Jista' il-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5785 u cioe' jista' jara li jkun hemm mezz sikur, forsi permezz ta’ traffic lights jew pellican lights, biex residenti jkunu jistgħu jaqsmu mill-inħawi ta’ Triq s-Serkien għall-inħawi ta’ Triq Nerik Sacco fil-Marsa?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Informat li diġa' hemm pelican crossing viċin il-lokalita' indikata. Għalhekk mhux possibbli li jsir pelican crossing ieħor fl-inħawi. Madanakollu, id-direttorat tat-toroq ħaseb biex tinbena subway f'din il-lokalita'. Ix-xogħol mistenni jinbeda hekk kif jiġu riżolti xi problemi amministrattivi bejn id-direttorat tat-toroq u l-kumpannija li ġiet allokata t-tender. Dawn il-problemi rriżultaw wara tibdil mill-awtorita' ta' l-ippjanar fil-pjanti oriġinali.
Jista' il-Ministru jgħid xi pjanijiet għandu l-gvern biex jirranġa l-aquaducts li jinsabu fir-Rabat, Ħ'Attard, Ħal Balzan, Birkirkara u r-Rabat? X'tip ta' irranġar se jsir? Kemm se jieħu żmien biex ikun komplut il-proġett? Kemm se jiġi jiswa dan il-proġett? Ma liema kunsilli saru taħditiet dwar dan il-proġett u x'tip ta' ftehim sar ma kull kunsill?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li dan il-proġett jinkludi tindif tal-ġebla, tneħħija ta' tikħil , bħalma huwa cement, ftuħ ta' fili u tberfil b'taħlita addatta, trattament u tneħħija ta' ħaxix ħażin, imsiemer, wires, cables, papijiet u kull tip ta' materjal ieħor li ma' tul iż-żmien kienu twaħħlu mal-monument. Barra minn dan ser isir ukoll il-pavimentar madwar l-arkati kif ukoll sistema gdida ta' dawl.
Il-proġett ta' restawr (pointing, tindif u bdil ta' ġebel) tal-monument huwa ppjanat li jsir fi żmien sena u l-ispiża hija stmatha madwar Lm40,000 fuq il-materjal, li ser tiġi ffinanzjatha mill-Kunsilli Lokali. Il-labour cost ta' madwar Lm100,000 qed jiġi offrut mill-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura. L-istima ta' l-ispiża tal-pavimentar u ta' l-istallazzjoni tad-dawl għad trid tinħadem'
Ix-xogħol ta' restawr inbed fis-17 ta' Mejju, 2004.
Jista' il-Ministru jgħid min huma l-uffiċjali tal-union tal-mużiċisti? Kemm-il darba ltaqa' magħhom? Jaf meta saret l-aħħar laqgħa ġenerali annwali ta' din il-union? Jista' jgħid kemm hu n-numru tal-mużiċisti (full paid) li jsostnu din il-union?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onor Membru jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista’ il-Ministru jara li jsir t-tindif neċessarju f'Wied Blandun "B"- Raħal Ġdid / Fgura?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li t-tindif ta' dan il-wied huwa mdaħħal fil-programm tat-tindif tal-widien. Peress li jrid isir tindif ukoll f'Wied is-Sewda - Attard, Wied il-Kbir - Qormi, Marsa Sports Complex, Għajn Riħana - Burmarrad u Wied Baqqija - Ħaż-Żebbuġ/Siġġiewi, it-tindif tal-Wied imsemmi mill-Onor. Interpellant isir wara t-tindif tal-widien msemmija.
L-iżvilupp tal-Baċir Numru 1 fil-kuntest tal-proġett tal-Kottonera qed ikun ikkunsidrat mill-Ministeru għall-Iżvilupp Urban u Toroq u huma parti mill-aġenda ta’ proġetti li jkunu segwiti mill-Kumitat tal-Kabinett għall-Proġetti Nazzjonali.
Fiż-żmien opportun jitħabbru d-deċiżjonijiet li jkunu ttieħdu.
Jista’ il-Ministru jikkonsidra li il-Gozo Channel ma tkompliex tgħabbi l-"cargo" minn Sa Maison izda dan ix-xogħol jibda jsir billi vapuri tal-Gozo Channel jorbtu viċin Ras Ħanzir jew minn post ieħor fil-Port il-Kbir?
Response (GATT, AUSTIN)
Il-Kumpannija Gozo Channel investit billi rranġat il-moll ta' Sa Maison kif ukoll xtrat weighbridge biex tassigura li ma jsirx ħsara fuq il-vapuri tagħha.
Id-dħul u ħruġ mill-port ta' Sa Maison huwa aktar effiicjenti minħabba li l-vapuri ġieli jkollhom jistennew wara vapuri oħrajn jekk topera mill-Port il-Kbir.
Il-postijiet minn fejn tista' topera ġewwa l-Port huma limitati, u, jekk topera minhemm, iżid il-volum tat-traffiku lejn il-Belt Valletta.
Ir-rotta tal-cargo ser tiġi liberalizzata, u għalhekk m'huwiex vjabbli għall-raġunijiet imsemmija hawn fuq li l-Kumpannija tbiddel il-lok minn fejn tagħmel il-vjaġġi tal-cargo.
Ħaż Żebbuġ, Malta — Tal-Grazzja - problemi ta' l-għargħar
Question
Jista' il-Minsitru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 4185 u cioe' jista' jgħid jekk hemmx xi pjan biex tissolva l-problema ta' l-għargħar kawżati mill-ilmijiet li jinżlu fl-inħawi tal-Grazzja f'Ħaż-Żebbuġ, Malta u li jaffettwaw it-toroq tal-Grazzja, Xmurn Attard, Prof. Daniel Callus u Fra Fred Mattei?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li fil-bidu tas-sena 2002 kien inbeda xi xogħol fuq sistema ta' lqugħ ta' ilma fl-inħawi msemmija b'inizjattiva tal-Kunsill Lokali ta' Ħaż-Żebbuġ, li kien ikopri parti minn Main Street, parti minn Triq il-Mitħna u wasal sa Triq Fra Fred Mattei. Biex dan ix-xogħol ikun komplut għad jonqos xi xogħol fil-kumplament tat-toroq imsemmija fid-domanda tal-Onorevoli Nterpellant. Dan għadu kompitu tal-Kunsill Lokali konċernat. Fil-frattemp il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura għaddej bi pjan ħolistiku li jikkomprendi siti bi problemi ta' għargħar fl-lokalitajiet diversi f'Malta u Għawdex li jinkludu Ħaż-Żebbuġ f'Malta.
Ħ'Attard — Skola Thai Lakin - immaniġjar tat-traffiku
Question
Jista' il-Ministru jgħid jekk għandux talbiet biex tiġi rranġata s-sitwazzjoni tat-traffiku li jkun hemm waqt id-dħul u l-ħruġ tat-tfal ta' l-iskola tat-Thai Lakin f'Ħ'Attard?
Jista' jgħid x'inhuma dawn it-talbiet u jekk l-awtorita' dwar it-trasport taqbilx magħhom?
Jekk fil-pożittiv, meta se jitwettqu u jekk fin-negattiv, x'inhuma l-proposti ta' l-esperti ta' l-awtorita'?
Jaf il-Ministru li r-resdienti tat-toroq ta' madwar l-iskola qed ikollhom diversi problemi u l-ġenituri tat-tfal li jwasslu l-uliedhom l-iskola mhux qed ikollhom fejn jipparkjaw biex iwasslu l-uliedhom l-iskola?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta irceviet diversi talbiet dwar is-sitwazzjoni tat-traffiku li qed jirreferi ghaliha l-Onor. Interpellant, fosthom li tingħalaq it-triq fil-ħinijiet tad-dħul u ħruġ ta' l-iskola.
Peress li Triq Żebbuġ hija triq distributorja, l-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta ma setgħatx tilqa' din it-talba, għax m'hiex il-policy ta' l-Awtorita' li jingħalqu toroq arterji u distributorji għal dan il-għan.
Madankollu l-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta ħadet diversi miżuri biex tittaffa is-sitwazzjoni u ttejjeb is-sigurta' tat-tfal ta' l-iskola fosthom, l-implimentazzjoni tal-pelican crossing, it-tpoġġija ta' guard rails u l-irranġar tas-sinjali tal-parkeġġ quddiem l-iskola.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 227, jista' il-Ministru jgħid jekk ix-xogħol ta' twaħħil ta' pelican light fi Triq Santa Katerina, Ħ'Attard kenitx inkluża f'tender biex issir?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab informat illi fil-ġranet li ġejjin mistennija toħroġ it-tender sabiex tkun tista’ issir l-istallazzjoni tal-pelican crossing imsemmija mill-Onor. Interpellant.
B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 224 u 1735, jista' il-Ministru jgħid jekk kienx hemm żviluppi dwar il-kumpless u cioe' jekk ingħatax l-award tat-tender? Meta se jibda x-xogħol? Kemm se jiġi jiswa dan ix-xogħol?
Jista' jipprovdi kopja tal-pjanti ta' kif ġej il-kumpless sportiv? Min se jkun responsabbli mix-xogħlijiet u meta hu maħsub li x-xogħol jitlesta?
Response (GALEA, LOUIS)
S'issa ma kienx hemm żviluppi ġodda x'nista nirraporta.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex id-Direttorat għall-Immanigjar tat-Traffiku għadu ma awtoriżżax post riservat għall-użu tal-minibus li twassal lit-tfal għad-duttrina fi Triq Ħal Warda f'Ħ'Attard?
Jista' l-Ministru jitlob lid-Diretorat biex malajr kemm jista jkun, minħabba l-fatt li Triq Ħal Warda hi triq perikoluża u traffikuża u jkun hemm parking matul it-Triq kollha u li jagħmilha difficli jekk mhux impossibbli li l-minibus iwassal u jwaqqaf lit-tfal viċin ta’ Dar it-Tagħlim Nisrani, jordna li jsir dan il-post riservat? Ma jaħsibx il-Ministru li parking temporanju għall-minibus fil-ħin tad-duttrina jagħmel dan l-ambjent għat-tfal aktar san u sikur?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa l-Awtorita dwar it-Trasport ta' Malta qed tagħmel evalwazzjoni tal-permessi li nħarġu u qed tinvestiga każijiet ta' reserved parking illegali - fosthom fiż-żona li semma l-Onor. Interpellant. L-Awtorita tikkonsidra kull talba li taqa' taħt l-ambitu tal-linji ta' gwida tagħha. Irrid inżid ukoll illi l-Awtorita dwar it-Trasport ta' Malta qed tara kif tista' toħloq rotot aktar sikuri għat-tfal li jattendu l-iskejjel, kemm akkademiċi u kemm dawk reliġjużi.
Sadanittant tajt struzzjonijiet lid-Direttorat għall-immaniġġjar tat-Traffiku biex jevalwa din il-proposta.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 2541 jista' l-Ministru jikkonferma li Triq is-Siġġiewi, li minn Ħaż-Żebbuġ twassal għas-Siġġiewi, ser tiġi rranġata mill-fondi tal-Ħames protokoll finanzjarju ma' l-Italja? Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu ppjanat li tiġi l-ispiza u meta se jibda x-xogħol?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat illi s-sejħa għall-offerti biex jitwettqu x-xogħlijiet taħt il-Ħames Protokoll Taljan kienet tinkludi x-xogħol li hu meħtieġ fi Triq is-Siġġiewi. Peress li l-offerti li ntefgħu għadhom qegħdin jiġu evalwati, għadu mhux possibli li tingħata l-informazzjoni mitluba fit-tieni parti tal-mistoqsija parlamentari.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-berġa ta' Ħ'Attard hix se tiġi refurbished? Jekk iva, fiex se jikkonsisti dan ix-xogħol u kemm se tkun l-ispiża?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li għall-Berġa ta' Ħ'Attard hemm pjanijiet biex tiġi refurbished. Fil-fatt diġa' saru laqgħat u taħditiet f'Jannar li għadda u ntbagħtu perit u ħadddiema tad-Dipartiment biex jispezzjonaw il-post u jirraportaw.
Il-Kunsill Lokali issa qiegħed jistenna minn naħa tal-AFM biex dawn, bħala s-sidien tal-proprjeta', jagħtu l-permess meħtieġ sabiex id-Dipartiment tal-Kura Primarja jkun jista' jutiliżża l-area li kienet tintuża mill-iScouts u li tagħmel parti mill-kumplesstal-berġa.
L-ispiża ta' dan ix-xogħol għadha ma ġietx stmata.
Jista' il-Ministru jgħid meta se jsir ix-xogħol ta' drenaġġ fi Triq iz-Zahar, Triq it-Tahhan u Triq il-Larinġ, f'Ħ'Attard? Jista' jgħid kemm se jiġi jiswa dan il-proġett? Jista' jgħid jekk kienx hemm xi diffikultajiet biex tingħaqad is-sistema tad-drenaġġ mill-Mosta għal Ħ'Attard via Triq Pantar?
Response (GATT, AUSTIN)
Ix-xogħolijiet li hemm bżonn kienu nbdew lejn l-aħħar tas-sena 2002 iżda kellhom jitwaqqfu minħabba li fi Triq Pantar hemm cable 33kV ta' l-Enemalta u ma hemmx indikazzjoni eżatta ta' minn fejn hu għaddej dan il-cable li kien tqiegħed meta flok it-triq kien hemm sqaq dejjaq u mgħawweġ.
Sar attentat biex il-main tad-drenaġġ jgħaddi minn propjeta' privata biswit Triq Pantar iżda xi proprjetarji kienu oġġezzjonaw.
Il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma qed tistenna li jsiru investigazzjonijiet ulterjuri mill-Enemalta dwar il-pożizzjoni eżatta tal-cable. Jekk din tibqa' ma tinstabx, il-KSI ikollha tagħaddi minn propjeta' privata wara li jsiru l-proċeduri neċessarji biex jinħoloq servitu' fil-każ tal-proprjetarji li qed joġġezzjonaw.
Oriġinarjament il-kuntratt li kien ingħata fl-2002 kien ta' madwar Lm30,000.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew ikkonfermati lill-pulizija każi ta' overdose matul din is-sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta` Diċembru 2003 u l-14 ta` Frar 2004 ġew irrapurtati lill-Pulizija seba` każijiet ta` mwiet b`suspett ta` overdose. Tnejn minnhom sussegwentement ġew esklużi li kien riżultat ta` abbuż ta` droga, filwaqt li f`każ ieħor sa issa mit-test tossikoloġiku ġiet eskluża l-preżenza ta` droga, iżda qed isiru testijiet oħra. Fl-erba` każijiet l-oħra, il-każ jindika suspett qawwi ta` abbuż ta` droga.
Jista' il-Ministru jgħid meta ser jingħatalhom kompjuter laptop l-għalliema li daħlu bħala complementary teachers f'Settembru 2002?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li id-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni se joħroġ tender għax-xiri tal-laptops biex dawn il-complementary teachers li s'issa m'għandhomx laptop jiġu mogħtija wieħed.