Jista’ l-Ministru jgħid kemm tfal tal-iskejjel ġew irrappurtati li ġew infettati bl-iSlapped Cheek Syndrome? F’liema perijodu ġara dan? F’liema lokalitajiet ta’ Malta u Għawdex seħħ dan? Kemm hemm tfal li fil-preżent huma infettati?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Din il-mistoqsija għandha ssir lill-Ministru għas-Saħħa li jżomm l-informazzjoni nazzjonali dwar il-mard infettiv.
Slapped Cheek Syndrome – stħarriġ dwar konsegwenzi mediċi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment għas-Servizzi Edukattivi jew xi dipartiment ieħor indagax mal-awtoritajiet tas-saħħa dwar xi konsegwenzi mediċi li tista’ tikkawża l-iSlapped Cheek Syndrome? Jista’ jgħid fil-qosor ir-riżultat ta’ dan l-istħarriġ?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li d-Direttorat għal Servizzi Edukattivi huwa f’kuntatt kontinwu mad-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u Prevenzjoni tal-Mard u dawn tal-aħħar jgħaddu informazzjoni relatata ma’ din il-marda lill-iskejjel. Din l-informazzjoni tagħti tagħrif dwar il-marda, is-sintomi u mezzi ta’ prevenzjoni. Din l-informazzjoni tingħata lill-ġenituri ta’ fejn ikun hemm xi każ.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk kellux informazzjoni li l-iSlapped Cheek Syndrome tista’ tikkawża korrimenti fit-tqala jew kumplikazzjonijiet fil-qalb tat-tarbija?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru ghas-Saħħa li fi ħdanu taqa' The Infectious Disease Prevention and Control Unit.
Jista’ l-Ministru jgħid hux qed jittieħdu prekawzjonijiet speċjali ta’ igjene fl-iskejjel biex ma tkomplix tinfirex l-infezzjoni tal-iSplapped Cheek Syndrome fost l-istudenti u l-għalliema?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-prekawzjonijiet speċjali ta' iġjene kif rakkomandat mill-Infectious Disease Prevention and Control Unit fi ħdan il-Ministeru għas-Saħħa huma l-aktar il-ħasil tal-idejn regolari.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern fassalx pjan ta’ kontinġenza fl-eventwalità li l-iSlapped Cheek Syndrome tkompli tinfirex fl-iskejjel tagħna?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi pjan ta' kontinġenza jsir mill-Infectious Disease Prevention and Control Unit fi ħdan il-Ministeru għas-Saħħa. Id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi qiegħed f'kuntatt kontinwu ma' dan il-unit u jsegwi l-istruzzjonijiet li jingħataw.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux pjan ta’ kontinġenza f’każ ta’ epidemiji ta’ mard kontaġġjuż?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li d-Direttorat għal Servizzi Edukattivi qed iżomm kuntatt kontinwu mad-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u Prevenzjoni tal-Mard u dawn tal-aħħar għandhom protokolli dwar investigazzjonijiet ta’ mard infettiv (Standard Operating Procedures).
Jista’ l-Ministru jgħid il-Youth Specialisation Studies Scheme mnedija mis-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport il-kemm-il edizzjoni hi? Meta ġiet imnedija għall-ewwel darba il-Youth Specialisation Studies Scheme?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Informat li l-Youth Specialisation Studies Scheme (YSSS) hija it-tielet edizzjoni li qed tamministra l-Aġenzija Żgħażagħ. Il-YSSS ilha teżisti mill-1994.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport tas-Segretarju Permanenti li ngħata l-Ministru bħala handover f'Marzu?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Peress li s-Segretarju Permanenti għaddieli diversi rapporti malli nħtart Ministru, l-Onor. Interpellant huwa mitlub ikun iżjed speċifiku fit-talba tiegħu għal liema rapport qed jirreferi.
Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol — Rapport dwar il-proposti elettorali
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport li thejja mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti dwar il-proposti elettorali tal-Partit Laburista li jaqa' taħt id-dekasteru tal-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol? Jista' jagħti d-dettalji ta' kemm ġew stmati il-proposti elettorali tal-Gvern Laburista mid-dipartimenti u mill-entitajiet li ġew konsultati?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan ix-xogħol għadu għaddej u tweġiba komprensiva għadu kmieni wisq biex tingħata.
Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-Youth Stop għaż-żgħażagħ fil-Belt Valletta imħabbar mis-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport huwa l-istess proġett oriġinat, ippjanat, annunzjat, mibdi u inawgurat minn Gvern preċedenti fi Frar li għadda? Jista’ jikkonferma li l-Youth Cafe f’dan il-Youth Stop kien diġà ġie inawgurat u x-xogħol biex jingħataw diversi servizzi oħra minn taħt l-istess saqaf fosthom servizzi mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ, l-Awtorità tad-Djar u entitajiet oħra kien diġà beda sa minn dak iż-żmien?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Il-Youth Stop huwa l-istess proġett li ġie inizjat mill-Gvern preċedenti. Imma l-Gvern preċedenti naqas milli jipprovdi l-istaff neċessarju biex is-servizz jibda jopera. Prova ta' dan hi li jekk bħalissa xi ħadd imur ifittex il-Youth Stop isib bieb magħluq. Dan minbarra li ma saret l-ebda kampanja biex dan is-servizz isiru jafu bih iż-żgħażagħ.
Il-Youth Café hu servizz li beda jopera fi Frar mill-istess binja minn fejn se jkun qed jingħata s-servizz tal-Youth Stop, izda huwa servizz differenti għal kollox u huwa marbut mal-proġett tal-komunita AĊĊESS tal-Belt. Minħabba li c-centru tal-AĊĊESS tal-Belt huwa żgħir, għall-Youth Café kellu jintuża l-istess bini fejn fil-ġejjieni qrib se jinfetaħ il-Youth Stop.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il riċerka ġiet ikkumissjonata jew issieħbet fiha Aġenzija Żgħażagħ mit-twaqqif tagħha? Jista’ jelenka liema huma u jpoġġi kopja tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (BARTOLO, EVARIST)
L-Aġenzija Żagħżagħ ikkummissjonat u ssieħbet fi tlett riċerki li ġew ippublikati. Dawn kienu:-
- Mirrors and Windows: Maltese Young People's Perception of Themselves, their Families, Communities and Society
- The Participation of Maltese Young People in the Voluntary Sector
- Europass Survey 2012 bis-sehem flimkien mal-Malta National Europass Centre.
Kopja ta' dawn ir-riċerki qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Aġenzija Żagħżagħ issieħbet ukoll f'riċerka mal-Kummissarju tat-Tfal dwar id-divertiment taż-żgħażagħ. Din ir-riċerka għadha ma ġietx ippublikata.
Jista’ l-Ministru jgħid meta se tiġi ppubblikata r-riċerka dwar iż-żgħażagħ u l-ħin liberu ta’ Aġenzija Żgħażagħ? Jista’ jgħid meta ġiet ikkumissjonata din ir-riċerka?
Response (BARTOLO, EVARIST)
L-Aġenzija Żgħażagħ u l-Kummissarju tat-Tfal ikkummissjonaw ir-riċerka dwar id-divertiment taż-żghażagħ sena ilu. Din ir-riċerka ġiet ppreżentata nhar il-Ġimgħa 10 ta' Mejju 2013.
Jista' l-Ministru jagħti aktar dettalji dwar ir-rappreżentazzjonijiet li għamlet il-Malta Union of Teachers (MUT) dwar l-użu tal-iskejjel mill-Klabb 3-16? Jista' jikkonferma jekk l-issues li tqajmu mill-MUT ġewx riżolti u kif? Jekk le, jista' jagħti indikazzjoni dwar kif se jiġu solvuti?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li r-rappreżentazzjonijiet li l-MUT għamlet dwar l-użu tal-iskejjel mill-Klabb 3-16 li tmexxi l-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi qed jiġu studjati mill-Fondazzjoni. Il-Fondazzjoni għandha fil-ħsieb li dawn ir-rappreżentazzjonijiet jiġu diskussi mal-Ministeru, mad-Direttorat u mal-MUT.
Dawn l-issues għadhom ma ġewx riżolti allavolja l-Fondazzjoni tqis li għandha komunikazzjoni tajba mal-iskejjel konċernati.
Il-Fondazzjoni se tipproponi qafas ta' ftehim mad-Direttorat u l-iskejjel fejn hemm is-servizz sabiex il-partijiet kollha jkunu jafu x'inhu mistenni minnhom bil-miktub.
European Social Fund 1.225 Successful Masters Scholarships — applikazzjoni
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta ġiet sottomessa l-applikazzjoni tal-proġett tal-European Social Fund 1.225 Successful Masters Scholarships, li tħabbret ftit tal-ġranet ilu u jpoġġi kopja tal-applikazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (BARTOLO, EVARIST)
L-applikazzjoni tal-proġett tal-European Social Fund 1.225 'Successful Masters Scholarships' ġiet sottomessa fl-14 ta' Diċembru 2012. Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-isem ta' din l-iskema issa nbidel għal "Master it!".
Qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-applikazzjoni. Kif wieħed jista' jinnota minn Paġna 31 tal-applikazzjoni, l-iskop kien li jintefqu €2 miljuni fi
scholarships
fuq medda ta' sentejn. Bi ftehim mal-
Planning and Priorities Co-ordination Division
fi ħdan is-Segretarjat Parlamentari għall-Presidenza Ewropea tal-2017 u Fondi Ewropej, il-Gvern iddeċieda li jalloka iż-żewġ miljun ewro għal min jixtieq jagħmel
Masters
din is-sena bil-possibilita' li ninvestu aktar miljuni s-sena d-dieħla għal min jixtieq jagħmel
Masters
.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet in-nefqa li saret fis-sena 2012 fl-iSteps Scholarships sabiex isiru ħlasijiet tal-ischolarships tal-istudenti li kienu qed isegwu fil-livell ta' Masters?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li matul l-2012, saret sejħa waħda biss taħt l-iskema "STEPS" li kienet miftuħa għall-Masters biss. Is-sejħa kienet ħarġet f'Mejju 2012. B'kollox ingħataw 150 scholarship u l-valur nett tagħhom hu ta' €1.3 miljun.
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din is-sena, taħt skema oħra ko-finanzjata mill-Unjoni Ewropea, qed nivvutaw €2 miljuni għall-
scholarships
fil-livell ta'
Masters
. L-iskema jisimha "
Master it!
".
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kemm-il skema ta’ scholarship tnediet mill-Gvern, inkluż dawk b’finanzjament mill-Unjoni Ewropea? Liema kienu dawn l-iskemi?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-Gvern, f'dawn ix-xahrejn, nieda skema ta' scholarships jisimha "Master it!". L-iskema hi ko-finanzjata: 85% b'fondi mill-Unjoni Ewropea; 15% b'fondi lokali. Il-Gvern nieda żewġ skemi oħra: il-Malta Government Scholarships Scheme (Post Graduate) u l-Malta Sports Scholarships. Iż-żewġ skemi huma b'fondi lokali.
Iktar tagħrif dwar skemi ta' scholarships li tniedew fl-aħħar seba' snin qed jingħata fit-tweġiba mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari Numru 1134.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il edizzjoni ta’ skemi differenti ta’ scholarships tnedew fl-aħħar seba’ snin? Kemm intefqu flus fuqhom, sena b’sena u skema b’skema?
Response (BARTOLO, EVARIST)
It-tagħrif dwar skemi differenti ta' scholarships li tniedew mid-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja, il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ, u l-MCAST fl-aħħar seba` snin u kemm intefqu flus fuqhom qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw scholarships fl-aħħar seba’ snin?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li f'dawn l-aħħar seba' snin, ingħataw 2,028 scholarships li kienu amministrati mid-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja. Mill-iskemi amministrati mill-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ ibbenefikaw 540 persuna filwaqt li mill-iskemi tal-MCAST ibbenefikaw 182 persuna matul dawn l-aħħar seba' snin.
Jista' l-Ministru jelenka x-xogħol kollu ta' manutenzjoni li sar b'sena b'sena f'dawn l-aħħar għaxar snin mill-Fondazzjoni tal-Iskejjel t'Għada (FTS) u kemm kienet in-nefqa ta' kull xoghol li sar f'kull skola?
Response (BARTOLO, EVARIST)
It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Dipartiment tar-Riżorsi għall-Iskejjel — manutenzjoni ta' skejjel
Question
Jista' l-Ministru jelenka x-xogħol kollu ta' manutenzjoni li sar b'sena b'sena f'dawn l-aħħar ħames snin minn mindu twaqqaf id-Dipartiment tar-Riżorsi għall-Iskejjel fid-Direttorat tas-Servizzi Edukattivi u kemm kienet in-nefqa ta' kull xogħol li sar f'kull skola?
Response (BARTOLO, EVARIST)
It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.