Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn tfal li għandhom learning support assistant? Kemm minn dawn għandhom shared learning support assistant?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li fl-iskejjel tal-Istat bħalissa hawn 2943 tifel u tifla li għandhom Learning Support Assistant (LSA). Minn dawn 519 għandhom support fuq bażi shared.
Fl-iskejjel tal-Knisja hemm 1095 student li għandhom Learning Support Assistant. Minn dawn 608 għandhom support fuq bażi shared.
Fl-iskejjel Indipendenti hemm 174 student li għandhom Learning Support Assistant, li minnhom 104 għandhom support fuq bażi shared.
Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-performance report tas-supply teachers mhux se jibqa' jsir mis-surmast kif kien isir qabel iżda se jibda jsir minn uffiċjal tad-Dipartiment? Għaliex se ssir din il-bidla?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-performance reports tas-Supply Teachers se jibqgħu jsiru mill-Kap tal-Iskola li fiha jservi s-Supply Teacher kkonċernat u għandu jiġi endorsed mill-Prinċipal tal-Kulleġġ. Il-Kap tal-Iskola qed jintalab jikkunsidra l-opinjoni ta' Uffiċjal Edukattiv mid-Direttorat, f'każijiet fejn is-Supply Teacher qiegħed itemm it-tielet jew ir-raba' sena, u allura qed joqrob iż-żmien li fih jista' japplika għal kuntratt indefinit, kif ukoll f'każijiet fejn is-Supply Teacher jkun qed jimmanifesta xi diffikultajiet fil-qadi ta' dmirijietu. Huwa fil-każ ta' peripatetic Supply Teachers biss li l-proċess jitmexxa mill-Uffiċjal Edukattiv tad-Direttorat. Il-mod kif ġie mqassam it-template tar-rapport huwa strutturat u l-proċess jitlob li s-Supply Teacher ikkonċernat għandu jintwera r-rapport u jiffirma jekk jaqbilx jew le mal-parir tal-Kap tal-Iskola. Dan kollu huwa spjegat fiċ-ċirkolari nru. QAD 04/2013 li kopja tagħha qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-human resources management tas-supply teachers se jibda jsir mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni u mhux mill-Kulleġġ fejn huma assenjati? Dan se jibda jfisser li t-transfers se joħorġu direttament mid-Direttorati, Dipartimenti jew mill-Ministeru skont l-esiġenza tas-servizz?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li l-ingaġġ u d-deployment tas-Supply Teachers dejjem sar mid-Direttorat għal Servizzi Edukattivi. Dan se jibqa' jseħħ. L-iskola tassenja l-għalliem il-klassi li se jgħallem. Il-proċess se jibqa' l-istess. It-transfers dejjem ħarġu skont l-esiġenzi tas-servizz, jiġifieri skont il-bżonnijiet tal-istudenti u l-iskola.
Tnaqqis fil-fondi allokati għall-human resources management ta’ supply teachers
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kif it-tnaqqis riċenti fil-fondi allokati lill-kulleġġi flimkien ma’ human resources management aktar ċentralizzat bħal fil-każ tas-supply teachers se jgħin il-kunċett ta’ awtonomija jikber fil-kulleġġi tal-Istat?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li d-deployment tas-Supply Teachers dejjem sar mid-Direttorat għal Servizzi Edukattivi u għalhekk mhux minnu li kien hemm xi bidla fejn dan il-proċess ġie ċentralizzat. Ma nbidel xejn fil-proċess. L-iskejjel ġew allokati l-fondi skont kif iddikjarat fl-estimi finanzjarji għal din is-sena u kif anki mressqa fl-Estimi għas-sena 2013 meta l-Onor. Interpellant kien jifforma parti mill-Ministeru tal-Edukazzjoni.
Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol – kuntratt ta’ konsulenzi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk minn Marzu sal-lum, il-Ministeru tiegħu jew xi dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu tawx xi kuntratti, konsulenzi jew xi forma ta’ xi xogħol ieħor lill-indivdiwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament jew lil xi kumpanija jew entità kummerċjali li huwa għandha sehem fiha?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li mid-dekasteru tiegħi, fil-perjodu msemmi, ma ngħatawx kuntratti u konsulenzi lill-individwu indikat mill-Onor Interpellant. Jiena ħtart lill-individwu fuq il-Financial Management Monitoring Committee u tajtu l-inkarigu jinnegozja mill-ġdid il-finanzjament għall-proġetti u x-xogħol għall-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna hemm li diġà spiċċaw il-kors tal-Gvern li jwassal għall-kwalifika ta’ learning support assistant u sal-lum għad ma għandhomx il-pożizzjoni tagħhom regolarizzata?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li f'Awwissu 2012 spiċċaw il-kors 57 Supply Learning Support Assistant li jaħdmu fl-iskejjel tal-Istat u 11 li jaħdmu fin-Non-State.
Din il-kwalifika twassal biex Supply Learning Support Assistants japplikaw għall-post ta' Learning Support Assistant I.
Jista’ l-Ministru jgħid kif hija ppjanata li tkun il-popolazzjoni ta’ kull kulleġġ wara li tiġi rriorganizzata l-formazzjoni tagħhom?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li l-pjan hu li l-għadd ta' studenti f'kull Kulleġġ ikun mifrux b'mod aktar ekwu. Bħalissa hemm diskrepanza bejn il-Kulleġġi f'dan ir-rigward. L-iżgħar Kulleġġ għandu 1879 student, filwaqt li l-akbar għandu 4333 student. Il-pjan hu li jkun hemm tqassim aħjar.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk iqiesx il-mejda ta’ studenti f’kull klassi bħala waħda ideali? Jekk le, jista’ jgħid xi pjanijiet għandhu biex iqarreb lejn is-sitwazzjoni ideali? Sa meta se jiġu fis-seħħ dawn il-pjanijiet?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Nitlob lill-Onor. Interpellant ikun iżjed speċifiku fid-domanda tiegħu.
Jista’ l-Ministru jgħid kif, xi pjanijiet li jista’ għandu biex iżomm rata ta’ studenti ideali f’kull klassi tista’ timpatta in-numru ta’ klassijiet, għalliema, u spiża neċessarja?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li d-Direttorat għal Servizzi Edukattivi jipprova li waqt li jżomm in-numru ta' studenti fi klassi raġonevoli u addattat għal tagħlim ta' kwalità, jieħu wkoll inkonsiderazzjoni id-daqs tal-klassijiet fl-iskola kkonċernata, l-ispazju disponibbli ġo skola, in-numru ta' għalliema li jistgħu jiġu ngaġġati u anke l-ispiża finanzjarja. Id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi jagħmel ħiltu kollha biex jinstab bilanċ bejn dawn il-fatturi.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hi n-nefqa totali fis-sena fuq kull studenti tal-iskejjel primarji? X’qed tinkludi din in-nefqa?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li d-Direttorati tal-Edukazzjoni, mitluba jistmaw dan it-tagħrif, qalu li mhumiex f'pożizzjoni jwieġbu din id-domanda. S'issa l-baġit edukattiv kif jinħadem ma jagħtix dan it-tagħrif awtomatikament u dan l-eżerċizzju għad irid jibda jinħadem. Nemmen li eżerċizzju bħal dan għandu jsir.
L-uniku studju li naf bih jien li jersaq biex jagħti tagħrif simili huwa dak ikkummissjonat mill-iskejjel indipendenti dwar in-nefqa fuq l-istudenti fis-setturi edukattivi statali, tal-knisja u indipendenti iżda dan l-istudju mhuwiex fid-dominju pubbliku.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-introduzzjoni tal-middle schools hix se tkun obligatorja biss għall-iskejjel tal-istat?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-middle schools se jkunu ntrodotti fl-iskejjel tal-Istat. Xi skejjel mhux tal-Istat ilhom snin twal bil-middle school. Oħrajn jistgħu jaddottawha jekk jixtiequ.
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudji kollha li għandu dwar l-introduzzjoni tal-kunċett ta’ middle school?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi jgħid li m'għandux studji dwar din il-materja. Id-deċiżjoni favur id-dħul tal-Middle Schools ittieħdet fid-dawl ta' ħafna riċerka internazzjonali u li hi aċċessibbli għal kull min ifittex dwarha.
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudji u l-pjanijiet li għandu dwar bini ta’ skejjel ġodda?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li dan il-pjan għadu qed jiġi diskuss però hemm deċiż li jinbnew skejjel ġodda f'dawn il-lokalitajiet:-
Ħal-Kirkop
San Pawl il-Baħar
Mosta