Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kunsilli lokali – live streaming tal-laqgħat tal-kunsill

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-Kunsilli Lokali li għad m’għandhomx fis-seħħ is-sistema ta’ live streaming għal-laqgħat tal-kunsill?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kunsilli Lokali tal-Belt Valletta, ir-Rabat Għawdex, il-Gudja, San Ġiljan, San Ġwann, San Lawrenz u x-Xgħajra għadhom ma bdewx jitrasmettu l-laqgħat tagħhom bil-live streaming.

Dipartiment tal-Gvern Lokali — Memo 22/2015 – Cultural Activities

Question

B’referenza għall-Memo 22/2015 – Cultural Activities tad-Dipartiment tal-Gvern Lokali, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien il-fond għall-attivitajiet kulturali għas-sena 2015? Liema kunsilli applikaw? Min ma ġiex aċċettat u għaliex? Liema kunsilli ħadu, kemm ħa flus kull kunsill u x’kienet l-attività? Meta saret jew se ssir din l-attività?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-fond allokat skond Memo 22/2015 kien ta’ 70,000 ewro li kif kien isir dejjem dan il-fond jittieħed mill-allokazzjoni tas-sena konsekuttiva. Is-Segretarjat dehrlu li kellu jirrimedja din is-sitwazzjoni u kien għalhekk li għas-sena d-dieħla l-applikazzjonijet se jintalbu għal perjodu kalendarju ta’ bejn Jannar sa Dicembru. Jiġifieri għal din is-sena biss intalbu applikazzjonijiet għal attivitajiet għax-xahar ta’ Diċembru. Tabella A li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra telenka l-Kunsilli li applikaw. Peress li l-Kumitat sarulu diversi talbiet sabiex il-Kunsilli Lokali li l-attivita’ tagħhom ma ġietx aċċettata ma nistgħux nikkonkludu din il-lista qabel ma jsiru dawn il-laqgħat. Intant Tabella B li ukoll qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra telenka kemm ħa flus kull kunsill u d-dettalji tal-attività.

Ħ’Attard – Triq Pantar u Triq tat-Torba — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux beħsiebu jara li Triq Pantar u Triq tat-Torba li minn Ħ’Attard iwasslu għall-Mosta, u viċi versa u li fiha bħalissa qed isiru x-xogħlijiet fejn nofs it-triq hi maqlugħa u n-nofs l-ieħor mhux fi stat tajjeb, li t-triq kollha tingħata wiċċ tarmak ġdid?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Kunsilli Lokali – Ambaxxaturi taż-żgħażagħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-ambaxxaturi taż-żgħażagħ f’kull kunsill lokali? Jekk hemm kunsill li m’għandux ambaxxatur taż-żgħażagħ, jista’ jgħid għalfejn u/jew meta dan jew din se tinħatar?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant sabiex għall-ewwel parti tal-mistoqsija jirreferi għall-mistoqsija parlamentari numru 20701, filwaqt għat-tieni parti tal-mistoqsija ninforma lill-Onor. Interpellant, li kull meta jkun hemm ambaxxatur li jagħlaq it-tmintax-il sena il-Kunsill Lokali jkollu jagħmel sejħa oħra sabiex jinħatar ambaxxatur taż-Żgħażagħ ieħor li jkollu l-eta’ ta’ 16-il sena.

Belt Valletta – pitch tal-waterpolo

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-politika tal-Gvern dwar il-pitch tal-waterpolo tal-Belt Valletta?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-pitch tal-waterpolo tal-Belt għadda għand Sportmalta fil-bidu ta’ din is-sena permezz ta’ avviż legali numru 62/2015. Hija l-intenzjoni ta’ Sportmalta li l-istess pitch jiġi trasferit lill-Valletta United Waterpolo Club, meta l-istess klabb ikun irreġistrat ma’ Sportmalta u jkollu d-dokumentazzjoni kollha in regola.

Politika tal-Gvern għall-Isports f’Ħ’Attard

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-politika tal-Gvern għall-isport fl-area li tmiss eżatt mal-iskola tal-Gvern f’Ħ’Attard? Xi żvilupp relatat ma’ sport se jsir? Jista’ jipprovdi l-pjanti tal-proġett?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li saru diskussjonijiet ma’ rappreżentanti ta’ Attard FC fuq l-art imsemmija. Deċiżjonijiet finali għadhom ma ttieħdux.

Aġenzija LESA — kera ta' uffiċċju

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 20627, jista' l-Ministru jgħid għal kemm-il sena ġie mikri l-ex Xandir Malta mill-Local Enforcement System Agency (LESA)? Jista' jippubblika l-kuntratt li sar? Jista' jgħid u jagħti breakdown ta' kif, fejn u mingħand min inxtraw bi €30,000 xogħlijiet ta' refurbishment?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Aġenzija LESA li l-kundizzjonijiet maqbula tal-kirja tal-post huma ta' kirja ta' 450 metru kwadru fil-fond insemmi li qiegħed jinkera b’€80 fis-sena għal kull metru kwadru, għal terminu ta' tlett snin. Fil-post saru xogħlijiet ta' refurbishment li fost l-oħrjan kienu jinkludu membrane, tgħamir elettroniku u sistema ta’ air conditioning.

Wardens — Ċitazzjonijiet - Ġbir ta' flus

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 20626, jista' l-Ministru jgħid jekk, wara li jinġabru l-flus pendenti taċ-ċitazzjonijiet li jkunu deċiżi u li jkunu ngħataw mill-wardens sal-aħħar ta' Settembru 2015, dawn hux se jinżammu mil-Local Enforcement System Agency (LESA) jew jingħataw lir-reġjuni jew lill-kunsilli lokali?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat mill-Aġenzija LESA li s-sistema għandha tkun diskussa bejn l-istakeholders ikkonċernati hekk kif stipulat f’ Artikolu 3(2) tal- Avviż Legali 153/2015.

LESA — impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 20625 u jgħid min huma l-impjegati li jaħdmu fil-Local Enforcement System Agency (LESA) u x’pakkett finanzjarju għandu kull impjegat?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li ħafna mill-informazzjoni diġa' ngħatat waqt l-aħħar seminar organizzat mill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali li għaliha l-Onor. Agius kien preżenti li pero' nifhem li sar wara d-data tat-tqegħid tad-domanda. Kif ġie spjegat diġa', il-LESA assumiet ir-responsabbilita' tar-regolamentazzjoni tal-infurzar lokali fl-1 t'Ottubru li għadda. Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija huwa s-Sur Raymond Zammit li għandu salarju ta' 25 fil-mija ta' dak li kien jitħallas wieħed biss mill-Uffiċjali Awtorizzati li kienu assenjati ma' kull wieħed mill-ħames Reġjuni li għandna. Dan ifisser li d-deċiżjoni favur il-ħolqien tal-LESA hija deċizjoni cost-effective. L-Uffiċjal responsabbli mill-operazzjoni tal-LESA titħallas fuq salarju komparabbli ma' skala 4 tas-Servizz Pubbliku. Dan filwaqt li kull Uffiċjal Reġjonali - li jwieġeb lill-LESA - jitħallas salarju komparabbli ma' Skala 13 tas-Servizz Pubbliku b'arrangament fuq bażi ta' sitt xhur ad hoc mal-operatur fuq mudelli li ġieli intużaw fil-passat li assigura transizzjoni mingħajr skossi. Dan wassal biex ġew frankati iktar flus mill-erarju pubbliku. Fil-frattemp saru t-tħejjijiet għal iktar capacity building taħt il-gwida tal-awtoritajiet relevanti skont l-eżiġenzi tal-Aġenżija fil-limiti ta' dak li hu strettament raġonevoli u meħtieġ.

AKL — Laqgħat

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 20646 u jgħid kemm-il darba matul din is-sena, iltaqa’ mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali? X’kienet l-aġenda tal-laqgħa u min attenda għal-laqgħa? Inżammu minuti matul dawn il-laqgħat? Jekk iva, jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dawn il-minuti?

Response (BONNICI, OWEN)

Is-Segretarju Parlamentari Dr. Stefan Buontempo li huwa nkarigat mill-portafoll tal-Gvern Lokali, żamm kuntatti regolari ma’ AKL jew il-President tal-istess assoċjazzjoni. Ħafna minn dawn il-kuntatti kienu informali iżda b’mod aktar formali inżammu dawn il-laqgħat li ġejjin: Marc Sant 2nd February 2015 Marc Sant 16th February 2015 Mario Fava 22nd May 2015 Mario Fava 25th June 2015 Mario Fava 17th August 2015 Mario Fava 23rd September 2015 AKL 25th September 2015 AKL 15th October 2015 Marc Sant 30th October 2015 Apparti minn hekk jien ltqajt mal-AKL fis-16 ta’ Marzu 2015 kif ukoll fit-2 ta’ Ottubru 2015. F'dawn il-laqgħat s'intendi attenda wkoll is-Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo.

San Ġwann – Chiswick House School – gwardjani lokali fil-ħin tal-ftuħ tal-iskola

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed jintbagħtu gwardjani lokali fil-ħruġ u d-dħul tat-tfal ħdejn Chiswick House School fi Triq Antonio Schembri, il-Kappara, San Ġwann?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann li min-naħa tiegħu kienu talab gwardjani għall-immaniġġjar tat-traffiku lir-Reġjun Ċentru, u dan ix-xahar anke saret talba lill-LESA għal dan. Apparti minn hekk kienet saret laqgħa wkoll mar-rappreżentanti tal-LESA fl-20 ta’ Awwissu 2015 b’antiċipazzjoni għat-tibdil fis-sistema u anke reġa’ ntalab follow up meeting dwar dan. Kienet saret ukoll laqgħa mal-AC tad-Distrett rigward din il-problema. Infurmat ukoll mil-LESA li f’dan ix-xahar kemm ilha mwaqqfa l-aġenzija kellha bosta skejjel, kemm statali kif ukoll oħrajn indipendenti fosthom l-iskola Chiswick fil-Kappara, li ngħataw servizz ta’ gwardjan lokali sabiex jimmonitorja s-sitwazzjoni tat-traffiku kif ukoll jassisti fejn ikun hemm bżonn. Dan is-servizz, minkejja li l-operatur irid jitħallas skont ir-rati tat-tender eżistenti, jingħata bla ħlas. S’issa, għad li dan is-servizz ma jingħatax bir-regolarita’ li jiena nixtieq, nista’ ngħid li qed naraw titjib konsiderevoli fuq is-sitwazzjoni preċedenti l-ħolqien tal-LESA.

Kumitat Vot 16 — laqgħat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta l-aħħar li ltaqa’ l-Kumitat VOT 16? Jista’ jippubblika l-aħħar minuti tal-laqgħa ta’ dan il-Kumitat? Min huma l-membri ta’ dan il-Kumitat?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-aħħar laqgħa tal-Kumitat Vot 16 saret il-Ħamis 12 ta’ Frar, 2015. Il-membri tal-kumitat imsemmi huma Michael Cohen bħala Chairperson, Therese Spiteri bħala Viċi Chairperson u Andrew Azzopardi, Beverly Saliba, Daniel Darmanin, Daniel Mifsud Bason, Marc Sant, Maria Pisani, Miriam Teuma u Mark Anthony Sammut bħala membri. Christopher Galea huwa s-Segretarju tal-kumitat. Informat li hemm laqgħa oħra skedata għall-jiem li ġejjin.

Kunsilli lokali – zebra crossings għal persuni neqsin mid-dawl

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema lokalitajiet il-kunsilli lokali għamlu, jew għandhom, zebra crossing li hi tajba biex tintuża minn persuni neqsin mid-dawl?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bid-dettalji tal-Kunsilli Lokali li għandhom tali crossings.

Kunsilli Lokali tal-Gżira u Ta’ Xbiex – proġett tal-MIDI f’Manoel Island

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kunsilli Lokali tal-Gżira u ta’ Ta’ Xbiex humiex qed ikunu kkonsultati dwar x’se jiġri mill-proġett tal-MIDI f’Manoel Island? Jista’ jgħid jekk il-proġett hux se jsir, kif se jsir, jew inkella jekk il-Gvern hux f’diskussjoni mal-konsorzju biex jieħu lura l-art f’idejh u jekk dwar dawn il-fatti ikkomunikax mal-kunsilli lokali rispettivi?

Response (BONNICI, OWEN)

Dan il-proġett huwa wieħed kompletament tal-privat. Għalhekk fejn jidħlu d-drittijiet tal-Kunsilli Lokali rispettivi wieħed għandu jara dak li jrid l-Att dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp.

Forti Manoel f’Manoel Island

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’se jiġri mill-Forti Manoel u jekk din hux se tibqa’ f’idejn il-MIDI jew jekk hux se tkun f’idejn il-Gvern? Jekk se tkun f’idejn il-Gvern, jista’ jgħid jekk tistax tiġi devoluta lill-kunsill lokali tal-Gżira?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-propjeta’ li qed jistaqsi dwarha l-Onor. Interpellant mhiex responsabbilta’ tal-Kunsill Lokali tal-Gżira, u ma saret l-ebda applikazzjoni mad-Dipartiment tal-Artijiet da parte tal-Kunsill Lokali għad-devoluzzjoni ta’ Forti Manoel. Nistieden lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Fondi miċ-ċitazzjonijiet ta’ infuzar lokali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif se tkun il-formola li biha se jinqasmu l-fondi li jibqgħu miċ-ċitazzjonijiet tal-infurzar lokali?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-LESA ilha biss xahar li bdiet topera. Qiegħed nara r-riżultati tas-sistema l-ġdida, li mill-indikazzjonijiet li qed nara jidhru li huma pożittivi. Li hu żgur hu li l-bilanċ mis-sistema se jinqasam skont ftehim li se jkun diskuss u nittama li jkun milħuq mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali. Infakkar li fil-frattemp ir-Regjuni ta’ pajjizna se jibqgħu jirċievu l-ħlasijiet taċ-ċitazzjonijiet kollha li saru qabel l-1 ta’ Ottubru 2015.

Is-Siġġiewi – Kunsill Lokali — playground

Question

Jista’ l-Ministri jgħid jekk il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi hux se jagħmel playground ġdid? Jekk iva, fejn ser isir u jista’ jippubblika l-pjanti ta’ kif se jiġi dan il-playingfield u meta se jibda x-xogħol?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infumat mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi li fi ħsiebu li jibni mill-ġdid il-playground eżistenti li jinsab fi Triq it-Tabib Nikol Zammit fis-Siġġiewi. Il-Kunsill Lokali diġà ppreżenta applikazzjoni lill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex jikseb il-permessi meħtieġa. L-applikazzjoni bin-numru ta’ referenza PA/03980/15 mistennija tiġi approvata sa mhux aktar tard mill-25 ta’ April 2016. Il-Kunsill Lokali ħareġ ukoll żewġ sejħiet pubbliċi b’rabta max-xogħlijiet ċivili inkluż il-bini u tlestija ta’ lattrina pubblika ġdida kif ukoll għall-provvista, konsenja u kkummissjunar tat-tagħmir meħtieġ fil-bini mill-ġdid ta’ dan il- playground . Is-sejħa dwar ix-xogħlijiet ċivili diġà ġiet aġġudikata filwaqt li fil-preżent qegħdin jiġu evalwati l-offerti li ġew ippreżentati b’rabta mas-sejħa dwar it-tagħmir. Ix-xogħlijiet mistennija jibdew malli jinħareġ il-permess meħtieġ mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u jitlestew matul is-sena 2016. Il-proġett li huwa stmat li ser jiswa madwar €200,000, ser isir permezz ta’ fondi mill-allokazzjoni tal-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi kif ukoll bl-użu ta’ fondi miksuba taħt l-Iskema għal Proġetti Kapitali tal-Kunsilli Lokali, liema Skema pero’ l-istess Onor Interpellant ħass li kellu jirreferiha għal investigazzjoni għand l-Awditur Ġenerali. Il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi ser ikun qiegħed ukoll jagħmel talba biex jikseb fondi mill- Urban Improvement Fund kif imħaddem mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar.

Wied il-Għajn – Kunsill Lokali – Ċentru Ċiviku ġdid

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kunsill Lokali ta’ Wied il-Għajn hux se jagħmel Ċentru Ċiviku ġdid? Jekk iva, fejn se jsir u jista’ jippubblika l-pjanti ta’ kif se jiġi dan iċ-Ċentru Ċiviku u meta se jibda x-xogħol?

Response (BONNICI, OWEN)

Il-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala għandu l-ħsieb li jagħmel Ċentru Ċiviku ġdid fi Ġnien Sant’Anna. Filfatt l-permessi kollha meħtieġa u kopji tal-pjanti u dettalji jistgħu jinkisbu minn fuq il-permess tal-MEPA PA/1066/14. (Dan kollu jinsab fil-minuti tal-Kunsill). Il-Kunsill kien applika għall-fondi tal-Proġetti Kapitali li kien nħareġ f’Jannar 2015. Huwa ġie mgħarraf li l-bord laqa’ t-talba tal-Kunsill u li kien ser jgħaddilu €50,000 għall-ewwel sena tal-proġett, anke minħabba l-fatt li jidher li l-Kunsill għandu l-fondi sabiex isostni dan il-proġett. Sussegwentement, din is-somma ġiet miżmuma b'rispett lejn l-investigazzjoni li għaddejja mill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali fuq talba tal-Onor Interpellant stess. Il-Kunsill qed isostni li huwa għandu bżonn dawn il-fondi u qabel jirċievi risposta, mhux ser ikun f’pożizzjoni li jikkometti ruħu meta ser jinbeda dan il-proġett. Rigward il-pjanti, dawn diġa huma pubblikati u jistgħu jinkisbu minn fuq is-sit elettroniku tal-MEPA.

San Pawl il-Baħar – Kunsill Lokali – Ċentru Ċiviku ġdid

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar hux se jagħmel Ċentru Ċiviku ġdid? Jekk iva, fejn se jsir u jista’ jippubblika l-pjanti ta’ kif se jiġi dan ċ-Ċentru Ċiviku u meta se jibda x-xogħol?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li f’Novembru 2014 il-Kunsill Lokali talab għal devoluzzjoni ta’ sit fi Triq il-Wileġ f’San Pawl il-Baħar bil-ħsieb li jintuża għal skopijiet soċjali, amministrattivi u għall-funzjonijiet legali tal-Kunsill. Il-Kunsill Lokali ma ħejjiex pjanti għal din il-proposta, u m’hemm l-ebda data fil-qrib ta’ meta jista’ jibda dan ix-xogħol. Il-Kunsill Lokali ġie mwiegħed €10,000 mill-Fond għall-Proġetti Kapitali sabiex jintużaw fuq dawn il-binjiet, liema ammont żgur li m’huwiex biżżejjed sabiex isir ix-xogħol kollu neċessarju inkluż l-applikazzjonijiet mal-MEPA, tant li l-ammont ta’ spejjeż indikati mill-Kunsill fl-applikazzjoni tad-devoluzzjoni jammontaw għal €25,000. Madankollu l-ispejjeż probabbli huma ħafna aktar minn hekk. F’dan id-dawl infurmat mill-Kunsill Lokali li m’huwiex f’pożizzjoni finanzjarja li għalissa jwettaq dawn ix-xogħlijiet. Fis-snin li għaddew kien hemm pjan li jsir Ċentru Ċiviku fi Triq San Pawl, San Pawl il-Baħar b’investiment dirett tal-privat. Għalkemm jidher li kienu tħejjew pjanti għalih, illum żgur li jkun hemm bżonn li jiġu riveduti. M’hemmx data ta’ meta jista’ jibda l-proċess għal dan ix-xogħol.