormu Cassar
-Iffurmar ta’ parkeġġ temporanju minflok il-parkeġġ li kien issir fi Pjazza Kastilja, l-aktar dak ta’ quddiem l-iStock Exchange.
-Dawl temporanju biex jixgħel il-foss ta’ San Ġakbu
-Armar biex jagħlaq u jipprovdi sigurta’ lil dawk iż-żoni li huma ta’ periklu għal pubbliku in ġenerali
-Immarkar ta’ linji u armar ta’ taraġ temporanju tal-ħadid
· Xogħlijiet oħra preparatorji, magħrufa bħala ‘
earthworks
’.
-Titjib u tqegħid ta’ servizzi ġodda ta’ mains tal-ilma, drenaġġ, cables ta’ telekomunikazzjoni,tisqija u ilma tax- xita.
-Tħaffir, bini ta’ pedamenti,tqegħid ta’ konkos, kxif ta’
silos
eżistenti.
· Xogħol ta’ Pavimentar
- Tqegħid ta’ Porfido u tal-ġebla tal-qawwi skont id-disinn tal-proġett.
· Xogħol ta’ dawl, fosthom ma’ l-art u mal- faċċati ta’ Kastilja, Stock Exchange u St. James. Dan il- proċess ta’ xogħol għadu ghaddej.
Matul ix-xogħlijiet fuq dan il-proġett, kien hemm ċertu problemi, fosthom:
-Sejbiet Arkeoloġiċi u
silos
ma kienux fil-post immarkat fil-pjanti.Għaldaqstant saru l-interventi neċċesarji.
-Oġġetti perikolużi li kienu mirdumin bħal tank tal-pitrolju quddiem il-lukanda Castille.
-
Cables
u pajpijiet li ma kienux fil-pożizzjoni mwaħħla mill-entita’ responsabli minnom. Dan sarraf tibdiliet fil-livell u servizzi ġodda.
-Kellu jiġi indikat post għal kamra tal-pompa u ħażna ta’ l-ilma tal-funtana, kif ukoll il-makkinarju li jmexxi d-dawl.
-Sitwazzjoni delikata oħra inqgħalet bil-volta ta’taħt l-art li għanda il- Fondazzjoni Wirt Artna peress li din ma qablitx mal- livelli maħsuba u ppjantati. Dan tellef it-tqegħid tas-servizzi fejn f’ċerti każi dawn kellhom jerġgħu jiġu maħsuba mill-ġdid.
-Sal-lum 95% ta’ pavimentar huwa lest. Ix-xogħlijiet li fadal jinkludu tqegħid ta’ ġebla tal-qawwi,tqegħid f’posthom ta’ xi monumenti, l-armar tal-funtana, armar ta ‘
street furniture’
,armar mill-ġdid ta’ arbli tad- dawl,tisbieħ permezz ta’ siġar u arbuxell u sistema il-ġdida ta’ dawl artistiku. Huwa mistenni li dawn ikunu lesti sa’ l-aħħar ta’ Ottubru.
Rigward konsultazzjonijiet li saru fuq dan il-proġett, ninforma lill-Onor. Interpellant li qabel il-bidu tal-proġett saru laqgħat ma’ numru ta’
stakeholders
interessati u li setgħu ntlaqtu b’xi mod jew ieħor minn dan il-proġett fosthom mal-Kamra tal-Kummerċ, Spettorat tal-Kultura,GRTU, Bank Ċentrali,Stock Exchange, Castille Hotel, Fondazzjoni Wirt Artna, DOI, Dar l-Immigranti, St. James Cavallier, Word for Word (The Times), MELP, VRP, Ministeri,ħwienet, Ombudsman u l- KNPD.
Qabel u matul il-proġett il-
Project Team
magħmul mill-Grand Harbour Regeneration Corporation, Transport Malta, Ministeru tat-Turiżmu, il-Ministeru tiegħi u l-Uffiċċju tal-Prim Ministru ltaqgħu kull ġimgħa biex jippjanaw il-proġett, jaraw liema
tenders
iridu joħorġu, isegwu l-progress u jaraw x’deċiżjonijiet iridu jittieħdu.
Saru ukoll laqgħat kontinwi ta’koordinament bejn Transport Malta,il-Ministeru tiegħi u l-Uffiċċju tal-Prim Ministru sabiex bl-aħjar mod jiġi maqbul kif it-traffiku għandu jiġi gwidat bl-aħjar mod, kif ukoll sabiex issir koordinazzjoni mill-aħjar mas-‘
service providers’.
- Saru ‘
progress meetings
’ kull ġimgħa bejn il-
Project Team
u l-kuntratturi.
- Saru laqgħat ma’ Transport Malta dwar tal-karozzini u tat-
taxis
biex jiġi żgurat li dan is-servizz jibqa’ jiġi offrut.Infatti kemm tal-karozzini kif ukoll tat-
taxis
ser ikollhom posthom fil-Pjazza u fil-każ tal-karozzini, t-tinda taż-żwiemel reġgħet inħadmet. Issa l-ħmieġ taż-żwiemel ser ikun jista’ jinġabar u l-post ikun jista’ jinħasel.
- Saru laqgħat ta’ konsultazzjoni mal-Ministeru tat-Turiżmu u l-
Managing Authority
tal-fondi Ewropej,
Planning and Priorities C0-ordination Division
(PPCD) dwar fondi tal-
European Regional Development Fund
(ERDF) għall- proġett.
Jista’ jgħid x’kien ir-rispons mill-pubbliku tal-iskema arti fi spazji pubbliċi mħabbra f’dawn l-aħħar xhur? Jista’ l-Ministru jgħid, jekk din l-iskema, kenitx tħabbret fil-passat, u jekk iva, għaliex qatt ma ġiet żviluppata?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rispons minn naħa tal-artisti għall-Proġett Arti fi Spazji Pubbliċi għall-perjodu 2016-2018 kien wieħed inkoraġġanti ħafna. Fil-fatt 25 artist issottomettew 34 proposta artistika.
Jien infurmat li xi snin ilu kienet saret kompetizzjoni simili iżda wara li ġew sottomessi numru ta’ proposti l-ebda wieħed mill-proġetti ma kien ġie mplimentat.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-proġett tal-junction tal-Addolorata hux se jibbenefika mill-fondi Ewropej? Jekk iva, kemm se jammontaw dawn il-fondi?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett tal-Junction tal-Addolorata huwa indikat li jibbenefika mill-Fondi Ewropej partikolari li jistgħu jintużaw biss fuq it-TEN Core Network. Dan il-programm ta’ finanzjament huwa il-Connecting Europe Facility (CEF). Malta applikat għalih u s’issa l-ammont li huwa rakkomandat li jkun approvat mill-Kummissjoni Ewropeja huwa ta’ €38,854,794. Dan huwa 85% tal-istima biex isir l-ewwel nofs tal-proġett u cioe’ dik fid-direzzjoni minn naħa tal-Ajruport lejn il-Belt Valletta. Qed jigi ippjanat li eventwalment issir applikazzjoni oħra għan-nofs l-ieħor tal-proġett.
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tax-xogħol li sar u għadu qed isir tal-proġett tal-belvedere ġewwa Ħaż-Żabbar? Jista jagħti rendikont ta’ kemm ser jiġi jiswa dan il-proġett?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol ta’ tisbiħ tal-belvedere ta’ Ħaż-Żabbar jikkonsisti f’dan li ġej :
1. Tibdil u tisswija tal-ħajt eżistenti
2. Tqegħid ta’
subfloor
tal-konkos
3. Tqegħid ta’
ducts
ġodda għas-servizzi
4. Pavimentar ġdid bil-porfido
5. Installazzjoni ta’ arbli ġodda tad-dawl
6. Installazzjoni ta’
railing
galvanizzat
7. Tħawwil ta’ sigar (oleander) u
shrubs
kif ukoll sistema ta’ irrigazzjoni ġdida.
L-istima ta’ dan il-proġett tammonta għal madwar €500,000. Dan il-proġett mistenni jkun lest sa l-aħħar ta’ Ottubru 2015.
Dipartiment tax-Xogħlijiet – xogħlijiet f’żoni turistiċi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarux xi xogħlijiet mill-ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet f’żoni turistiċi matul din l-aħħar sena? Jekk fl-affermattiv, jista’ jagħti rendikont ta’ dawn ix-xogħlijiet?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk, ingħatatx xi għajnuna lill-għaqdiet sportivi permezz tal-ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet minn Marzu 2013? Jekk fl-affermattiv, fiex kienet tikkonsisti din l-għajnuna u min ibbenifika minnha ?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Dipartiment tax-xogħlijiet – xogħlijiet fuq znieter ta’ knejjes
Question
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tax-xogħlijiet li saru permezz tal-ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet fuq znieter ta’ knejjes minn Marzu 2013 ’l hawn?? Fiex kienet tikkonsisti din il-ħidma u liema parroċċi bbenefikaw?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlestew ix-xogħlijiet fuq dawn iz-znieter:
- Parroċċa ta’ Fatima, Guardamanġia
- Parroċċa ta’ San Ġejtanu, il-Ħamrun
- Parroċċa ta’ San Ġużepp, il-Kalkara
Sadanittant bħalissa għaddej ix-xogħol fuq dawn iz-znieter:
- Knisja ta’ Santa Liberata, il-Kalkara
- Parroċċa tal-Vitorja, l-Isla
- Parroċċa ta’ Santa Marija, il-Gudja
- Parroċċa ta’ San Girgor, Tas-Sliema
F’ħafna każijiet ix-xogħol kien jikkonsisti f’tranġar jew bdil tal-pavimentar taz-zuntier, tal-ħitan, tar-railings tal-ħadid u tad-dawl.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew introdotti b'kollox kawżi mill-1 ta' Jannar 2012 sal-lum fit-Tribunal tat-Talbiet iż-Żgħar? Jista' jgħid kemm ġew deċiżi kawżi fit-Tribunal tat-Talbiet iż-Żgħar, minn kull ġudikatur, mill-1 ta' Jannar 2012 sal-lum?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ Kawżi quddiem it-Tribunal Għal Talbiet Żgħar li ġew introdotti mill-1 ta’ Jannar 2012 sa Ġunju 2014 (f’Malta u Għawdex) hu kif ġej:
· Fl-2012 ġew introdotti 873
· Fl- 2013 ġew introdotti 860
· Minn Jannar 2014 sa Ġunju 2014 ġew introdotti 419.
Intant, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-bqija tal-informazzjoni mitluba.
Nieħu l-opportunità li nħabbar li l-Gvern qiegħed jiffinalizza reviżjoni tal-mod ta’ kif isir il-ħlas liċ-Chairpersons tat-Tribunali għal Talbiet żagħar fejn il-ħlas ikun marbut mhux ma’ l-ammont ta’ seduti li jsiru imma mal-ammont ta’ sentenzi li jingħataw.
Din is-sistema l-ġdida se tippremja ħafna lil dawk iċ-Charipersons li huma effiċjenti u spediti fil-ħidma tagħhom.