Legislature:
Category:
Reset
Active:

Dipartiment tal-Gvern Lokali – laqgħat organizzati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru laqgħat organizzati mid-Dipartiment tal-Gvern Lokali jew b’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Gvern Lokali fl-2016 u sal-ġurnata li tiġi mwieġba din id-domanda? Kemm swew flus dawn il-laqgħat? Min tkellem u kemm tħallas min tkellem f’dawn il-laqgħat?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jindika għal liema tip ta’ laqgħat qed jirreferi.

A Partnership for Creative Governance — proġett

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’ħareġ mill-proġett “A Partnership for Creative Governance?” Kemm intefqu flus fuq dan il-proġett? Kien hemm xi kunsilli lokali li ħadu l-premju ELOGE? Jekk iva, min kienu? Jekk le, għalfejn ma ħadux dan il-premju? Min ħa din id-deċiżjoni? Tħallsu xi esperti u jekk iva kemm? Saru xi ħlasijiet oħra relatati ma’ dan il-proġett?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-proġett A Partnership for Creative Governance kien jikkonsisti fl-attivitajiet segwenti: a. Training Needs Analysis (TNA) tas-settur; b. Preparazzjoni u tnehidija ta’ National Training Strategy (NTS); c. L-iżvilupp ta’ performance indicators sabiex permezz tagħhom ikun hemm bażi maqbula li tigwida lill-istess Kunsilli fuq il-funzjonijiet u r-responsabilitajiet tagħhom; d. Programm ta’ Akkademja ta’ Leadership għas-Sindki u Segretarji Eżekuttivi li wrew interess; e. L-iżvilupp ta’ strateġija nazzjonali fl-oqsma tal-innovazzjoni u governanza tajba f’livell lokali u preparazzjoni għal- European Label of Governance Excellence. Infurmat li l-proġett kellu nvestiment ta’ €194,205.84. Ma kienx hemm Kunsilli Lokali li ħadu l-premju ELOGE. Dan minħabba l-fatt li ma laħħqux il-kriterji prestabbiliti biex jingħataw tali premju, kriterji hekk kif stipulati mis-Centre of Excellence for Local Government Reform, fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa. In-National Stakeholders Committee ħa din id-deċiżjoni, li ġie akkreditat mill-European Stakeholders Committee fi ħdan l-istess Kunsill tal-Ewropa sabiex jeżamina u jassessja s-sottomissjonijiet imressqa mill-Kunsilli Lokali parteċipanti u, abbażi tal-kriterji pre-stabbiliti, jiddeċiedi jekk u/jew liema Kunsilli jkunu laħħqu l-istandards mitluba. Dan in-National Stakeholders Committee kien kompost minn rappreżentanti tal-Ministeru tal-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, mis-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-Gvern Lokali, mid-Dipartiment Gvern Lokali, mill-Assoċċjazzjoni tal-Kunsill Lokali, mill-Assoċċjazzjoni Nazzjonali tas-Segretarji Eżekuttivi, mill-Universita’ ta’ Malta u mill-Kummissarjat għall-Organizzazzjonijiet Volontarji. Tali Kumitat qabbad espert lokali biex jara l-applikazzjonijiet kollha li ġew sottomessi u jirrakkomanda jekk u liema applikazzjonijiet setgħu jiġu kkunsidrati li laħħqu l-kriterji prestabbiliti biex jingħataw l-prejmu tal-ELoGE. Infurmat ukoll li tħallsu xi esperti li kienu magħżula mis-Centre of Expertise for Local Government Reform fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa. Dawn tħallsu s-somma ta’ €71,791 Saru wkoll xi ħlasijiet oħra relatati ma’ dan il-proġett. Apparti l-ammont ta’ €194,205.84 li nteffqu mill-fondi Norveġiżi u minn fondi Maltin, tħallset ukoll is-somma ta’ €1,500.00 (VAT eskluż) mill-fondi tad-Dipartment Gvern Lokali lill-espert li tqabbad biex jara l-applikazzjoni kollha li ġew sottomessi u jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu

Kumitat tal-Vot 16 — diskussjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’sar mill-Kumitat tal-Vot 16? Saru diskussjonijiet mal-membri tal-Kumitat dwar il-way forward ta’ dan il-kumitat?

Response (BONNICI, OWEN)

Din l-informazzjoni għadha qed tingabar u ser tinghata f’seduta oħra.

Kungress tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali tal-Kunsill tal-Ewropa — membri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif ġew appuntati u min huma l-membri Maltin fil-Kungress tal-Awtoritajiet Lokali u reġjonali tal-Kunsill tal-Ewropa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-delegazzjoni Maltija fil-Kungress tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali tal-Kunsill tal-Ewropa għas-snin 2016-2020 hija komposta kif indikat fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Dawn kienu proposti mill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali u endorsed mill-partiti politiċi.

Segretarji Eżekuttivi

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ persuni li daħlu fil-pool tas-Segretarji Eżekuttivi? Jista’ jgħid jekk għandhux ħsieb li jtejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tas-Segretarji Eżekuttivi?

Response (BONNICI, OWEN)

Minħabba raġunijiet relatati ma’ protezzjoni tad-data l-Onor. Interpellant jifhem u japprezza li mhux f’pożizzjoni li npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista mitluba ta’ persuni fil-pool tas-Segretarji Eżekuttivi. Intant ninfurmah li l-kundizzjonijiet tal-impjegati pubbliċi, bħalma huma s-Segretarji Eżekuttivi, jiżdiedu bħalma jkun għall-uffiċjali pubbliċi. Filwaqt li l-Ministeru, permezz tas-Segretarjat Parlamentari u d-Dipartiment għall-Gvern Lokali, iżomm laqgħa mal-Assoċjazzjoni Nazzjonali tas-Segretarji Eżekuttivi, bħalissa qed issir reviżjoni tar-Regolamenti dwar ir-Riżorsi Umani li se tkun miftuħa għall-konsultazzjoni.

Bejgħ ta’ Proprjetà fil-Birgu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk proprjetà fil-Birgu li hi flat tal-Gvern li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ġietx mibjugħa lill-individwu li hu anzjan, armel u bla tfal u li jgħix f’Dar tal-Anzjani u dan kontra r-regolamenti fl-iskema “Kun sid ta darek” u skemi tal-bejgħ ta’ proprjetà tal-Gvern, speċjalment klawsola 3(b)? Jista’ jgħid x’passi se jieħu f’dan l-każ?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, meta l-Awtorità tad-Djar għamlet l-investigazzjoni tagħha fuq il-persuna li għaliha qegħda ssir referenza, irriżulta, skont informazzjoni miġbura mid-Dipartiment tal-Anzjani u r-Reġistri Elettorali, li l-persuna tgħix fil-post li għalih saret l-applikazzjoni sabiex jinxtara. Għal din ir-raġuni, l-Awtorita’ tad-Djar ipproċessat l-applikazzjoni taħt Sir Sid Darek u l-post ġie mibjugħ lill-inkwilini tiegħu.

Kunsilli Lokali– Direct Orders — investigazzjoni

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 26831, jista’ l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali nvestigax id-directs orders li qabżu l-limitu stabbilit u x’passi ttieħdu f’kull ċirkustanza?

Response (BONNICI, OWEN)

Din l-informazzjoni għadha qed tinġabar

Inizjattiva dwar Restawr ta’ Postijiet Storiċi 2016 – Eżitu tal-Bord tal-Aġġudikazzjoni

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 27738, jista’ l-Ministru jgħid x’kien l-eżitu tal-Bord tal-Aġġudikazzjoni?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Bord tal-Aġġudikazzjoni wasal fl-aħħar stadji tal-proċess tiegħu. Kif jintemm l-proċess nkun nista’ nagħti d-dettalji mitluba.

Ftehim bejn il-Kumitat Olimpiku Malti, il-Gvern u SportMalta

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar ftehim bejn il-Kumitat Olimpiku Malti u l-Gvern jew SportMalta? Meta se jkun iffirmat il-ftehim il-ġdid?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-ftehim ser ikun iffirmat fiż-żmien li ġej u jkun pubbliku.

Servizz ta’ Helicopter bejn Malta u Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm qed iħallas għas-servizz ta’ helicopter mediku bejn Malta u Għawdex? Jista’ jgħid għaliex il-Forzi Armati ta’ Malta għadha tagħmel dan is-servizz bil-lejl u mhux l-operatur privat?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-Forzi Armati ta’ Malta toffri s-servizz ta’ helicopter kull meta tkun mitluba. Fir-rigward tal-operatur privat, nirreferi lill-Onor. Interpellant sabiex jistaqsi lill-Ministeru kkonċernat.
Leg 12 PQ #30646 Sitting 478 2017-02-06 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Ministeru għas-Saħħa

Servizz ta’ Helicopter bejn Malta u Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm qed iħallas għas-servizz ta’ helicopter mediku bejn Malta u Għawdex? Jista’ jgħid għaliex il-Forzi Armati ta’ Malta għadha tagħmel dan is-servizz bil-lejl u mhux l-operatur privat?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 30635.

Kunsill Lokali taż-Żejtun — Manucca Childcare Centre – Audited Financial Statements

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 29893 u 29990 u jgħid jekk sarux l-Audited Financial Statements fuq il-Manucca Childcare Centre taż-Żejtun li taqa’ taħt ir-responsabilità tal-Kunsill Lokali taż-Żejtun għas-snin 2013, 2014, 2015 u 2016? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Audited Financial Statements? Jista’ jpoġġi wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-agreement iffirmat biex ikun jista’ jopera dan iċ-Childcare Centre?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-fethim mitlub. Intant infurmat mill-Kunsill Lokali taż-Żejtun li, skont informazzjoni li għaddielu s-Supervisory Board taċ-Childcare Centre, bhala stat ta’ fatt ma sarux audited financial statements tal-Manucca Child Day Care Centre.

Korsa tal-Marsa – ramel — spejjeż

Question

B'referenza għat-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari 29891 u 29892, jista’ l-Ministru jgħid kif ġie ffinanzjat min-naħa tal-Malta Racing Club l-akkwist ta' dan ir-ramel? Jista’ jispjega l-proċedura li ntużat fl-akkwist tal-istess ramel? Jista’ jgħid kif f'sena sħiħa 2016 intefaq €10,000 f'ramel u fi ftit granet tal-2017 intefaq €33,850?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li r-ramel jiġi ffinanzjat bil-flus li s-sidien taż-żwiemel iħallsu bħala training licence. Infurmat li l-proċedura hija li wara li l-Kunsill evalwa l-kwalità u l-prezz ta' 12-il tip ta' ramel, ġie deċiż li t-taħlita ta' 72% 'volcanic sand' 0-4mm u 28% 'riverbed sand' hija l-aħjar għażla. Infurmat ukoll li r-raġuni għalfejn intnefqu €10,000 fl-2016 f'ramel u fi ftit ġranet tal-2017 intnefqu €33,850 hija li l-Kunsill preżenti sab kont ta' €120,000 ta' ramel li ġie mitfugħ fil-korsa mill-Kunsill preċedenti u li nxtara bil-prezz ta' €51.00 kull tunnellata u dan kien għadu mhux imħallas. Dan l-ammont ġie mħallas bejn Jannar u Diċembru 2015. Fis-sena 2016, għalkemm il-Korsa kellha bżonn wiċċ ġdid, il-Kunsill seta’ biss iżid ir-ramel minħabba l-ispejjeż imsemmija.

Kunsill Lokali taż-Żejtun — Manucca Childcare Centre – Audited Financial Statements

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 29893 u jgħid jekk sarux l-Audited Financial Statements fuq il-Manucca Childcare Centre taż-Żejtun li taqa’ taħt ir-responsabilità tal-Kunsill Lokali taż-Żejtun għas-snin 2013, 2014, 2015 u 2016? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Audited Financial Statements? Jista’ jpoġġi wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-agreement iffirmat biex ikun jista’ jopera dan iċ-Childcare Centre?

Response (BONNICI, OWEN)

Din l-informazzjoni għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.

Korsa tal-Marsa – ramel — spejjeż

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġie jiswa r-ramel li ntefa’ fil-Korsa tal-Marsa matul is-sena kollha tal-2016? Jista’ l-Ministru jgħid mingħand min ġie akkwistat dan ir-ramel u jekk inħarġitx sejħa pubblika għall-akkwist tiegħu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-ispiża fl-2016 kienet ta' €10,000. Infurmat ukoll li r-ramel ġie akkwistat mill-Kumpanija Philip Agius & Sons u biex ġie akkwistat ma nħarġitx sejħa pubblika iżda ntużat l-istess proċedura ta' diversi snin preċedenti.

Korsa tal-Marsa – ramel — spejjeż

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġie jiswa r-ramel li ntefa’ fil-Korsa tal-Marsa matul Jannar 2017? Jista’ jgħid mingħand min ġie akkwistat dan ir-ramel u jekk inħarġitx sejħa pubblika għall-akkwist tiegħu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-ispiża fl-2017 hija ta' €33,850. Infurmat ukoll li r-ramel ġie akkwistat mill-Kumpanija Polimesh Ltd u biex ġie akkwistat ma nħarġitx sejħa pubblika iżda ntużat l-istess proċedura ta' diversi snin preċedenti.

Kunsill Lokali taż-Żejtun — Manucca Childcare Centre – Audited Financial Statements

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarux l-Audited Financial Statements fuq il-Manucca Childcare Centre taż-Żejtun li taqa’ taħt ir-responsabilità tal-Kunsill Lokali taż-Żejtun għas-snin 2013, 2014, 2015 u 2016? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Audited Financial Statements? Jista’ jpoġġi wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-agreement iffirmat biex ikun jista’ jopera dan iċ-Childcare Centre?

Response (BONNICI, OWEN)

Din l-informazzjoni għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.
Leg 12 PQ #29894 Sitting 470 2017-01-17 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Santa Luċija – Triq il-Gardenja – qtugħ ta’ dawl

Question

B’referenza għall-qtugħ ta’ dawl fi Triq il-Gardenja Santa Luċija fl-14 ta’ Settembru 2016 fit-8:15 u li b’konsegwenza ta’ dan ir-residenti ġarrbu ħsarat fl-appliances, jista’ l-Prim Ministru jikkonferma li sar dan il-qtugħ ta’ dawl u jagħti aktar dettalji u xi żviluppi seta’ kien hemm dwar dan l-inċident? Jista’ jikkonferma wkoll li meta r-residenti kkuntatjaw lill-Enemalta, huma ġew infurmati li l-qtugħ ta’ dawl ma kienx ħtija tal-Enemalta u li l-Enemalta mhijiex responsabbli għall-ħsarat li kienu ġarrbu l-familji? Jista’ jikkonferma li hi l-Enemalta li tissuplixxi d-dawl u li l-oversurge hija responsabilità tal-Enemalta?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt infurmat mill-Enemalta plc li l-Kumpanija m’għandha l-ebda rapporti ta’ inċidenti fid-data u t-triq imsemmija. Jista’ jkun li l-Onor. Interpellant qiegħed jirreferi għall-inċident li seħħ ġurnata wara, ċioè fil-15 ta’ Settembru 2016. Jidher li għadd ta’ persuni sofrew ħsarat fl-apparat tal-elettriku fil-propjetà tagħhom wara li, kuntrattur privat li kien qiegħed jaħdem mal-faċċata ta’ propjetà fl-inħawi, laqat xi linji tal-elettriku mwaħħlin mal-istess faċċata. Enemalta plc għamlet rapport lill-Pulizija dwar dan l-inċident u infurmat lill-klijenti li l-ħsarat ma kienux ikkawżati minn xi nuqqas tal-Kumpanija, iżda minn terzi.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern lokali, Kunsilli Lokali u dipartimenti – ħlas lill-individwi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 29370, 29116 u 29028 u jgħid kemm intefqu flus li ngħataw lil individwi li b'xi mod taw is-servizzi tagħhom lill-kunsill lokali, dipartiment jew segretarjat jew Ministeru, u li tħallsu mill-voti tal-istess dipartiment, segretarjat jew Ministeru, sena b'sena fl-2014, 2015 u 2016 sal-aħħar ta’ Novembru 2016?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi dawk l-individwi illi b’xi mod jew ieħor taw xi servizz lid-Dipartiment għall-Gvern Lokali u li tħallsu mill-vot tal-istess Dipartiment. Dawn jinkludu ukoll membri ta’ diversi bordijiet. Background: Din l-informazzjoni ingabret mis-sistema tad-DAS tad-DLG u ghaldaqstant jista jkun li hemm xi ismijiet ta’ individwi illi fil-fatt ikunu ta’ kumpanija. It-tabella ma tinkludix informazzjoni ta’ ħlasijiet mill-voti tas-Segretarjat u Ministeru.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern lokali, Kunsilli Lokali u dipartimenti – ħlas lill-individwi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 29116 u 29028 u jgħid kemm intefqu flus li ngħataw lil individwi li b'xi mod taw is-servizzi tagħhom lill-kunsill lokali, dipartiment jew segretarjat jew Ministeru, u li tħallsu mill-voti tal-istess dipartiment, segretarjat jew Ministeru, sena b'sena fl-2014, 2015 u 2016 sal-aħħar ta’ Novembru 2016?

Response (BONNICI, OWEN)

Din l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.