Legislature:
Category:
Reset
Active:

Skart illegali mormi – cameras tas-sigurtà

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew imwaħħla cameras tas-sigurtà f’żoni li jintrema ammont ta’ skart illegali fihom? Liema huma dawn iż-żoni? Hemm xi ħsieb li dawn iż-żoni jiżdiedu? Hemm xi ħsieb li dan is-servizz jiġi estiż għal żoni li huma fir-responsabbiltà tal- kunsilli lokali, partikolarment dawk li huma żoni turistiċi, sabiex titnaqqas il-pjaga ta’ ħruġ ta’ skart mhux fil-ħin propizju? Jikkonferma l-Ministru li dan is-servizz ġdid qed iħalli riżultati sodisfaċenti rigward rimi tal-iskart?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi sa issa ġew imwaħħla 4 cameras tas-sigurta’. Dawn il-cameras tas-sigurta’ jistgħu jinqalgħu u jerġgħu jitwaħħlu f’diversi postijiet oħra. Dawn twaħħlu: 1. Manoel Island 2. Kalkara – Wied Għammieq 3. Żejtun – Triq il-Hotba 4. Żabbar – Il-Foss Nista’ ngħid li hemm il-ħsieb li dawn il-faċilitajiet jiġu estiżi għall-lokalitajiet oħrajn. Diġa’ qed isir kuntatt ma’ diversi Kunsilli Lokali sabiex huma stess jidentifikaw żoni li għadhu jsir abbuż fihom. Wara li tinġabar din l-informazzjoni ser inkunu qed nevalwaw l-ispiża u tittieħed deċiżjoni fejn nistgħu nestendu dan is-servizz. Nikkonferma li dawn il-CCTV cameras ħallew riżultat mixtieq għaliex prattikament l-iskart li kien jiġi mormi fiż-żoni imsemmija hawn fuq, waqaf għal kollox.

Indafa fit-toroq residenzjali u bajjiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inizjattivi qed jittieħdu sabiex ikollna iktar indafa fit-toroq arterjali u fuq il-bajjiet?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena 2104 u 2015, il-ħidma u l-inizjattivi sabiex jiżdiedu l-livelli ta’ ndafa ma waqfux. Fir-rigward ta’ tindif ta’ toroq arterjali żdiedu konsiderevolment l-ammont ta’ frekwenzi ta’ tindif minn darba kuljum għal darbtejn u f’xi żoni anke 3 darbiet. Sar investiment f’dak li jirrigwarda makkinarju sabiex il-haddiema jkollhom għodda neċesarja sabiex jaħdmu. Żdiedu l-frekwenzi ta’ tindif fiż-żoni turistiċi u dan sar addizzjonali ma’ dak li jsir mill-Kunsilli Lokali. Hemm il-ħsieb li fil-ġimgħat li ġejjin jiġu ntrodotti sistemi ta’ ħinijiet ġodda għall-ħaddiema sabiex jsir tindif addizzjonali anke fi tmiem il-ġimgħa. Fil-jiem li ġejjin mistenni li jsiru laqgħat għall-imgħallmin kollha f’dan is-settur sabiex jiġi spjegat aħjar l-operat tax-xogħol mistenni mill-ħaddiema, permezz ta’ dawn l-inizjattivi ġodda. Ser inkunu qed nintroduċu metodi ġodda fl-operat sabiex ikollna pajjiż iktar nadif. Qed issir ħidma konġunta ma’ diversi Kunsilli Lokali f’dan ir-rigward. Fir-rigward ta’ tindif tal-bajjiet ġie introdott ‘shift’ fin-naħa ta’ fuq tal-pajjiz, sabiex tiżdied il-preżenza tal-ħaddiema fuq l-iktar bajjiet popolari. Sar investiment f’diversi kontenituri tal-iskart u dan sabiex il-pubbliku jkollu iktar faċilitajiet fejn jiddisponi mill-iskart tieghu. Ninsabu fl-aħħar fażi f’dak li jirrigwarda tibdil ta’ slielem ġodda fuq il-bajjiet tagħna. Ma dan ukoll sar investiment f’makkinarju apposta li ser inkunu qed naraw r-riżultat tiegħu fil-ġimgħat li ġejjin.

Direttorat għat-tindif — Skart miġbur

Question

Jista’ l-Ministru jikkwantifika l-ammont ta’ skart miġbur mill-Ħaddiema tad-Direttorat għat-Tindif matul is-snin 2012, 2013, 2014 u 2015 sad-data ta’ meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskart miġbur mill-Ħaddiema tad-Direttorat għat-Tindif sar kif ġej: Sena Tunnellata 2012 10319.94 2013 9674.90 2014 14674.75 2015 (sal-aħħar ta’ Settembru) 9767.17

Għajnuna lill-kunsilli lokali rigward indafa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu dawk il-Kunsilli Lokali li kienet tingħatalhom għajnuna fir-rigward ta’ indafa matul is-snin 2009-2012 partikolarment fix-xhur tas-sajf? Paragun mal-għajnuna li qed jingħataw illum dawn l-istess lokalitajiet, jista’ l-Ministru jikkwantifika n-nefqa li saret f’dawn is-snin imsemmija ma’ dak li qed jingħataw illum?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-snin 2009-2012 il-lokalitajiet li kienu jibbenefikaw minn xi tip ta’ għajnuna fit-tindif matul ix-xhur tas-Sajf huma kif ġej: Sena Lokalita’ Spiża 2009 San Ġiljan / Paceville € 30,500 Sliema € 20,500 2010 San Ġiljan / Paceville € 41,500 Sliema € 25,000 2011 San Ġiljan / Paceville € 44,900 Sliema € 7,640.30 San Pawl il-Baħar € 8,350 2012 San Ġiljan / Paceville € 10,000 Sliema € 16,800 San Pawl il-Baħar € 11,100 Sena Lokalita’ Spiża 2015 San Ġiljan / Paceville € 248,712.99 Sliema € 212,303.05 San Pawl il-Baħar € 173,668.83

Barrakka ta’ Fuq – public convenience – manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jara li ssir manutenzjoni tal-‘public convenience’ li hemm fil-Barrakka ta’ Fuq minħabba l-ammont ta’ nies li jżuruhom kuljum, speċjalment turisti?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul din is-sena (2015) sar xogħol ta’ ‘refurbishment’ fil-latrina pubblika msemmija. Wara sejħa pubblika għall-offerti l-imsemmija latrina pubblika ġiet rinovata mill-ġdid. Inbidlu s-servizzi tal-ilma, dawl u sar disinn mill-ġdid b’faċilitajiet sanitarji ta’ l-aqwa livell. Din ġiet tiswa lill-Ministeru s-somma ta’ €60,000.

Proġett nazzjonali kontra l-għargħar – ġbir ta’ ilma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il metru kubu ilma ser jinġabar permezz tal-proġett nazzjonali kontra l-għargħar, liema ilma qabel kien jintilef?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li huwa kkalkulat li l-proġett ser ikollu l-potenzjal li jiġbor madwar 300,000 metru kubu ta’ ilma tax-xita.

Proġett nazzjonali kontra l-għargħar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta x-xogħol fuq il-proġett nazzjonali kontra l-għargħar ser jiġi konkluż? Jikkonferma li parti mid-dewmien ta’ dan il-proġett ġie kkaġunat mill-problemi li nstabu fis-sistema tad-drenaġġ ġewwa Ħal Lija, liema problemi kien ilhom jeżistu snin imma dejjem tħallew fuq l-ixkaffa mill-Gvern preċedenti ?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li huwa stmat li x-xogħol kollu fuq il-proġett jitlesta’ għall-bidu ta’ Diċembru li ġej. Irrid inżid li l-komponenti ta’ Ħaż-Żebbuġ, Ħal-Qormi, Ħaż-Żabbar-Marsascala, u Gżira diġa tlestew. Ix-xogħol li fadal hu fuq il-komponent ta’ B’Kara-Msida li kellu ikun lest matul is-sajf li għadda iżda li fuqu kien hemm dewmien minħabba fost affarijiet oħra problemi li nstabu fis-sistema tad-drenaġġ ġewwa Ħal Lija li wara li ħadna azzjoni biex tinfetaħ it-triq sibna li din il-problema kienet ilha teżisti.

Birkirkara — Proġett nazzjonali kontra l-għargħar

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li fir-rigward tal-proġett nazzjonali kontra l-għargħar, fiż-żona ta’ Birkirkara, il-pjanti sarilhom xi tibdil peress li skont id-disinn oriġinali, il-proġett ma kienx ser ilaħħaq mal-problema tal-għargħar fiż-żona?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-pjanti tal-komponent ta’ Birkirkara sar tibdil billi l-aħħar parti tal-mina ta’ madwar 1.3 km giet imkabbra biex tkun tista’ tlaħħaq ma maltempati ta’ intensita’ akbar milli kienet iddisinjata għalihom fil-pjanti oriġinali. Saru wkoll żewġ culverts kbar li ma kienux parti mill-pjan oriġinali waħda fl-Iklin biex tilqa’ l-ilma li jinżel min-Naxxar u jaqa’ fuq l-Iklin u wara fuq Birkirkara u culvert oħra fi Triq il-Mitħna li tilqa’ l-ilma li parti minnu kien jaqleb għal Triq in-Naxxar Birkirkara.

Żoni turistiċi – għajnuna lill-kunsilli lokali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’għajnuna qed tingħata lill-kunsilli lokali li jaqgħu fl-hekk imsejħin Żoni Turistiċi fir-rigward ta’ indafa? Jista’ jispjega kif qed jiġu implimentati l-frekwenzi ta’ tindif f’dawn iż-żoni? Jista’ jikkwantifika din l-għajnuna kemm qegħda tiswa finanzjarjament lil kull lokalità?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Direttorat għat-Tindif – Ilmenti reġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew reġistrati lmenti fid-Direttorat għat-Tindif minn meta ġiet introdotta l-kampanja edukattiva “Għalfejn Tħammeġ Pajjiżek”? Jista’ jgħid kemm kien hemmilmenti fis-sena 2014 u fis-sena 2015 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Kemm minn dawn il-każijiet ġew solvuti mid-Direttorat għat-Tindif, minn kunsilli lokali jew xi entitajiet oħrajn?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Kampanja “ Għalfejn Tħammeġ Pajjiżek?” ġiet introdotta f’Lulju 2014. Minn dak iż-żmien sal-lum ġew reġistrati 3069 lmenti. Li 1785 minnhom saru fil-2014 u 1284 fl-2015. Dawn ġew solvuti kif ġej: Sena Direttorat għat-Tindif Kunsilli Lokali Entitajiet oħra Pendenti Total 2014 1571 175 39 - 1785 2015 1078 131 37 38 1284 Total 2649 306 76 38 3069

Ħasil ta’ żoni pedonali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk iż-żoni pedonali li matul ix-xhur tas-sajf isir ħasil tagħhom b’apparat, kif ukoll liema huma dawk iż-żoni, jekk isiru, li dan il-ħasil jibqa jsir matul ix-xhur tax-xitwa?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ż-żoni pedonali li jsir ħasil fihom matul ix-xhur tas-Sajf u tax-Xitwa huwa kif ġej: Lokalita’ Sajf Xitwa San Pawl il-Baħar – Buġibba, Qawra iva iva San Ġiljan - Paceville iva iva Sliema iva le Valletta – Ċentru Kummerċjali iva iva Valletta – Bus Terminus iva iva Valletta – Pjazza Kastilja iva iva Valletta – Pjazza San Ġorġ iva iva Mdina iva le Bormla iva le Isla iva le Birgu iva le Qrendi – Wied iż-Żurrieq iva le Marsaxlokk iva iva Marsaskala iva le Birżebbuġa iva le Gżira iva le Ta’ Xbiex iva le

Birżebbuġa — Pitch tal-waterpolo - xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq il-pitch tal-waterpolo f’Birżebbuġa, wara li dan l-aħħar intqal li qed isiru xi testijiet fl-istruttura u fl-apparat? X’irriżulta minn dawn it-testijiet?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-testijiet fuq l-istruttura tlestew u taw riżultati pożittivi. Il-pixxina tbattlet mill-ilma baħar li ntuża biex tiġi ttestjata l-istruttura u ġiet mimlija bl-ilma ħelu. Bħalissa qed jiġu ttestjati l-pompi u l-makkinarju.

Birżebbuġa – grawnd tal-futbol — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq il-grawnd tal-futbol f’Birżebbuġa?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li waqt ix-xogħol fuq il-grawnd tal-futbol f’Birżebbuġa, irrizultaw xi varjazzjonjiet li kienu jinħtieġu l-approvazzjoni tad-Dipartiment tal-Kuntratti. Din l-approvazzjoni intalbet u x-xogħol mistenni jaqbad rittmu qawwi fil-ġimgħat li ġejjin biex dan ikun lest sal-aħħar ta’ Marzu tal-2016.

Ta’ Giorni — Kumpless Dun Anton Sciberras

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi s-sitwazzjoni tal-istat tal-kumpless Dun Anton Sciberras f’Ta’ Giorni, peress li l-bandli ilhom żmien biex jitlestew għat-tgawdija tal-familji?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li x-xogħol fl-imsemmi sit tlesta minn ħaddiema tad -Dipartiment tax -Xogħlijiet barra t-twaħħil ta' "play equipment" ġdid li mistenni jasal Malta minn barra sal-aħħar ta' Ottubru u jeħel b'mod immedjat wara li jasal fl-imsemmija data.

Floriana – Torri tal-ilma ta’ Wignacourt – xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma x-xogħlijiet li qed isiru fuq it-torri tal-ilma ta’ Wignacourt fil-Floriana? Dawn ix-xogħlijiet qed isiru b’fondi lokali?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol ta’ restawr fuq it-torri tal-ilma ta’ Wignacourt fil-Furjana, qed isir minn ħaddiema tal-Uffiċċju tal-Proġetti għar-Riabilitazzjoni. Bħalissa qed isir restawr fil-parti interna tat-torri, u fil-futur qarib ser jinbeda xogħol ta’ restawr fuq il-parti esterna. Dawn ix-xogħlijiet qed isiru b’fondi lokali.

Żjara fil-Korea t’Isfel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kien l-iskop taż-żjara li għamel fil-ġimgħat li għaddew fil-Korea t’Isfel?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ż-żjara tiegħi ġewwa l-Korea għall- konferenza tal-ASEM, Symposium on Eurasia Transport and Logistics Network, Seamless Eurasia: Making Connections. Matul iż-żjara tiegħi f’Seoul, li hija l-belt kapitali tal-Korea ta’ Isfel, kelli laqgħat mas-Seoul Metropolitan Government, li reċentement żviluppa strateġija kompensiva fit-tul “Seoul Traffic Vision 2030” biex tindirizza l-problemi ta’ żidiet fin-numru ta’ vetturi, konġestjoni tat-traffiku u problemi oħrajn relatati mat-traffiku, bħal tniġġis fl-arja. Din l-istrateġija timmira għal tnaqqis ta’ 30% fil-vjaġġi b’vetturi privati, tnaqqis ta’ 30% fil-ħin bit-trasport pubbliku u żieda ta’ 30% fl-użu ta’ trasport li ma jagħmilx ħsara, bħal mixi, roti u użu akbar ta’ trasport pubbliku.

Proġett nazzjonali kontra l-għargħar

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li fir-rigward tal-proġett nazzjonali kontra l-għargħar, jekk sarux xi xogħlijiet addizzjonali, biex dan il-proġett ikun aktar effiċjenti fil-ġbir tal-ilma fit-toroq?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-proġett saru numru ta’ xogħlijiet addizzjonali. Fil-komponent ta’ Birkirkara-Msida l-aħħar 1300 metru tal-mina ġew imkabbra sabiex ikunu jistgħu jilqgħu maltempati akbar minn dawk li l-proġett kien iddisinjat għalihom oriġinalment. Ġewwa Ħaż-Żebbuġ il-mini ġew imtawla b’madwar 350 metru kif ukoll f’diversi toroq saru numru ta’ culverts biex l-ilma ikun jista’ jinqabad b’mod aktar effiċċjenti.

Strada Stretta — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema fażi wasal ix-xogħol fi Strada Stretta? Jista’ l-Ministru jgħid ukoll għal liema raġuni l-pavimentar ta’ quddiem Vincenti Buildings se jerġa’ jinqala’ wara li sar ftit snin ilubiss?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fi Strada Stretta wasal fit-tielet fażi tiegħu. Wara waqfa qasira minħabba l-istaġun turistiku, ser jitkompla x-xogħol ta’ pavimentar taħt il-loġoġ tal-Qorti, u se jinbeda x-xogħol ta’ pavimentar quddiem Vincenti Buildings. Dan qed isir minħabba l-fatt li l-pavimentar li kien sar taħt amministrazzjoni preċedenti ma kienx jiflaħ għall-ammont ta’ traffiku li beda jgħaddi min din il-parti tat-triq. Ix-xogħol li huwa ppjanat jinkludi t-tqegħid ta’ sodda tal-konkos, tqegħid ta’ infrastruttura ġdida tal-elettriku, u bdil ta’ materjal minn ċangatura tal-qawwi għal ċangatura tal-lava. Bħalissa qed tiġi aġġudikata tender għax-xiri ta’ lanterni tad-dawl sabiex sistema ġdida ta’ dawl tat-triq tiġi nstallata.

Naxxar — Salini tal-melħ - xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’jinvolvi x-xogħol li qed isir fuq is-salini tal-melħ fin-Naxxar, wara li dan il-proġett kien ilu wieqaf għal għadd ta’ snin? Meta se jitlesta dan ix-xogħol u jkun jista’ jibda jitgawda mill-pubbliku?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol li għaddej bħalissa hu l-bini ta’ pont ġdid tal-ħadid fl-entratura tas-sit. Ix-xogħol mistenni jitlesta f’Novembru. Fir-rigward ta’ meta l-post ikun jista’ jitgawda mill-pubbliku, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għadhom għaddejjin t-taħdidiet bejn il-Ministeru tiegħi u l-Ministeru li evventwalment ser jieħu r-responsabilta’ tat-tmexxija ta’ dan is-sit, biex ikunu jistgħu jsiru l-arrangamenti f’dan ir-rigward.

Uffiċċju tar-riabilitazzjoni – proġetti fil-Belt Valletta

Question

Jista’ l-Ministru jelenka x’inhuma l-proġetti li qed jaħdem fuqhom l-Uffiċċju tar-Riabilitazzjoni fil-lokalità tal-Belt Valletta? Jista’ jagħti wkoll dettalji dwar meta se jitlestew dawn l-interventi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa, l-Uffiċċju tal-Proġetti għar-Riabilitazzjoni qiegħed jaħdem fuq dawn il-proġetti fil-lokalita’ tal-Belt Valletta u l-Furjana. Proġetti fi stadju ta’ ippjanar: 1. Riġenerazzjoni tal-foss tal-belt 2. Restawr tal-funtana ta’ Wignacourt li tinsab ġewwa l-ġnien ta’ San Filippu, Furjana 2016 3. Restawr tal-funtana tat-Tritoni. Xogħol għandu jitlesta sal-2017 4. Installazzjoni ta’ directional signage ġewwa l-Belt, kif ukoll signage li tindika l-istatus ta’ Belt ta’ Wirt Dinji. 2016 5. Restawr ta’ pavimentar fi Triq Mikiel Anton Vassalli u Triq it-Teżorerija – 2016 6. Installazzjoni ta’ street furniture ġewwa Triq ir-Repubblika - 2016 7. Riabilitazzjoni taż-żona taħt l-arkati f’Misraħ San Gwann - 2016 Proġetti fi stadju ta’ twettieq: 1. Restawr tal-monumenti ġewwa l-Barrakka ta’ Fuq – xogħol jitlesta’ fl- 2016 2. Restawr tat-Torri ta’ l-Ilma ta’ Wignacourt faċċata ta’ Sarria - xogħol jitlesta fit 2016. 3. Restawr tal-koppla ta’ Santu Wistin - diġa’ tlesta r-restawr ta’ ħames kuppletti. Xogħol fuq il-koppla titkompla fit-2016 4. Manutenzjoni kontinwa ġo Pjazza San Ġorġ, kif ukoll immaniġjar ta’ attivitajiet ġewwa l-pjazza 5. Manutenzjoni kontinwa fiż-żona tas-Siege Bell Monument 6. Restawr tal-faċċati tal-knisja Griega Kattolika fi Triq l-Arċisqof - 2015 7. Restawr tal-parapett tas-sur ta’ San Kristofru ħdejn Dar il-Mediterran - 2015 8. Riabilitazzjoni tal-pavimentar ta’ Strada Stretta inkluż it-tibdil ta’ l-infrastruttura - 2016 9. Tibdil tas-sistema ta’ dawl tat-triq ta’ Strada Stretta – 2016 10. Minbarra l-proġetti elenkati hawn fuq, il-kap ta’ l-Uffiċċju tal-Proġetti għar-Riabilitazzjoni hija wkoll il-World Heritage Site Manager għal Belt Valletta fejn tieħu ħsieb li jsir xogħol biex tiġi protetta u mħarsa l-istatus tal-World Heritage Site.