Jista' il-Ministru jgħid jekk it-torċa Olimpika hijiex ser tgħaddi minn Malta fi triqta lejn il-Greċja? Jekk iva meta ser tkun f'pajjiżna u jekk le għaliex pajjiżna ma ġiex inkluż fil-lista' ta' pajjiżi li minnhom ser tgħaddi it-torċa olimpika?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma saritx stedina mill-Kumitat Olimpiku Malti biex it-torċa Olimpika iżżur Malta minħabba l-ispiża konsiderevoli involuta.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 5046, jista' il-Ministru jgħid jekk kienx hemm żviluppi biex ikun jista' isir ix-xogħol ta' drenaġġ fi Triq iz-Zahar, Triq it-Tahhan u Triq il-Larinġ, f'Ħ'Attard?
Jista' jgħid kemm se jiġi jiswa aktar milli kien proġettat dan il-proġett?
Jista' jgħid kif se jintgħelbu d-diffikultajiet biex tingħaqad sistema tad-drenaġġ mill-Mosta għal Ħ'Attard via Triq Pantar?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li l-imsemmi xogħol hu mistenni li jibda fl-ewwel ġimgħa ta' Lulju mill-kuntrattur wara li issa kienet stabbilita r-rotta tal-cable ta' l-Enemalta fi Triq Pantar, xogħol li sar mill-ħaddiema ta' l-Enemalta u tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma.
Dan il-proġett hu mistenni li jiswa madwar Lm33,000, sakemm ma jkunx hemm xi tibdiliet minħabba xi kundizzjonijiet ta' l-art fejn se jsir ix-xogħol.
Is-sistema tad-drenaġġ fl-imsemmija toroq imbagħad se tkun tista titqabbad ma dan il-mejn il-ġdid fi Triq Pantar.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid min ħin sa x'ħin għandu l-permess il-lokal Foreste/Numero Uno, Ta' Qali, biex jiftaħ u f'liema ġranet tal-ġimgħa?
Jista' jgħid sa x'ħin jista' jinżamm mixgħul il-volum għoli tal-mużika, li fil-ħinijiet tal-lejl jinstemgħu b'mod qawwi kemm minn Ħ'Attard kif ukoll mill-Mosta?
Jista' jgħid jekk tul dawn l-aħħar tlett ġimgħat il-pulizija għamlitx ronda fl-inħawi ta' dan il-post, speċjalment fil-ħinijiet qrib it-3.00 a.m., biex tara li jitnaqqas il-volum qawwi ta' mużika li joħroġ minn dan il-post?
Jista' jgħid jekk il-pulizija kelliex rapporti minn residenti dwar mużika għolja ħierġa minn dan il-post fis-sigħat bikrija ta' filgħodu? Kemm-il rapport kien hemm?
Jista' jgħid jekk dan il-post qattx ġie mmultat mill-qorti talli nstab ħati li kellu mużika għolja f'ħinijiet li mhux suppost u kemm kienu jammontaw għal flus jew penali oħra li ngħataw bħala kastig mill-qorti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi minn verifiki li għamlet il-Pulizija jirriżulta illi l-istabbiliment imsemmi huwa liċenzjat sabiex jibqa' miftuħ sa l-4.00am il-ġimgħa kollha. Infurmat ukoll illi, matul dawn l-aħħar tlett ġimgħat ma kienx hemm rapporti lill-Pulizija dwar dan l-istabbiliment, filwaqt li mir-records disponibbli, ma jirriżultax li sid dan l-istabbiliment kien ġie mmultat mill-Qorti wara li nstab ħati li ħalla tindaqq mużika b'volum għoli. Għal aktar tagħrif dwar il-liċenzji fuq dan l-istabbiliment nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel, Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.
Jista' il-Ministru jgħid kemm jintnefqu flus, fix-xahar jew fis-sena, mis-sena 2000 sa llum, fi prodotti gluten free?
Jista' jgħid kemm hemm persuni li jibbenefikaw minn din is-sistema? Jista' jaqsam din l-istatistika f'irġiel, nisa u persuni taħt it-18-il sena?
Jaħseb li s-sistema ta kif jitqassmu dawn il-prodotti tista' titjieb?
Jista' jgħid min jiġi konsultat fl-għażla tal-prodotti li jinxtraw?
Jista' jgħid jekk il-ministeru jew is-segretarjat parlamentari fl-istess ministeru irċeviex talba biex jiltaqa' mac-Coeliac Association? Jekk fl-affermattiv, meta saret din il-laqgħa u x'ġie diskuss?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għada qed tinġabar. Risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jikkonferma li l-Awtorita' Maltija dwar t-trasport ħarġet tenderli kien jgħalaq fis-26 ta' Settembru 2003 biex fost toroq oħra isiru Triq Mons A Caruana Imqabba, Triq Ġdida fi Triq Mons A Caruana fl-Imqabba u Triq Ġdida fi Triq Ġdida fi Triq Mons A Caruana fl-Imqabba? Jista' il-Ministru jgħid jekk dawn it-toroq humiex intiżi li jsiru permezz ta' dan it-tender u jekk fl-affermattiv meta ser isiru?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab informat illi f'Settembru 2003 keinet ħarġet tender sabiex isiru toroq: Triq Mons. A. Caruana, Triq Ġdida fi Triq a. Caruana u Triq Ġdida fi Triq Ġdida fi Triq A. Caruana, hekk kif imsemmi mill-Onor. Interpellant.
Dawn it-tenders ma kienux ingħataw minħabba li l-prezzijiet mitluba mill-kuntrattur kienu konsiderevolment ogħla mil-limiti stabiliti mid-Direttorat. Madanakollu, l-imsemmija tenders reġgħu inħarġu fi Frar 2004 u fil-preżent għadhom qed jiġu aġġudikati.
B'referenza għal mistoqsija parlamentari 5049, jista' il-Ministru jgħid jekk t-tender sabiex tkun tista' tiġi installata pelican crossing fi Triq Santa Katerina ħarġitx? Jekk iva, meta ħarġet?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Informat illi t-tender għall-istallazzjoni tal-pelican crossing fi Triq Santa Katerina mistennija toħroġ aktar 'il quddiem.
Jista' il-Ministru jgħid f'liema toroq prinċipali nbeda x-xogħol li qed isir mill-fondi tal-Protokoll Taljan? X'tip ta' xogħol sar sa llum?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Lista ta' toroq fejn inbeda x-xogħol iffinanzjat mill-protokoll ma' l-Italja hekk kif mitlub mill-Onor. Inerpellant:
Xogħlijiet iffinanzjati taħt il-Ħames Protokoll ma' l-Italja
Mir-roundabout junction tal-Qlejja, Mosta mal-junction ma' Triq il-Madonna tal-Qlejja;
Mir-roundabout junction bejn Triq Notabile Attard u Triq l-Imdina, Żebbuġ mar-roundabout junction bejn triq Żebbuġ, Attard u Triq l-Imdina Żebbuġ;
Mir-roundabout junction bejn Triq l-Imdina Żebbuġ u Triq Siġġiewi sa Triq l-Imdina junction ma' Triq Anġlu Borg Qormi.
Madanakollu x-xogħlijiet li saru s'issa ma jinkludux:
Ko-ordinazzjoni ma immaniġjar tat-traffiku u stallazzjoni tas-sinjali neċessarji;
Tfassil tad-dettalji tal-kostruzzjoni;
Qlugħ tal-wiċċ tat-triq eżistenti;
Xogħlijiet ta' trinek għall-istallazzjoni tas-servizzi.
Jista' il-Ministru jgħid jekk Triq il-Pitirross f'Ħal Għaxaq u Triq in-Nigem f'Ħal Għaxaq ukoll humiex responsabbilta' tal-gvern biex jingħataw it-tarmac? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid meta dan ix-xogħol se jsir?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Informat illi t-toroq imsemmija mill-Onor. Interpellant huma toroq mhux asfaltati u għalhekk jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tal-Gvern Ċentrali.
Fir-rigward ta' Triq In-Niġem, diġa' ħarġet tender u fil-preżent qegħda fil-proċess ta' aġġudikazzjoni. Triq il-Pitirross ġiet inkluża fil-programm ta' kostruzzjoni ta' toroq li qed isiru mid-direttorat, u x-xogħol isir aktar 'il quddiem skond il-prioritajiet li jkollu quddiemu d-Direttorat.
Jista' il-Ministru jgħid min huma l-uffiċjali tal-union tal-mużiċisti? Kemm-il darba iltaqa' magħhom? Meta saret l-aħħar laqgħa ġenerali annwali ta' din il-union? Jista' jgħid kemm hu n-numru ta' mużiċisti fully paid li jsostnu din il-union?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-uffiċjali tal-Unjin tal-Mużiċisti huma hekk :
President - Val Valente
Viċe President - Adrian Ebejer
Teżorier - Alfred Ebejer
Ass/Teżorier - Harry Edellston
Ass/Segretarju - Alfred Żammit
Public Relations - Serġio Micallef
Membri - Emanuel Calleja
George Sciberras
Informat li l-aħħar laqgħa annwali saret il-Ħadd fit-12 ta' Marzu 2002 u li n-numru tal-mużiċisti b'miżati ta' sħubija mħallsa li jsostnu din il-union hu ta' 236.
Mindu ingħatajt il-kariga preżenti f'April ta' din is-sena, ma jirriżultalix li saritli xi talba għal xi laqgħa miegħi. Naturalment nieħu gost niltaqa' mar-rappreżentanti tal-mużiċisti.
Jista' il-Ministru jgħid meta hu maħsub li Triq Konti R. Barbaro, f'Ħ'Attard tingħata t-tarmac? Jista' jgħid kemm hu ppjanat li tiġi l-ispiża?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab informat illi Triq Konti R. Barbaro qegħda nkluża mal-lista ta' toroq li jridu jiġu asfaltati u x-xogħlijiet isiru aktar 'il quddiem skond il-prioritajiet tax-xogħol li għandha quddiemha l-awtorita' dwar it-trasport.
Jista' il-Ministru jgħid jekk iċ-ċint li kien qed jinbena fi Triq is-Sur fil-Fgura hux se jitkompla?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li peress li Triq is-Sur fil-Fgura hija twila ħafna, infatti tibda minn tarf il-Fgura sas-Sur ta' Bormla, nitlob lill-Onor. Interpellant jindikali eżattament il-lokazzjoni li qed jirreferi għaliha.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 5893, jista' il-Ministru jagħti l-parir biex tingħata priorita' li ssir it-tkomplija tal-bankina bejn il-gate ta' Wands u l-gate ta' Posta Ltd. f'Ħal Qormi minflok ikun hemm street parking minħabba l-fatt ukoll li 50 metru 'l isfel hemm car park kbir (ħdejn il-korsa taż-żwiemel u quddiem il-fabbrika tal-birra) li jesa' ħafna karozzi u għaldaqstant il-karozzi jkunu jistgħu jipparkjaw fih?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
M'għandi xejn xi nżid mar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 5893.
Għawdex — Dipartimenti tal-gvern - Vacancies fi grad ta' principal
Question
Tista' il-Ministru tgħid kemm hemm vacancies fi grad ta' principal fid-dipartimenti tal-gvern f'Għawdex? Tista' tagħti data meta dawn il-vacancies f'Għawdex se jimtlew minn ħaddiema Għawdxin li qed jaħdmu f'Malta?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li n-numru ta’ vaganzi fil-grad ta’ Prinċipal fid-dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru għal Għawdex jammonta għal 7.
Nitlob lill-Onor. Interpellant ipoġġi t-tieni parti tal-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hijiex ir-responsabbilta' tad-dipartiment tas-saħħa li jara li l-ħamiem ma jitħallewx itiru matul il-ġurnata kollha fuq djar tan-nies meta hemm persuni li jkunu qed irabbu dawn l-istess ħamiem? Konxju l-Ministru mill-fatt li dawn il-ħamiem iħammġu fuq id-djar u l-bjut tan-nies b'dannu għas-saħħa ta' l-istess residenti? Jista' jinvestiga l-każ ta' numru ta' ħamiem li qed jitħallew liberi matul il-ġurnata kollha fl-inħawi ta' Triq l-Imnajjar, f'Birkirkara?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Le m'hijiex ir-responsabbilta' tad-Dipartiment tas-Saħħa.
Jista' il-Ministru jara li ssir it-tkomplija ta' bankina bejn il-gate tal-Wands u l-gate ta' Posta Ltd f'Ħal Qormi?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Informat jekk issir il-bankina fit-triq li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant ikollu jitneħħa l-parking li hemm quddiem il-Maltapost għaliex il-wisgħa tat-triq ma jippermettix li jkun hemm bankina u street parking.
Jista' il-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol f'Wied is-Sewda, f'Ħ'Attard? X'se jkun jikkonsisti dan ix-xogħol? Kemm se jkun jiswa flus biex jitlesta dan it-tindif?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li x-xogħol fuq Wied is-Sewda nbeda fis-16 ta' Frar 2004. Beda t-tindif u s'issa tneħħew mal-500 tunellata ta' materjal. Barra minn hekk saret twittija fil-wied sabiex b'hekk ġew iffurmati passaġġi minn fejn l-inġenji jkunu jistgħu jgħaddu.
Jista' il-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol f'Wied Baqqija f'Ħaż-Żebbuġ/Siġġiewi? X'se jkun jikkonsisti dan ix-xogħol? Kemm se jkun jiswa flus biex jitlesta dan it-tindif?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li minħabba prijoritajiet oħra, ix-xogħol f'Wied Baqqija f'Ħaż-Żebbuġ/Siġġiewi ser isir aktar 'il quddiem.