Jista' il-Minsitru jgħid jekk hemmx xi pjan biex tissolva l-problema ta' l-għargħar kawżati mill-ilmijiet li jinżlu fl-inħawi tal-Grazzja f'Ħaż-Żebbuġ, Malta u li jaffettwaw it-toroq tal-Grazzja, Xmurn Attard, Prof. Daniel Callus u Fra Fred Mattei?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ir-risposta mitluba mill-Onor. Interpellant tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li Triq l-Għarram, f'Ħaż-Żebbuġ (Malta) tingħata t-tarmac? Hemm xi pjan meta din tista' issir? Jista' jindika jekk hemmx bżonn li jsiru xi xogħlijiet oħra f'din it-triq qabel ma jingħata t-tarmac?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi fil-preżent għadu kif sar ftehim bejn l-Awtorita' dwar it-Trasport u l-Kunsill Lokali ta' Ħaż-Żebbuġ sabiex ikunu jistgħu isiru Triq Ġdida fi Triq il-Gandlora, Triq Ġdida fi Triq l-Għasfura, Triq Gulliermu Lorenzi u Triq Luiġi Fontana.
Fir-rigward ta' toroq oħra fil-lokalita', dawn ikunu jistgħu isiru aktar 'l quddiem skond il-prijoritajiet li jkollu quddiemu d-Direttorat.
Jista' il-Ministru jikkonferma u jekk fil-każ jgħid għaliex it-tliet persuni li isimhom qed jintbagħat separatament, u li huma fil-grad ta' kapijiet ta' skola u assistent kap ta' skola, mhux qed imexxu l-ebda skola?
X'xogħol wettqu l-persuni msemmija fl-aħħar sitt xhur?
Response (GALEA, LOUIS)
Kif jaf l-Onor. Membru qed titwettaq riforma fil-qasam ta' l-edukazzjoni teknoloġika biex tieħu post l-iskejjel tas-snajja. L-uffiċjali imsemmija, minħabba l-esperjenza tagħhom, ġew inkarigati jaħdmu fuq xogħol ta' l-implimentazzjoni tad-Design and Technology fl-iskejjel ta' l-Istat mad-Dipartiment tat-Teknoloġija fl-Edukazzjoni (DTiE).
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li Triq il-Waqqaf fil-Mosta tingħata t-tarmac? Hemm xi pjan meta din tista' issir?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport qed tipprepara programmm għall-asfaltar ta' diversi toroq madwar Malta kollha u x-xogħol fil-lokalita isir aktar 'l quddiem skond il-prijoritajiet li jirriżultaw.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li Triq il-Għabex, is-Swatar, Birkirkara tingħata t-tarmac? Hemm xi pjan meta din tista' issir?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport qed tipprepara programm għall-asfaltar ta' diversi toroq madwar Malta kollha u x-xogħol fil-lokalita' isir aktar 'l quddiem skond il-prijoritajiet li jirriżultaw minn żmien għal żmien.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-aħħar parti ta' Triq Zragen f'Ħ'Attard tingħata t-tarmac? Hemm xi pjan meta din tista' issir?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trtasport qed tipprepara programm għall-asfaltar ta' diversi toroq madwar Malta kollha u x-xogħol fil-lokalita' isir aktar 'l quddiem skond il-prijoritajiet li jirriżultaw minn żmien għal żmien.
Jista' il-Ministru jgħid meta se jibda s-servizz ta' trasport pubbliku li jgħaqqad is-Siġġiewi ma' Ħaż-Żebbuġ, ma' Ħ'Attard u mal-Mosta?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet ma' l-Assoċjazzjoni dwar it-Trasport Pubbliku f'dan ir-rigward. Din marbuta mar-riforma li ser issir fit-Trasport Pubbliku u mistenni li dan it-tibdil iseħħ fiż-żmien li ġej.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 809, jista' il-Ministru jgħid għaliex id-direttorat għall-immaniġjar tat-traffiku mhux f'pożizzjoni li jawtorizza post riservat għall-użu tal-minibus li twassal it-tfal għad-dutrina?
Jista' jitlob lid-direttorat biex jerġa' jikkonsidra d-deċiżjoni tiegħu minħabba l-fatt li Triq Ħal Warda hi triq perikoluża, traffikuża u jkun hemm parking matul it-triq kollha li jagħmilha diffiċli, jekk mhux impossibbli, li l-minibus iwassal u jwaqqaf lit-tfal viċin ta' Dar it-Tagħlim Nisrani? Ma jaħsibx il-Ministru li parking temporanju għal minibus fil-ħin tad-dutrina jagħmel dan l-ambjent għat-tfal aktar san u sikur?
Response (GALEA, ĊENSU)
Ser nitlob lid-Direttorat għall-Immaniġġjar tat-Traffiku jerġa jikkunsidra din it-talba.
B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 2463 u 2687, jista' il-Ministru jgħid jekk itteħditx azzjoni diretta sabiex il-MEPA tgħaddi hi stess biex tneħħi l-irregolaritajiet li qed iżommu milli jiġi stallat il-lift?
Jekk dan għadu ma seħħx, tista' il-MEPA toħroġ il-permess li jsir il-lift bil-kondizzjoni li l-lift jintuża biss (peress li jsir b'mod li jkun jissakkar) minn dawk ir-residenti li huma regolarizzati?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għada ma neħħitx l-illegalita’ li hemm minħabba li l-lista għal azzjopni diretta hija twila.
Skond l-Att dwar l-Ippjanar ta' l-Iżvilupp, l-Awtorità ma tistax tawtorizza l-iżvilupp propost permezz ta' notifika taħt l-Avviz Legali 126 ta' l-2001 (bħal ma hi DN 598/03) ladarba jkun hemm żvilupp illegali fuq is-sit. Il-proposta indikata fil-mistoqsija tista' biss titqies skond il-merti tagħha jekk issir full development permit application.
Jista' il-Ministru jara li jinstab xi rimedju biex studenti li jkunu jridu jidħlu fil-kors tal-mediċina u jkunu ġabu l-punti meħtieġa ma jibqgħux barra mill-kors? Jista' jikkonferma li jista' j iġri li jkun hemm studenti li jġibu tliet "B"'s fl-eżamijiet (56 punt) u jidħlu għall-kors, filwaqt li oħrajn li jġibu "A", "B" u "C" (56 punt ukoll) jew 2 "A"'s u "C" (68 punt) jibqgħu barra mill-kors?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li is-sistema tal-punti għad-dħul f'xi kors l-Universita' ilha sew li spiċċat.
Informat ukoll li l-grad rikjest f'xi suġġett biex wieħed jibda kors hu marbut mal-ħtieġa ta' livell adegwat f'dak is-suġġett. Mhux bilfors li livell ogħla f'suġġett jista' jagħmel tajjeb għall-livell aktar baxx f'suġġett ieħor. B'danakollu l-osservazzjonijiet ta' l-Onor. Membru ġew mogħddija lill-Universita' għal konsiderazzjoni ta' l-awtorita' kompetenti li f'materja bħal din taġixxi b'mod għal kollox awtonomu.
Jista' il-Ministru jgħid kemm, fl-aħħar tliet snin, id-dipartiment tal-VAT daħħal flus minn akkomodazzjoni f'lukandi u stabbilimenti ta' catering, minn bars u minn hospitality institutions?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-dħul tal-VAT minn akkomodazzjoni f’lukandi u stabbilimenti ta’ catering, bars u hospitality institutions matul l-aħħar tliet snin kien kif jidher fit-tabella mehmuża.
Jista' il-Ministru jgħid għalfejn għadu ma ħariġx il-permess għal-liċenzja u għar-reġistrazzjoni ta' vettura FBN - 608? Jista' jgħid meta se joħroġ dan il-permess?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li din il-vettura ġiet reġistrata mad-Direttorat tal-Liċenzji u Testijiet fit-12 ta' Ġunju 2002.
Peress li din il-vettura ma kienitx ġdida meta din ġiet reġistrata, is-sid kien mitlub jippreżenta Inspection Form mingħand i-pulizija qabel ma tinħareġ il-liċenzja tat-triq.
Fis-7 ta' Novembru 2003, il-pulizija informat id-Direttorat tal-Liċenzji u Testijiet li ma għandix oġġezzjoni għal-liċenzja ta' din il-vettura u għaldaqstant din il-vettura tista tiġi liċenzjata.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 2463 u cioe' jista' jgħid x'passi ttieħdu mill-MEPA biex jitneħħew jew jiġu regolarizzati strutturi llegali f'numru ta' appartamenti in konnessjoni ma' każ DN 598/03 biex ikun jista' jiġi nstallat lift bir-riferenza ta' l-awtorita' tad-djar HAV 3/2003?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar kienet ħadet diversi miżuri kontra sidien jew okkupanti / residenti t' appartamenti minn ġo dan il-Housing Estate u dan peress li kienu twaħħlu aperturi ta' aluminium / ħadid u ħġieġ ma’ verandi miftuħa u mal-faċċati rispettivi tal-blokki sabiex dawn il-verandi ikunu jistgħu jintużaw bħala estensjoni interna ta’ l-istess appartamenti. Fil-fatt kienu ġew servuti 15-il Avviż biex Tieqaf u tat-Twettieq kontra min hu ikkonċernat inkluż il-Kummissarju ta l-Artijiet bħala sid u dan skond l-Att Nru 1 tal 1992 dwar l-Ippjanar ta’ l-Iżvilupp. Kienu saru diversi applikazzjonijiet mis-sidien sabiex dan l-iżvillupp jiġi rregolarizzat skond il-liġi iżda dawn ġew kollha irrifjutati mill-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA). Minħabba f' hekk l-Avviżi maħruġa ġew inklużi fil-lista ta' Azzjoni Diretta sabiex il-MEPA tgħaddi hija stess biex tneħħi l-iżvillupp in kwestjoni.
Jista' il-Ministru jgħid jekk l-aħħar parti tat-Triq Emvin Cremona li tmiss ma' Triq P.P. Ruebens f'Ħ'Attard hemmx ħsieb li ta' l-inqas tingħata wiċċ asfalt biex jitnaqqsu t-trabijiet kbar li hemm fiha? Jista' jgħid kemm hu ppjanat li tiġi l-ispiża?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi t-triq imsemmija ġiet inkluża fil-programm ta' kostruzzjoni ta' toroq li qed isiru mill-Awtorita` dwar it-Trasport, u x-xogħol isir aktar il-quddiem skond il-prijoritajiet. L-istima tax-xogħol f'din it-triq tkun tista tiġi ppreparata meta x-xogħol ikun ser isir.
B'riferenza għall-mistoqsija paralmentari 1775, jista' il-Ministru jgħid x'kienu t-talbiet minn naħa tal-kunsill lokali ta' Ħ'Attard biex tingħata uplift lil Berġa ta' Ħ'Attard? Xi pjan totali hemm għall-berġa? Kemm se tkun l-ispiża totali?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ma saret ebda talba minn naħa tal-kunsill Lokali ta' Ħ'Attard biex il-berga fl-istess lokal tiġi refurbished.
Il-pjan li hemm għas-sena id-dieħla huwa ta' refurbishment ta' rutina sabiex l-ambjent ikun ta' livell aċċettabli.
L-ispejjeż biex dan isir għadhom ma ġewx finaliżżati.
Jista' il-Ministru jgħid kemm-il berġa ġiet irranġata tul dawn l-aħħar ħames snin? X'tip ta' xogħol sar? Kemm kienet l-ispiża għal kull berġa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
F'dawn l-aħħar ħames snin il-bereġ li ġew irranġati huma ta' San Ġwann, tal-Belt Valletta (strada Żekka), Żejtun, Siġġiewi, Ħamrun, Santa Venera, Ħal-Tarxien, Santa Luċija, Xgħajra, Mġarr, u ta' San Pawl il-Baħar. Barra minn dawn, il-bereġ l-oħra ġew mgħotija manutenzjoni minn nies tal-maintenance tad-dipartiment tal-Kura Primarja meta kien meħtieġ.
Jista' il-Ministru jgħid fiex waslu l-applikazzjonijiet relatati mas-sejħa għal post ta' għassies/uffiċjal korrettiv fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin? Kemm kien hemm applikazzjonijiet? Kemm hu mistenni li jkun in-numru ta' dawk li jiġu magħżula?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi kien hemm mitejn u ħamsa u disgħin (295) applikazzjoni relatati mas-sejħa għal post ta` għassies/uffiċjal fil-Faċilita` Korrettiva ta` Kordin.
Wara li saru l-interviews, ir-riżultati intbagħtu għand l-uffiċċju tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.
Huwa mistenni li n-numru ta` dawk magħżula ikun ta` ħamsa u tletin (35).
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 31,219, tas-seduta 588 tal-25.11.91 dwar Triq Ferdinand Inglott, f'Ħ'Attard, liema tweġiba kienet tgħid li din it-triq se tissewwa wara li jitlesta x-xogħol urġenti, jista' il-Ministru jgħid jekk wara 13-il sena din it-triq hijiex se tingħata wiċċ ta' tarmac tant meħtieġ? Kemm hu ppjanat li tiġi l-ispiża?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi t-triq imsemmija ġiet inkluża fil-program ta' kostruzzjoni ta' toroq li qed isiru mill-Awtorita` dwar it-Trasport, u x-xogħol isir aktar il-quddiem skond il-prijoritajiet. L-istima tax-xogħol f'din it-triq tkun tista' tiġi ppreparata meta x-xogħol ikun ser isir.
Jista' il-Ministru jgħid jekk Triq is-Siġġiewi li minn Ħaż-Żebbuġ twassal għas-Siġġiewi hijiex se tiġi rranġata? Jista' jgħid kemm hu ppjanat li tiġi l-ispiża?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi l-Awtorita` dwar it-Trasport qegħda tikkonsidra jekk ix-xogħol imsemmi mill-Onorevoli Interpellant ikunx jista' jitwettaq taħt il-ħames protocol finanzjarju ma' l-Italja.