Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kunsill Lokali Xagħra, Għawdex – xogħlijiet fuq Triq Marsalforn

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hi l-ispiża li l-Kunsill Lokali tax-Xagħra, Għawdex hu mistenni li jagħmel fuq ix-xogħol li għaddej bħalissa fuq Triq Marsalforn fix-Xagħra, Għawdex? Kemm minn dan l-ammont diġà tħallas lill-kuntrattur li qed jagħmel ix-xogħol? Kemm hemm kontijiet li diġà nħarġu u rċieva l-kunsill però għadhom ma tħallsux għax-xogħol fuq din it-triq?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor . Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tax-Xagħra li l-ispiża fuq ix-xogħol li għaddej bħalissa fuq Triq Marsalforn mistennija titla’ għal madwar nofs miljun Ewro. Dan ix-xogħol qed ikun parzjalment iffinanzjat mill-iskema tal-Public Private Partnership (PPP) tat-toroq. Infurmat ukoll li minn din is-somma, il-Kunsill Lokali diġa’ ħallas lill-kuntrattur is-somma ta’ € 54,000. Il-Kunsill Lokali għadu ma rċieva l-ebda kont rigward dan ix-xogħol peress li x-xogħol għadu mhux konkluż u għad irid jiġi ċertifikat.

Kunsilli Lokali – korsijiet ta’ taħriġ lill-kunsilliera

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru korsijiet ta’ taħriġ lill-kunsilliera lokali mit-twaqqif tal-kunsilli lokali ‘l hawn? X’kienu t-temi ta’ kull kors (b’deskrizzjoni qasira dwar kull kors)? X’kienet l-attendenza ta’ kull kors (ta’ kemm attendew kunsilliera u fl-istess ħin il-post fejn saru? X’korsijiet hemm ippjanati li jsiru fix-xhur li ġejjin?

Response (BONNICI, OWEN)

L-Onor. Interpellant jifhem u japprezza li t-tali informazzjoni mill-bidu tat-twaqqif tal-Kunsilli Lokali għoxrin sena ilu sallum tirrikjedi riżorsa kbira umana u ta’ ħin biex tkun tista’ tinstab, tinġabar, tiġi katalogizzata u tkun preżentata. Għaldaqstant qed nagħti informazzjoni dwar l-aħħar tlett snin. Dwar dan qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ Memo 69/2011 li jelenka l-istrateġija ta’ taħriġ. Fl-2011 id-Dipartiment kien nieda training needs analysis, kif ukoll dan it-taħrig, bħala parti mill-ġustifikazzjoni għall-applikazzjoni ta’ proġett ta’ taħriġ akkademiku li nbeda ftit ilu fl-20 ta’ Ottubru, 2014. Dan sar permezz tal-proġett “Improving Public Governance at Local Level” b’ko-finanzjament mill-European Social Fund (ESF), liema taħriġ hu limitat biss għall-ufficcjali pubbliċi. Intant skont din l-istess strateġija d-Dipartiment qed jimbarka fuq Strateġija Nazzjonali tat-Taħriġ. Din l-istrateġija se tkun lest sa Marzu 2015 permess ta’ proġett bl-isem “A Partnership for Creative Governance” b’fondi min-Norway Grant. F’dan il-proġett qed jittieħdu wkoll inizjattivi ta’ taħriġ li nbdew f’Settembru, 2014 – u li jissoktaw f’Diċembru – fejn 19-il Kunsill Lokali qed jipparteċipaw fi proġett pilota dwar “performance management”. Fl-2013 ġew iffirmati l-grant agreements ta’ dawn iż-żewġ proġetti: fit-12 ta’ Settembru, 2013 dak ko-finanzjat mill-ESF; u fit-12 ta’ Diċembru, 2013 dak b’finanzjament min-Norway Grant. U għalhekk kien qed isir xi taħriġ ieħor bi ftehim ma’ entitajiet u Mnisteri oħrajn. Sew is-sostenibilità dikajarata mid-Dipartiment fiż-żewġ proġetti, kif ukoll l-istrateġija nazzjonali tat-taħriġ, se jwassalu biex dan il-Ministeru permezz tas-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali jwaqqaf ċentru speċjalizzat iddedikat għat-taħriġ tas-Sindki, Kunsillieri, Segertarji Eżekuttivi u membri tal-istaff tal-Kunsilli Lokali b’mod organizzat. L-istrateġija nazzjonali dwar it-taħriġ se twassal biex Malta tkun minn ta’ quddiem fost il-pajjiżi tal-Kunsill tal-Ewropa, li jkollha strateġija nazzjonali tat-taħriġ kif ukoll ċentru speċjalizzat li jigarantixxi l-iżvilupp tal-istakeholders kollha fil-qasam tal-Gvern Lokali.

Kunsilli Lokali – talbiet pendenti għall-ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm talbiet pendenti quddiem id-Dipartiment tal-Gvern Lokali għall-ħaddiema biex jimlew postijiet vakanti fil-kunsilli lokali? Jista’ jgħid liema kunsilli għamlu dawn it-talbiet u għal liema pożizzjonijiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali li ma għandux pendenzi quddiemu. Madankollu infurmat ukoll li hemm talbiet li qed jistennew direzzjoni minn entitajiet oħrajn.

Nfiq tal-Kunsilli Lokali

Question

B’referenza għall-MEMO 26/2014 – Nfiq tal-Kunsilli Lokali maħruġ mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali, jista’ l-Ministru jipprovdi u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mibgħuta mill-kunsilli lokali lid-Dipartiment hekk kif mitlub mill-istess Memo għas-snin 2013 u 2014?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba hekk kif mogħtija lili mid-Dipartiment tal-Gvern Lokali. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella A li telenka l-infieq tal-Kunsilli Lokali għas-sena 2013, kif provdut mill-Kunsilli Lokali nfushom, bi tweġiba għal Memo 26/2014. Qed inpoġġi ukoll fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella B li telenka l-infieq tal-Kunsilli Lokali għall-perjodu bejn Jannar u Ġunju tas-sena 2014, kif provdut mill-Kunsilli Lokali nfushom ħlief tal-Kunsill Lokali tal-Għargħur, li sa issa naqas milli jagħti l-informazzjoni tiegħu. Qed inpoġġi ukoll fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella Ċ li telenka l-proġetti kapitali tal-Kunsilli Lokali għall-perjodu bejn Jannar u Ġunju tas-sena 2014, kif provdut mill-Kunsilli Lokali nfushom ħlief tal-Kunsill Lokali tal-Għargħur, li sa issa naqas milli jagħti l-informazzjoni tiegħu. Infurmat li d-Dipartiment għall-Gvern Lokali qed isegwi lill-Kunsill Lokali msemmi li għadu ma tax l-informazzjoni tiegħu. Hekk kif din l-informazzjoni tasal għand id-Dipartiment inkun nista’ npoġġieha wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skemi dwar inizjattivi sportivi fil-lokalitajiet

Question

B’referenza għall-MEMO 25/2014 - Skema dwar inizjattivi sportivi fil-lokalitajiet 2014–2015 maħruġ mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali, jista’ l-Ministru jipprovdi u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mibgħuta mill-kunsilli lokali lid-Dipartiment hekk kif mitlub mill-istess Memo għall-inizjattivi sportivi bejn Ottubru 2014 u Settembru 2015?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba kif provduta mill-Kunsilli Lokali nfushom.

Kunsilli Lokali – Applikazzjonijiet pendenti quddiem il-MEPA

Question

B’referenza għall-MEMO 24/2014 – Applikazzjonijiet pendenti quddiem l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, maħruġ mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali, jista’ l-Ministru jipprovdi u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mibgħuta mill-kunsilli lokali lid-Dipartiment hekk kif mitlub mill-istess Memo u jagħti lista ta’ kull talba li kunsill lokali informa biha lid-Dipartiment ta’ applikazzjoni li ssottometta quddiem il-MEPA sas-27 t’Ottubru 2014?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi żewġ tabelli, A u B, fuq il-Mejda tal-Kamra.

Call for application għall-post fuq l-Hard Standing ta' Marsaxlokk

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ħarġitx call for application għall post fuq l-hard standing ta' Marsaxlokk? Jista' jikkonferma li l-persuna li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament ġiex impjegat biex jaħdem fuq l-hard standing ta' Marsaxlokk? Jista' jgħid x'inhuma l-kundizzjonijiet li bihom qed jaħdem?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewli, ma ħarġet l-ebda call for application għall-post fuq il-hard standing ta’ Marsaxlokk kif ukoll li l-persuna msemmija fil-mistoqsija ma ġiex ingaġġat fuq dan il-post tax-xogħol.

Kunsill Lokali tal-Birgu – armar ta’ scaffolding

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien il-ħlas li talab il-Kunsill Lokali tal-Birgu biex seta’ jiġi armat scaffolding mal-faċċata tal-Knisja u l-Kunvent tas-Sorijiet tal-Klawsura ta’ Santa Skolastika fil-Birgu, liema scaffolding intuża biex isir restawr tal-faċċata ta’ dan il-kunvent u knisja storika?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Birgu li l-ħlas mitlub kien kif stipulat mill-liġi, jiġifieri ta’ €2.33 għal kull metru kwadru għal kull ġurnata li jdum armat l-iscaffolding.

Playgrounds — Spezzjonijiet

Question

Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 9142 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali u li issa ġiet riferuta lilha u ċjoè: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 8965, jista' l-Ministru jgħid x'azzjoni ħa, u/jew x'azzjoni qed jieħu, lokalità b'lokalità dwar il-playgrounds li huma taħt ir-responsabilità tal-kunsilli lokali u li ġew irrakomandati biex jingħalqu mill-MCCAA? jista' jgħid liema minn dawn il-playgrounds li ġew rakkomdandati li jingħalqu għadhom miftuħin?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fit-tweġiba li kont tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 8965 l-MCCAA kienet irrakomandat biex f’xi playgrounds għandha titieħed azzjoni immedjata mill-Kunsilli Lokali rispettivi biex jiġu eliminati riskji ta’ korrimenti fil-playgrounds. Huwa f’idejn il-Kunsilli Lokali li jieħdu azzjoni. Jiena nfurmata li minn dawk it-28 playingfield msemmija fit-tweġiba Parlamentari numru 8965 hemm playingfield waħda li bħalissa hija magħluqa. Din hija Ġnien f’Misraħ il-Fidwa l-Imqabba. Il-kunsilli lokali l-oħra laqgħu ir-rakkomandazzjonijiet tal-MCCAA u ħadu jew se jieħdu azzjoni biex il- playgrounds tagħhom isirulhom ix-xogħolijiet meħtieġa biex ikunu siguri.

Kunsill Lokali tal-Birgu – armar ta’ scaffolding

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 8901 u jgħid kemm kien il-ħlas li talab il-Kunsill Lokali tal-Birgu biex seta’ jiġi armat scaffolding mal-faċċata tal-Knisja u l-Kunvent tas-Sorijiet tal-Klawsura ta’ Santa Skolastika fil-Birgu, liema scaffolding intuża biex isir restawr tal-faċċata ta’ dan il-kunvent u knisja storika?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Birgu li l-ħlas mitlub kien kif stipulat mill-liġi.

Playgrounds — spezzjonijiet

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 8965, jista' l-Ministru jgħid x'azzjoni ħa, u/jew x'azzjoni qed jieħu, lokalità b'lokalità dwar il-playgrounds li huma taħt ir-responsabilità tal-kunsilli lokali u li ġew irrakomandati biex jingħalqu mill-MCCAA? jista' jgħid liema minn dawn il-playgrounds li ġew rakkomdandati li jingħalqu għadhom miftuħin?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.

Kunsill Lokali tal-Birgu – armar ta’ scaffolding

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien il-ħlas li talab il-Kunsill Lokali tal-Birgu biex seta’ jiġi armat scaffolding mal-faċċata tal-Knisja u l-Kunvent tas-Sorijiet tal-Klawsura ta’ Santa Skolastika fil-Birgu, liema scaffolding intuża biex isir restawr tal-faċċata ta’ dan il-kunvent u knisja storika?

Response (BONNICI, OWEN)

Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 12 PQ #8512 Sitting 132 2014-03-24 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — contract of service

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 8387 u ċjoè: B’referenza għat-tweġibiet ta’ mistoqsijiet parlamentari 7508 u 7789, jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament għandux kuntratt ta’ servizz (contract of service) mal-Uffiċċju tal-Prim Ministru? Jista’ jgħid x’jinvolvi dan il-kuntratt, jagħti dettalji tal-ħlasijiet involuti fil-kuntratt u jispeċifika kemm tħallas dan l-individwu sal-ġurnata meta jwieġeb din id-domanda? Jista’ jgħid liema Ministeri ngħataw servizz minn dan l-individwu sal-ġurnata meta jwieġeb din il-mistoqsija? X’kien is-servizz u kemm tħallas minn kull Ministeru ta’ kull servizz li ta? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kull kopja ta’ kull kuntratt li għandu mal-Gvern dan l-individwu?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Il-persuna li qed issir riferenza għaliha għandha kuntratt ta’ servizz mal-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Id-dettalji mitluba jinsabu fit-tabella t’hawn taht. Provision of technical advice at the PM Secretariat and other Ministries and Parliamentary Secretariats Contract Service is capped at €37,170 (Vat Inclusive) Retainer of €7,000 per annum and €25 per hour excl vat Sal-lum din il-persuna tħallset €31,073.31.
Leg 12 PQ #8367 Sitting 130 2014-03-17 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Ministeru għas-Saħħa

food thickener out-of-stock

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hux veru jew le li l-food thickener li jintuża minn ħafna pazjenti li jbatu bi stroke u tfal bi problemi li jibilgħu, ilu nieqes għal tliet xhur? Jista' jgħid meta se jkun available dan it-thickener daqshekk essenzjali?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li Thickening agent ħareg out of stock mill-POYC fit-3 ta' Marzu 2014. Dan minħabba l-fatt li t-tender ġiet mwaħħla mill-kompetitur b'oġġezzjoni. Saret ordni urġenti u tqassmu 200 il-ġimgħa 7 ta' Marzu. Ser jasal iktar stock fi 17 ta' Marzu u iktar stock ġej fl-aħħar tax-xahar. Din il-ġimgħa nsiru nafu l-eżitu tat- tender u jekk kollox immur sew issir ordni oħra minnufiħ
Leg 12 PQ #8387 Sitting 130 2014-03-17 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — contract of service

Question

B’referenza għat-tweġibiet ta’ mistoqsijiet parlamentari 7508 u 7789, jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament għandux kuntratt ta’ servizz (contract of service) mal-Uffiċċju tal-Prim Ministru? Jista’ jgħid x’jinvolvi dan il-kuntratt, jagħti dettalji tal-ħlasijiet involuti fil-kuntratt u jispeċifika kemm tħallas dan l-individwu sal-ġurnata meta jwieġeb din id-domanda? Jista’ jgħid liema Ministeri ngħataw servizz minn dan l-individwu sal-ġurnata meta jwieġeb din il-mistoqsija? X’kien is-servizz u kemm tħallas minn kull Ministeru ta’ kull servizz li ta? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kull kopja ta’ kull kuntratt li għandu mal-Gvern dan l-individwu?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

It-tagħrif għadu qed jinġabar

e-ID cards — reklamar

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 7946, jista' l-Ministru jgħid kemm hu r-readership (l-ammont ta’ qarreja li jaqraw l-ġurnali) tal-gazzetti lokali skont il-Ministeru tiegħu?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-surveys li jsiru fuq bażi kummerċjali u l-istħarriġ ta’ l-Awtorita tax-Xandir.

e-ID cards — reklamar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema hi l-kumpanija li qed tieħu ħsieb l-kampanja ta’ reklamar tal-e-ID cards? Kif intagħżlet din il-kumpanija? Jista’ jgħid għaliex fil-ġurnali kollha qed jidhru reklami ta’ nofs pagna bil-kulur filwaqt li f'ġurnal wieħed ta’ kuljum r-reklam huwa ta’ kwart ta’ paġna? Min ħa din id-deċiżjoni?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Il-Ministeru ħa ħsieb din il-kampanja. Ir-riklami tqassmu skont kemm hu l-ammont ta’ qarreja li jaqraw il-ġurnali.
Leg 12 PQ #7789 Sitting 119 2014-02-12 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — Communication Advisor

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7508 jista' l-Prim Ministru jgħid minn meta l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament ma baqax jifforma parti mis-Segretarjat Privat tiegħu? Għaliex il-kelliem tal-Prim Ministru f'Ottubru li għaddha qal lill-ġurnal lokali li l-individwu kien qed jaħdem bħala communication advisor fis-Segretarjat Privat tiegħu? Jista' jgħid kemm dam fil-kariga? Meta u għaliex irriżenja, jekk irriżenja? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt li kellu l-individwu bħala communication advisor tal-Prim Ministru?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li l-persuna li qed jirreferi għaliha qatt ma kien jifforma parti mis-Segretarjat Privat tiegħi, kif jipprovdi d-dokument Engagement of Staff for Ministers’ Secretariats li kopja tiegħu diġa tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #7707 Sitting 118 2014-02-11 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsilli lokali — għoti ta' fondi speċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment għall-Gvern Lokali hux beħsiebu joħroġ skema għall-għoti ta' fondi speċjali lill-kunsilli lokali matul is-sena 2014? Jekk iva, jista' l-Ministru jgħid meta hi mistennija li titnieda din l-iskema u x'se jkun il-budget allokat għaliha?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-intenzjoni tas-Segretarjat Parlamentari fi ħdan il-Ministeru tiegħi hija li jkomplu jinħarġu l-iskemi matul din is-sena. Iżda għad hemm numru ta’ skemi li jmorru lura sas-sena 2010 li għadhom mhux konklużi, u li l-ispiża tagħhom trid tinġarr minn dan il-vot, peress li l-amministrazzjoni ta’ qabel ma kienetx ipprovdiet għalihom. Hekk kif inkunu kkonkludejna dawn l-iskemi, li se nippruvaw nagħlquhom sa l-aħħar ta’ Ġunju, inkunu f’pożizzjoni li niddeterminaw xi skemi se nkomplu noħorġu.
Leg 12 PQ #7503 Sitting 115 2014-02-03 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Ministeru għat-Turiżmu

Ħaġar Qim — turisti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ turisti li żaru Ħaġar Qim f’dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena?

Response (VELLA, KARMENU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.