Legislature:
Category:
Reset
Active:

Erasmus Mobility Program – parteċipazzjoni li ma ngħatawx fondi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm applikanti Erasmus Mobility Programme għas-sena 2013 ikkwalifikaw biex jipparteċipaw fil-programm iżda ma ngħatawx fondi biex jagħmlu dan? Għaliex ġara hekk? Setgħu saru arranġamenti differenti? Ġew ikkunsidrati?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fi Frar tal-2013, l-Universita' ta' Malta rċeviet 408 applikazzjoni mingħand studenti interessati li jipparteċipaw fil-programm Erasmus matul is-sena akkademika 2013/2014. Fuq il-bażi ta' kriterji akkademiċi u ta' eliġibilita' tal-programm, intgħażlu 394 student għas-sena 2013/2014 u li minnhom 190 ġew allokati fond ta' għajnuna jew grant, waqt li 201 tpoġġew fuq reserve list fuq raġuni ta' nuqqas ta' fondi u/jew placement barra. S'issa, mill-istudenti magħżula għal 2013/2014, 31 student irtiraw il-kandidatura tagħhom (16 li kienu ġew allokati fond ta' għajnuna u 15 li kienu fuq reserve list). L-Universita' għaddejja b'ħidma kontinwa biex tassigura li meta jirtira student, il-placement u il-grant tiegħu jintiret mill-istudent li jmiss fuq ir-reserve list. Bħalissa fadal 175 student fuq ir-reserve list li minnhom 7 ser jipparteċipaw xorta waħda fil-programm imma mingħajr fond ta' għajnuna. L-Universita' ta' Malta ġiet allokata fondi li jammontaw għal € 455,625 biex jitqassmu lil 150 student taħt l-iskema Erasmus Student Mobility Studies u € 81,000 biex jitqassmu lil 40 student taħt l-iskema Erasmus Student Mobility Placement.

Erasmus Mobility Program – reserve list

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn studenti tal-Università ta' Malta li għandhom placement f’istituzzjonijiet edukattivi u li applikaw taħt l-Erasmus Mobility Programme u qegħdin fuq ir-reserve list ta' din is-sena qed jiġu infurmati li jistgħu jmorru għall-istudju tagħhom barra minn Malta imma jridu jħallsu kollox l-istudenti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi studenti li ġew magħżula għal perjodu ta' studju jew placement f'Universita' barra minn Malta għas-sena akkademika 2013/2014 taħt l-iskema ta' mobilita' Erasmus imma li qegħdin fuq reserve list minħabba nuqqas ta' fondi, għandhom xorta l-possibilta' li jieħdu sehem fil-programm Erasmus. Waqt li dawn jingħataw id-drittijiet kollha bħala studenti Erasmus (ma jitħallsux miżati lill-Universitajiet ospitanti, xorta waħda jingħataw rikonoxximent għall-credits, eċċ.), dawn ma jingħatawx għotja ta' fondi. Din il-miżura kellha tittieħed din is-sena minħabba it-tnaqqis ta' fondi allokati lill-Universita' ta' Malta. Il-Kummissjoni Ewropea tippromwovi wkoll l-mobilita' zero-grant tal-istudenti li japplikaw għall-Erasmus. Għalkemm dan il-fenomenu mhuwiex komuni hawn Malta, din toffri l-għażla lill-istudenti sabiex jesperjenzaw l-mobilita' barra minn Malta xorta waħda, minkejja li ma jkunx hemm biżżejjed fondi disponibbli. F'dan l-istadju, 7 studenti tal-Universita' ta' Malta ddeċidew li jipproċedu għal perjodu Erasmus barra minn Malta fl-ewwel semestru mingħajr għotja ta' fondi.

Eżamijiet tas-Settur Pubbliku – riżultati finali

Question

B’referenza għall-eżamijiet tas-settur pubbliku jista’ l-Ministru jgħid jekk ir-riżultat finali (jiġifieri biż-żewġ intervisti inklużi) ta’ dawk li għaddew mill-eżami ta’ Jannar hux se jiġi ppubblikat qabel ma jsir ir-resit jew qabel ma joħroġ ir-riżultat tar-resit?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi mhux previst li r-riżultati finali, inkluż ir-riżultati tal-intervisti, ikunu ppubblikati qabel ir-resit jew qabel ma joħroġ ir-riżultat tar-resit.

Kunsill Malti għall-Isport — parteċipazzjoni fil-programmi sportivi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif qiegħed jipproġetta li jżid il-parteċipazzjoni fil-programmi sportivi tal-Kunsill Malti għall-Isport matul il-ħames snin li jmiss? X’hemm ippjanat differenti minn dak li kien qed isir diġà jew differenti minn dak li kien ippjanat diġà?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tal-Programmi tal-Kunsill Malti għall-Isport qed iħejji sensiela ta' proposti għall-programmi ġodda biex fil-ġimgħat li ġejjin jitressqu quddiem il-Bord tad-Diretturi għall-approvazzjoni tagħhom.
Leg 12 PQ #2707 Sitting 31 2013-06-17 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz pubbliku — impjegati

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb l-mistoqsija parlamentari 2034 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk hux ippjanajt li jiġu impjegati dawk kollha li jgħaddu mill-eżami li sar f’Jannar 2013 u r-resits tal-istess eżami li jwassal għad-dħul fis-servizz pubbliku?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninsab infurmat li l-ingaġġ f’kull proċess ta’ għażla isir skont il-ħtiġijiet tas-Servizz Pubbliku u l-prijoritajiet tal-Amministrazzjoni, kif iseħħu minn żmien għal żmien.
Leg 12 PQ #2708 Sitting 31 2013-06-17 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz pubbliku – resits tal-eżamijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2033 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk għandux parir li r-resit li se jwassal għad-dħul fis-servizz pubbliku huwa legalment korrett minkejja li fis-sejħa oriġinali ma kienx hemm imħabbar il-possibbiltà ta’ resit? Min ta dan il-parir?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninsab infurmat li, kif imħabbar permezz ta’ ċirkulari numru 9/2013 maħruġa fl-24 ta’ Mejju 2013 mill-Uffiċċju tar-Riżorsi Umani fl-Amministrazzjoni Pubblika, ir-resits ser isiru għal dawk il-kandidati li qagħdu u weħlu mill-eżamijiet li saru f’Jannar ta’ din is-sena, taħt l-awspiċi tad-Dipartiment tal-Eżamijiet, għall-mili ta’ postijiet fis-Servizz Ġenerali; dan bil-kunsens tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.
Leg 12 PQ #2709 Sitting 31 2013-06-17 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għas-Saħħa

Slapped Cheek Syndrome — każijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2023 oriġinarjament imressqa lill-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol u issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm tfal tal-iskejjel ġew irrappurtati bl-iSlapped Cheek Syndrome? F’liema perijodu ġara dan? F’liema lokalitajiet ta’ Malta u Għawdex seħħ dan? Kemm hemm tfal li fil-preżent għadhom infettati?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninforma lil Onorevoli Membru li n-numru tat-tfal irrappurtati bl-Islapped Cheek Sydrome fl-iskejjel minn April ta’din is-sena jammontaw għal 180każ. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

VRT — liċenzji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid hemmx ħsieb li joħorġu liċenzji ġodda ma’ dawk li hemm biex jingħata servizz ta’ VRT?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li abbażi ta' deċizjoni li kienet ittieħdet mill-amministrazzjoni preċedenti, l-ammont ta' liċenzji għal stazzjonijiet ta' VRT huwa fiss, u li dan jammonta għal erbgħin permess. Ninforma wkoll lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru tiegħi se jkun qiegħed jikkunsidra din is-sitwazzjoni b'konsultazzjonijiet mas-settur tal-VRT.

VRT — pjanijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-pjanijiet tal-Gvern għall-futur għas-servizz tal-VRT?

Response (MIZZI, JOE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 2710.

Slapped Cheek Syndrome — kumplikazzjonijiet

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 2025, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru ngħatax informazzjoni mill-awtoritajiet tas-saħħa dwar ir-riskji li tista’ tikkawża l-iSlapped Cheek Syndrome fosthom korrimenti ta’ tqala u kumplikazzjonijiet fil-qalb tat-tarbija? F’dan ir-rigward xi prekawzjonijiet ittieħdu biex jipproteġu għalliema li jistgħu kienu jew qegħdin f’riskju?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-Ministeru fittex pariri mingħand il-Malta College of Obstetricians and Gynaecologists u anke mill-Awtorita' tas-Saħħa u Sigurta' fuq il-Post tax-Xogħol dwar l-effett tas-Slapped Cheek Syndrome fuq nisa tqal. Inħarġet ċirkulari bil-prekawzjonijiet li jridu jittieħdu u li kopja tagħha qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kunsill Malti għall-Isport — impjegati

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 1864 u b’referenza għad-diskors tal-Prim Ministru rigward dan il-każ jista’ l-Ministru jgħid kemm mit-13-il impjegat li daħlu jaħdmu jew ġew ittrasferiti għall-Kunsill Malti għall-Isport ma kenux diġà f’impjieg mal-Gvern?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li mit-13-il persuna imsemmija fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 1864, persuna waħda ma kienitx f'impjieg mal-Gvern.

Tal-Qroqq — Kumpless Sportiv - xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħol sar fil-kumpless sportiv f’Tal-Qroqq fl-aħħar snin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-Kunsill Malti għall-iSport jinvesti spiża rikorrenti ta’ madwar €1.7 miljun fis-sena għall-operat tal-Kumpless Sportiv tal-Qroqq, liema spiża tinkludi t-tisħin taż-żewġ pixxini matul l-istaġun tax-xitwa. Fl-aħħar 5 snin sar titjib ġenerali ieħor fil-kumpless bi spiża ta’ nofs miljun ewro. Fost oħrajn fil-Kumpless Sportiv tal-Qroqq inbidlu s-sand filters tal-pixxina, saru xogħlijiet strutturali ġenerali li jinkludu xogħlijiet fuq showers u changing rooms, titjib fl-isquash courts u żieda ta’ squash courts addizzjonali, estensjoni tal-fitness centre, refurbishment tar-reception area tal-kumpless kif ukoll inħoloq fitness centre għat-tfal. Ma dawn hemm numru ta’ xogħlijiet oħra li saru bi sħab ma’ ghaqdiet sportivi fosthom mal-Aquatic Sports Association fejn sar immodernizzar ta’ numru ta’ kmamar li ngħataw bħala assistenza lill-għaqdiet sportivi, lanes ġodda fil-pixxina għat-taħriġ u kompetizzjonijiet fl-għawm, ingħata liquid membrane fuq l-istands u saret installazzjoni ta’ seats ġodda għall-pubbliku. Mal-Malta Billiards and Snooker Association inħolqot akkademja tal-isnooker.

pixxina nazzjonali — xogħlijiet

Question

Wara li ftit tal-ġimgħat ilu tħabbar li beda x-xogħol fuq il-pixxina nazzjonali, jista’ l-Ministru jgħid liema huwa x-xogħol li qed isir bħalissa? X’se jkun qed isir aktar? X’inhi n-nefqa proġettata? Sa meta se jkun lest dan ix-xogħol?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi s-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport ikkummissjona rapport dwar l-istat eżistenti tal-pixxina nazzjonali. Dan ir-rapport li hu mistenni li jkun sottomess sal-aħħar ta' Ġunju 2013 għandu jidentifika dawk il-postijiet fil-Kumpless Sportiv tal-Qroqq li jinħteġilhom attenzjoni, jidentifika lista ta' xogħlijiet li għandhom isiru f'ordni ta' priorita' u wkoll jagħti stima finanzjarja tax-xogħol li ser ikun rakkomandat li jsir.

Kunsill Malti għall-Isport — programmi

Question

Jista’ l-Ministru jelenka liema programmi sportivi ngħataw mill-Kunsill Malti għall-Isport matul dawn l-aħħar ħames snin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-aħħar ħames snin ingħataw għaxar programmi sportivi differenti li huma:- 1. Skolasport 2. Summer on the Move 3. Sports Buzz 4. Sports Fun 5. Girls on the Move 6. Akkademji 7. Walking and Jogging Clubs 8. Senior Citizens on the Move 9. MUSEUMS 10. Arti Sport Dawn minbarra l-programmi sportivi imtella' mill-iSport Promotion Unit qabel, waqt u wara l-ħinijiet tal-iskola u l-programmi sportivi taħt l-iskema tal-Kunsilli Lokali.

Kunsill Malti għall-Isport – attendenza f’programmi

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-attendenza fil-programmi sportivi tal-Kunsill Malti għall-Isport fl-aħħar snin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Sptar Mater Dei – job exposure għal studenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid hux veru li l-job exposure ta’ Lulju fl-Isptar Mater Dei għall-istudenti ta’ Santa Klara tħassar? Jekk dan huwa minnu, għaliex?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-inizjattiva ta' job exposure ta' Lulju fl-Isptar Mater Dei għall-istudenti ta' Santa Klara ma tħassritx.

Skejjel — Tnaqqis fil-baġit

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għal xiex kien jintuża l-baġit individwali annwali għal kull skola li tnaqqas lil diversi skejjel? Jista’ l-Ministru jgħid l-iskejjel li sofrew dan it-tnaqqis fiex użaw dan il-baġit fl-aħħar 5 snin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infakkar lill-Onor. Interpellant li t-tnaqqis li qed isemmi sar fil-baġit imressaq mill-gvern preċedenti f'Novembru 2012. Il-baġit annwali li jingħata lill-iskejjel jintuża sabiex jiġu kopruti diversi spejjeż ta’ natura medja sabiex jgħinu fit-tmexxija ta’ kuljum tal-iskejjel. Kif diġa ġie mwieġeb fit-tweġiba għal mistoqsija numru 2066, dawn l-ispejjeż, jinqasmu fi tlett kategoriji, iġifieri · Kapital (Capital) , · Materji u Provvisti (Materials and Supplies) u · Tiswijiet u Manutenzjoni (Repair and Upkeep ) F’dawn l-aħħar ħames snin, l-iskejjel għamlu użu tal-fondi li gew allokati lilhom skont dawn it-tlett kategoriji hawn fuq imsemmija.

Skejjel — Tnaqqis fil-baġit

Question

Jista’ l-Ministru jgħid it-tnaqqis imħabbar fil-baġit ta’ kull skola individwali kif se jgħin biex jippromwovi l-kunċett ta’ aktar deċentralizzazjoni fl-edukazzjoni u aktar awtonomija għall-iskejjel?

Response (BARTOLO, EVARIST)

L-Iskejjel Statali diġa għandhom l-awtonomija meħtieġa sabiex jamministraw l-baġit finanzjarju li jingħatalhom kull sena. Nirreferi għat- tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 2066, fejn ġie mfisser li t-tnaqqis li sar fir-rigward tal-fondi Kapitali kien minħabba l-allokazzjoni annwali li ngħata l-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol fil-baġit imressaq mill-gvern preċedenti f'Novembru 2012. Minkejja dan, il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, qiegħed jaħdem sabiex jirkupra dan it-tnaqqis permezz ta’ użu ta’ fondi alternattivi li ser jissarrfu f’xogħlijiet kapitali fl-istess skejjel. Dawn ix-xogħlijiet kapitali ġew identifikati bħala meħtieġa mill-istess skejjel, u huwa proprju għalhekk li l-proċess ta’ deċentralizzazzjoni ser ikompli jiġi mwettaq.

Servizz Pubbliku – resits tal-eżamijiet

Question

B’ referenza għall-eżami ta’ Jannar 2013 li jwassal għad-dħul fis-servizz pubbliku, jista’ l-Ministru jgħid jekk għar-resits li se jsiru fil-gradi kollha hux se jkun possibbli li joqogħdu għall-eżami anke dawk li kienu ċertifikati morda u weħlu għax ma setgħux joqogħdu għall-eżami? Jekk dan huwa minnu, għaliex?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għal ċirkulari tal-PAHRO Nru. 9/2013 fejn hemm indikat li r-resits se jsiru għal dawk li ma għaddewx mill-eżamijiet li saru f'Jannar 2013. Dawk li ma qagħdux għall-eżamijiet ma jistgħux joqgħodu għal resit. Mhux in-norma li jsiru resits għal dawn l-eżamijiet. Se jsiru minħabba dak li ġara u għalhekk se tiġi offruta l-possibiltà ta' resit għal dawk li qagħdu għall-eżamijiet.

Studenti – job exposure

Question

Jista’ l-Ministru jispjega u jgħid x’kien l-iskop ta’ job exposure ta’ student?

Response (BARTOLO, EVARIST)

L-inizjattivi ta' Job Exposure tista' tiġi mwettqa b'varjetà wiesgħa ta' għanijiet. Bażikament dawn l-għanijiet jistgħu jitqassmu f'żewġ kategoriji: dawk edukattivi u dawk ta' esplorazzjoni ta' karrieri. L-għanijiet edukattivi jistgħu jkunu bosta u jinkludu, fost l-oħrajn, li l-istudenti jagħrfu r-relevanza tas-suġġetti akkademiċi għad-dinja tax-xogħol, kif ukoll l-għarfien tal-importanza ta' ħiliet u kompetenzi relatati mal-iżvilupp sħiħ tal-persuna, bħal kontabilità, responsabilità, dixxiplina fuqek innifsek u li wieħed jaħdem fi grupp. L-esplorazzjoni ta' karrieri tinkludi, fost oħrajn, li persuna twessa' l-għarfien tagħha dwar diversi toroq u opportunitajiet f'xi qasam partikolari, jew li persuna terġa teżamina l-ħajriet tagħha (jew il-kontra) billi tqabbel il-perċezzjoni li jkollha dwar xi settur jew karriera partikolari mar-realtà. Dawn l-għanijiet jintlaħqu billi l-istudenti tar-raba' sena fl-iskola sekondarja jkollhom l-opportunità li jqattgħu ġimgħa fuq il-kamp tax-xogħol f'diversi setturi ta' impjieg.