Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħ’Attard – xogħlijiet fuq triq ġdida

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 3799, jista’ l-Ministru jgħid fejn hu propost li ssir l-bypass ta’ Ħ’Attard u jekk hux se tittieħed art ODZ, u jekk iva kemm se tittieħed art ODZ?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dettalji tal-proġett tal-bini mill-ġdid tal-konnessjoni eżistenti bejn l-Imrieħel, Birkirkara, Ħ’Attard, ir-Rabat u Ħaż-Żebbuġ se jitħabbru fil-ġimgħat li ġejjin hekk kif il-periti ta’ Transport Malta jtemmu l-proċess ta’ ppjantar u diskussjonijiet oħra meħtieġa għal dan l-investiment. Dan il-proġett se jtejjeb il-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà ta’ waħda mill-aktar rotot ewlenin f’pajjiżna, inaqqas id-dewmien fl-ivjaġġar, iniedi faċilitajiet għal mezzi ta’ trasport alternattivi u jtaffi d-diffikultajiet ta’ traffiku, storbju u tniġġis li hemm bħalissa f’diversi toroq residenzjali f’Birkirkara, Ħal Balzan u Ħ’Attard.

Ħ’Attard – xogħlijiet fuq triq ġdida

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 3799, jista’ l-Ministru jgħid kemm-il laqgħa ta’ konsultazzjoni saret mar-residenti ta’ Ħ’Attard, minn min saret, meta saru dawn il-laqgħat u x’konklużjonijiet kien hemm? Jista’ jgħid ittieħdux minuti ta’ dawn il-laqgħat u jekk iva jistax ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dawn il-minuti?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett indikat għadu f’fażi ta’ ppjantar u diskussjonijiet preliminari ma’ entitajiet differenti. Filwaqt li diġà saru xi laqgħat preliminari mal-kunsill lokali u r-residenti bħala parti mit-tħejjija għat-tfassil tal-pjanti, il-konsultazzjonijiet pubbliċi msemmija normalment isiru waqt il-proċess stabbilit tal-Awtorità tal-Ippjanar sabiex jinħarġu l-permessi tal-iżvilupp meħtieġa. Il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika jinbeda minn meta l-applikazzjoni tiġi validata u jdum għall-tletin ġurnata mid-data li tkun pubblikata l-applikazzjoni. Dan il-proċess se jibda fil-ġimgħat li ġejjin.

Ħ’Attard – xogħlijiet fuq triq ġdida

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3799, jista’ l-Ministru jgħid jekk issir il-bypass ta’ Ħ’Attard hux se tintilef art agrikola u jekk iva, kemm se tintilef art agrikola?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dettalji tal-proġett tal-bini mill-ġdid tal-konnessjoni eżistenti bejn l-Imrieħel, Birkirkara, Ħ’Attard, ir-Rabat u Ħaż-Żebbuġ ser jitħabbru fil-ġimgħat li ġejjin hekk kif il-periti tad-Direttorat tat-Toroq u l-Infrastruttura fi ħdan Transport Malta jtemmu l-proċess ta’ ppjantar u diskussjonijiet oħra meħtieġa għal dan l-investiment. Dan il-proġett ser itejjeb il-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà ta’ waħda mill-aktar rotot ewlenin f’pajjiżna, inaqqas id-dewmien fl-ivjaġġar, iniedi faċilitajiet għal mezzi ta’ trasport alternattivi u jtaffi d-diffikultajiet ta’ traffiku, storbju u tniġġis li hemm bħalissa f’diversi toroq residenzjali f’Birkirkara, Ħal Balzan u Ħ’Attard.

Ħ’Attard – xogħlijiet fuq triq ġdida

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3799, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-bypass ta’ Ħ’Attard issir, hux se tittieħed art privata? Jekk iva, kemm se tittieħed art? Kemm se jkun il-kumpens u jekk sarx ftehim ma’ kull sid li għandu art privata?

Response (BORG, IAN)

Filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi ghat-twegiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 5540 tal-istess seduta, bħala parti mil-liġi li tirregola l-proċess tal-ippjanar, meta applikazzjoni tkun tinvolvi art li tappartjeni lil terzi, l-applikant huwa obbligat li jinforma lis-sidien bl-applikazzjoni. F’dan il-każ, l-applikant, li huwa l-Awtorità tat-Transport informa lis-sidien milquta' b’din l-applikazzoni permezz ta’ avviż fil-gazzetti u permezz ta’ tabelli fuq il-post fejn se huwa propost li jsir l-iżvilupp.

Safar fuq Xogħol relatat mal-Kunsilli Lokali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 32444 u 32337 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 30953, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-minuti tal-laqgħa mal-Commonwealth Local Government Forum (CLGF)? Jista’ jgħid min hu l-advisor li tela’ mas-Segretarju Parlamentari fi Brussell f’Novembru 2016 u ma’ min iltaqa’ bejn l-24 u s-26 ta’ Novembru? X’kien l-iskop li s-Segretarju Parlamentari mar Strassburgu biex jiltaqa’ mal-President tal-Kumitat tar-Reġjun?

Response (BONNICI, OWEN)

Din l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

A Partnership for Creative Governance — proġett

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 32445 u 32339 u ċjoè: B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 30649, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-ispejjeż kollha li saru fuq il-proġett “A Partnership for Creative Governance”?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.

Ħad-Dingli – tiswijiet ta’ bankini u culverts

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32453 u ċjoè: B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 30642 jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu rigward il-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli peress li fir-risposta ma hemm l-ebda informazzjoni mill-1999 sa 2014? X’wassal biex fir-risposta għall-PQ 30642 inkiteb “no info available”? Xi tfisser “no info available” li ma kienx hemm xogħol ta tiswijiet ta’ bankini u culverts f’Ħad-Dingli jew li ma nstabux id-dokumenti? U jekk ma nstabux id-dokumenti jista’ l-Ministru jgħid għaliex u x’passi ttieħdu u min kien reponsabbli politikament u amministrattivament? Jeskludi l-Ministru li jagħmel inkjesta?

Response (BONNICI, OWEN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi d-Dipartiment għall-Gvern Lokali, Monitoraġġ u Sapport għamel verifika ulterjuri u irriżulta l-Agent Segretarju Ezekuttiv dahal fil-kariga f’Lulju 2015. Jidher li ma kienx inghata handing over ta’ kull minutae tal-qasam u hidma tal-Kunsill Lokali – specjalment meta d-domanda hija fuq settur daqstant specifiku jigifieri bankini u culverts. B’mod holistiku u generali jrid jinghad li d-Dipartiment għall-Gvern Lokali, Monitoraġġ u Sapport għall-ewwel darba, żamm laqgħat mal-Kunsilli Lokali kollha li kellhom defiċit finanzjarju u qed jiġu ndirizzati problemi li nstabu. Matul ix-xhur li għaddew id-Dipartiment għall-Gvern Lokali kompla żied fl-impenn tiegħu sabiex ikun hemm monitoraġġ u sapport aħjar lill-Kunsilli Lokali, liema ħidma kienet ġiet inottat pożittivament fl-aħħar rapport tal-Awditur Ġenerali.

Kalkara – tiswijiet ta’ bankini u culverts

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32454 u ċjoè: B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 30642 jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu rigward il-Kunsill Lokali tal-Kalkara peress li fir-risposta hemm ftit informazzjoni mill-1999 sa 2016 ? X’wassal biex fir-risposta għall-PQ 30642 inkiteb “no information – records found”? Xi tfisser “no information – records found” li ma kienx hemm xogħol ta’ tiswijiet ta’ bankini u culverts fil-Kalkara jew li ma nstabux id-dokumenti? U jekk ma nstabux id-dokumenti jista’ l-Ministru jgħid għaliex u x’passi ttieħdu u min kien reponsabbli politikament u amministrattivament? Xi jfisser allura li mill-2008 sal-2013 kien hemm nefqa fuq bankini u culverts u m’hemmx informazzjoni lil min tħallsu dawn il-flus? Jeskludi l-Ministru li jagħmel inkjesta?

Response (BONNICI, OWEN)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li wara verifika li saret mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali – Monitoraġġ u Sapport, fir-rigward tal-kliem “no information found /records found” is-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali tal-Kalkara stqarret illi l-informazzjoni li nstabet ma kinitx wahda sufficjenti. Intant, b’mod holistiku, id-Dipartiment għall-Gvern Lokali, għall-ewwel darba, żamm laqgħat mal-Kunsilli Lokali kollha li kellhom deficit finanzjarju u qed jiġu ndirizzati problemi li nstabu. Matul ix-xhur li għaddew id-Dipartiment għall-Gvern Lokali kompla żied fl-impenn tiegħu sabiex ikun hemm moniteraġġ u sapport aħjar lill-Kunsilli Lokali, liema ħidma kienet inottata pożittivament fl-aħħar rapport tal-Awditur Ġenerali.

Xgħajra – tiswijiet ta’ bankini u culverts

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32455 u B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 30642 jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu rigward il-Kunsill Lokali tax-Xgħajra peress li fir-risposta ma hemm l-ebda informazzjoni mill-1999 sal-2016? X’wassal biex fir-risposta għall-PQ 30642 inkiteb “not applicable”? Xi tfisser “not applicable” li ma kienx hemm xogħol ta’ tiswijiet ta’ bankini u culverts fix-Xgħajra jew li ma nstabux id-dokumenti? U jekk ma nstabux id-dokumenti jista’ l-Ministru jgħid għaliex u x’passi ttieħdu u min kien responsabbli politikament u amministrattivament? Jeskludi l-Ministru li jagħmel inkjesta?

Response (BONNICI, OWEN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi wara verifika li saret mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali, Monitoraġġ u Sapport, fir-rigward tal-kliem “not applicable” għar-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 30642, is-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali tax-Xgħajra iċċara l-pożizzjoni billi spjega illi “fix-Xgħajra xogħlijiet ta’ bankini, culverts u toroq minn dejjem saru direttament mill-Gvern Ċentrali.”

Marsa – Korsa taż-Żwiemel – ħwienet jew stalls

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 32361 jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi individwi u jew kumpaniji oħra li għandhom ħanut jew stall apparti dawk imsemmija f'din it-tweġiba parlamentari u li joffru xi tip ta' servizz ieħor? Jekk iva, jista' jgħid x'tip ta' servizz u ħlas isir jew kien isir minn dawn l-individwi / kumpaniji għall-konċessjonijiet tagħhom u kemm ħalsu kull sena u lil min iħallsu jew kienu jħallsu mill-2013 sal-ġurnata li titwieġeb din d-domanda?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li iva, jingħata tip ta' servizz ieħor li l-informazjoni dwaru qed tingħata lill-Onor. interpellant separatament u b'mod kunfidenzjali. Il-ħlas isir lil Malta Racing Club.
Leg 12 PQ #32698 Sitting 506 2017-04-11 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – Gozo Sports Complex — ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid b'kollox kemm hemm ħaddiema assenjati fil-Gozo Sports Complex fir-Rabat, Għawdex inkluż dawk tal-iskemi jew tal-Community Work Scheme? X'inhu x-xogħol ta' kull wieħed minn dawn il-ħaddiema u xi grad għandhom dawn l-istess ħaddiema?​

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li fil-Gozo Sports Complex hemm 18-il ħaddiem fi gradi diversi u assenjati fuq funzjonijiet differenti.

Pulizija li nqabad bid-droga f’Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux rapport li fl-2016 pulizija kien inqabad bid-droga f’Għawdex u kien ittieħed id-Depot tal-Pulizija fil-Furjana għall-interrogazzjoni? Jista’ l-Ministru jgħid jekk dan l-pulizija nqabadx bid-droga waqt li kien ġo Bar/Ħanut f’Għawdex? Jista’ jgħid jekk kienx sar statement u għaliex ma nħassx li kellha tinħareġ stqarrija mill-Pulizija dwar dan il-każ ta’ droga relatat ma’ membru tal-Korp tal-Pulizija li huwa wkoll uffiċjal publiku? Jista’ jikkonferma wkoll li dan l-istess pulizija li kien stazzjonat għal xi żmien fl-Għassa tal-Mosta, għamel xi żmien on forced leave? Jista’ jgħid x’passi ttieħdu mill-Korp mill-bidu ta’ dan il-każ sal-lum? Jista’ jgħid jekk iħossx li għandha ssir inkjesta dwar dan il-każ?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-Pulizija tikkonferma li f’Ġunju tal-2016 uffiċjal tal-Pulizija kien ġie arrestat Għawdex u kien interrogat in- konnesjoni ma’ użu ta’ droga. Meta ġie arrestat, hu ma kienx qiegħed ġo bar jew ġo ħanut ieħor f’Għawdex. Hu kien għamel stqarrija volontarja lill-Pulizija, irriżulta li f’okkażżjoni oħra kien fil-pussess sempliċi tar-raża tal-kannabis. Mal-arrest kienet saret inkjesta maġisterjali u eventwalment irriżulta li l-joint li kellu dak inhar ma kienx fih droga. Dan l-uffiċjal kien stazzjonat għal xi żmien l-Għassa tal-Mosta u meta ġie arrestat hu kien imġiegħel jibda l-forced leave pero` irreżenja minn jheddu erba’ t’ijiem wara. Eventwalment hu tressaq quddiem il-Qorti tal-Maġistrati ġewwa Għawdex u kien akkużat fost l-oħrajn illi kien fil-pussess sempliċi tar-raża tal-cannabis u li kien ippermetta li jsir reat li hu kellu d-dover illi jippreveni. Il-proċeduri kienu konklużi u l-istess uffiċjal kien weħel penali ta’ mitejn Euro, u dan skont il-provedimenti tal-Kap 537 tal-Ligijiet ta’ Malta.

Ċitazzjonijiet mill-Wardens Pajżana

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32364 u jgħid kemm inħarġu ċitazzjonijiet mill-wardens pajżana fuq ksur tal-liġijiet ambjentali fis-sentejn qabel ma' twaqqfet il-LESA, kif ukoll kemm inħarġu ċitazzjonijiet mill-wardens pajżana fuq ksur ta’ liġijiet minn mindu s-sistema ġiet iċċentralizzata bit-twaqqif tal-LESA sal-ġurnata li titwieġeb din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Reġjuni — Flus miċ-Ċitazzjonijiet qabel ma twaqqfet il-LESA

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32365 u jgħid kemm ħadu flus ir-reġjuni miċ-ċitazzjonijiet fis-sentejn qabel ma twaqqfet il-LESA u kemm ħadu flus minn mindu saret ir-riforma tal-wardens taħt dan il-Gvern? Jista’ jgħid kemm qed tiswa flus il-LESA kull sena, bl-ispiża mqassma bejn salarji u spejjeż oħra?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Leg 12 PQ #32724 Sitting 506 2017-04-11 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Tas-Sliema — Commuted Parking Scheme - Permessi

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamenatari 32363 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm ingħataw permessi f’Tas-Sliema li kienu jirrekjedu l-ħlas tal-Commuted Parking Payment Scheme(CPPS) bejn l-2014 u l-2017? Jista’ jingħata rendikont tal-ammont totali ta’ flus u n-numru ta’ karozzi, abbażi ta’ liema ġie kkalkulat is-CPPS għal kull sena?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nirreferi lill-Onor Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari nru 32798.

Xogħol ta' Rikostruzzjoni fuq Toroq Residenzjali

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32362 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm sar xogħol ta’ rikostruzzjoni fuq toroq residenzjali mill-Gvern Ċentrali mill-2013 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid f’liema lokalitajiet ta’ Malta u Għawdex sar dan ix-xogħol u kemm sewa’ għal kull triq?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 32797.
Leg 12 PQ #32650 Sitting 504 2017-04-10 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Inkjesti

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32353 u ċjoè: Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm-il inkjesta saret minn Marzu 2013 sa llum, dwar liema suġġett kienet u x’kien l-eżitu ta’ kull inkjesta? Jista’ jgħid kemm u liema inkjesti għadhom pendenti?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.

Bordijiet — individwu

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32341 u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid fuq kemm-il Bord kien l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament inkonnessjoni mal-Kunsilli Lokali u li fuqhom serva mill-2012 sal-2017 u x’kienet ir-remunerazzjoni li ħa?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat mill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali li l-persuna konċernata matul il-perjodu ndikat kienet membru fil-Bordijiet tal-Evalwazzjoni tal-Proġetti Scow u l-eGov4u, u li għal dan ma ħadet l-ebda remunerazzjoni. Intant infurmat ukoll mill-Kunsilli Lokali kollha li l-persuna konċernata qatt ma kienet fl-ebda bord minn tagħhom fil-perjodu ndikat.

Safar — individwu

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32340 u ċjoè: Jista’ Ministru jgħid kemm-il darba l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament siefer fuq xogħol mal-assoċjazzjoni li l-isem tagħha qed jingħata separatament, sena b’sena mill-2012 u x’kienet in-natura tas-safra?

Response (BONNICI, OWEN)

Din l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Leg 12 PQ #32695 Sitting 504 2017-04-10 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – Shooting Range taż-Żebbuġ — Ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid b'kollox, kemm hemm ħaddiema assenjati fis-shooting range taż-Żebbuġ, Għawdex inkluż dawk tal-iskemi jew tal-Community Work Scheme? X'inhu x-xogħol ta' kull wieħed minn dawn il-ħaddiema u xi grad għandhom dawn l-istess ħaddiema?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li fix-Shooting Range taż-Żebbuġ, Għawdex hemm 6 ħaddiema fi gradi diversi u assenjati fuq funzjonijiet differenti.