Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-riżultati u l-analiżi kollha li saru mill-2009 tal-Year 3 Literacy Competence Assessment mid-Dipartiment tal-Quality Assurance?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pjan hu li d-dokument mitlub jiġi ppubblikat mal-bidu tas-sena skolastika ġdida.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-full complement tal-literacy support teachers, tal-oracy support teachers, u tal-complementary teachers fid-Direttorat tas-Servizzi Edukattivi għal din is-sena skolastika 2012/2013 u kemm kien fis-sena skolastika fl-2006/2007?
Response (BARTOLO, EVARIST)
It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm-il faċilità sportiva eżistenti hija barra ż-żona tal-iżvilupp?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-MEPA mhix f'pożizzjoni li tagħti tali informazzjoni jekk ma jkollix lista ta' kull faċilità sportiva mill-Kunsill Malti għall-iSports u għalhekk ir-risposta tingħata f'xi seduta oħra meta din il-lista tkun f'idejn il-MEPA.
Supply learning support assistants – taħriġ u kwalifiċi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk supply learning support assistants li bħalissa diġà għaddejjin b’ taħriġ biex jiksbu kwalifika rikonoxxuta hux se jkunu jistgħu jżommu posthom fl-iskola partikolari li qegħdin fiha bħalissa anke jekk b’kundizzjoni li jiksbu l-kwalifika f’perijodu definit, jew inkella hux se jkunu qed jitilfu posthom meta l-għażla ta’ learning support assistants tkun qed issir qabel dawk ta’ supply learning support assistants?
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li hemm xi ħsieb li jitnaqqsu l-kwalifiċi mitluba għall-ingaġġ ta’ learning support assistants?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li l-kriterji għall-ingaġġ ta' Learning Support Assistants huma regolati mill-ftehim bejn il-Gvern u l-Malta Union of Teachers (MUT), liema ftehim ġie ffirmat fit-23 ta' Awwissu 2010.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 2779 rigward l-allokazzjoni tal-programmi tal-Erasmus, jista’ l-Ministru jgħid jekk ġewx ikkunsidrati xi arranġamenti oħra li setgħu jakkomodaw aktar persuni biex igawdu mill-programm?
Response (BARTOLO, EVARIST)
L-importanza li l-fondi allokati jkunu immassimizzati hija waħda kruċjali. Dan għaliex, fondi mhux utilizzati jistgħu jirriżultaw f’budget ridott mill-Kummissjoni Ewropea fis-sena ta’ wara. Għaldaqstant il-performance globali ta’ Malta f’dik li hi mobilita’ u utilizzazzjoni tal-fondi tittieħed f’kunsiderazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea, skont dak li jiġi rrapurtat meta tingħalaq is-sena. Fil-każ tal-Erasmus, peress li f’dawn l-aħħar snin, kien hemm ammont sostanzjali ta’ fondi mhux utilizzati, kien kruċjali illi l-fondi jiġu allokati fuq numru aktar realistiku u qrib il-potenzjal tal-mobilita’ rrapurtata mill-Universita’ ta’ Malta minn sena għal ohra. Għalhekk, din is-sena inħass il-bżonn illi sabiex il-fondi jiġu utilizzati b’mod aktar effettiv, l-Universita’ ta’ Malta tagħmel reserve list abbażi tal-prestazzjoni akkademika tal-istudenti. Dan għal żewġ raġunijiet prinċipali. L-ewwel, sabiex il-fondi allokati lill-istudenti magħżula jkunu ogħla meta kkomparat mal-aħħar sena skolastika u t-tieni sabiex l-impatt negattiv li l-istudent drop out tista’ toħloq minn sena għal oħra, tittaffa billi jkun hemm riserva xierqa ta’ studenti eliġibbli li jipparteċipaw fil-programm Erasmus.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Kunsill tal-Malta Libraries ġiex maħtur? Jekk iva, min hemm fuq il-bord? Jekk le, x'qed iżomm il-Ministru milli jwaqqaf dan il-bord?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Sa issa għadu mhux finalizzat. Il-Ministeru qed jistenna nomini minn entitajiet konċernati kif imfassal fil-Malta Libraries Act 2011.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Kunsill tal-Arkivji Nazzjonali ġiex maħtur? Jekk iva, min hemm fuq il-bord? Jekk le, x'qed iżomm il-Ministru milli jwaqqaf dan il-bord?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Il-ħatra tal-bord saret u dawk maħtura qed jiġu nfurmati dawn il-ġranet.
servizz ta' learning support assistants — talbiet pendenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn tfal li għadhom qed jistennew learning support assistant minkejja li ġew approvati mill-iStatementing Moderating Panel?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li bħalissa hemm 32 tifel u tifla li ġew approvati mill-Istatementing Moderating Panel u li qed jistennew li jiġu assenjati Learning Support Assistant.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti quddiem l-iStatementing Moderating Panel? Kemm minn dawn huma applikazzjonijiet mis-settur statali u minn dak tal-Knisja?
Response (BARTOLO, EVARIST)
It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet quddiem l-iStatementing Moderating Panel minn Marzu 2013 sa Ġunju 2013? Kemm minn dawn ġejjin mis-settur statali u kemm minn dak tal-Knisja?
Response (BARTOLO, EVARIST)
It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm mil-learning supports assistants huma impjegati mal-Gvern? Kemm minnhom huma impjegati ma’ skejjel tal-Knisja? Kemm minnhom huma impjegati ma’ skejjel indipendenti? F’liema skejjel u kulleġġi jaħdmu dawn?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li bħalissa hawn 1742 Learning Support Assistant (LSA) li huma impjegati mal-Gvern. Infurmat ukoll li fl-iskejjel tal-Knisja hemm 663 LSA filwaqt li fl-iskejjel Indipendenti hemm 125.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra listi li juru dawn il-Learning Support Assistants f'liema skejjel jaħdmu.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm mil-learning support assistants kollha li hawn jaħdmu f’Malta huma nisa u kemm minnhom huma rġiel? X’inhuma l-kategorija tal-etajiet ta’ dawn il-learning support assistants?
Response (BARTOLO, EVARIST)
It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li tinbidel il-prassi biex learning support assistants li jiksbu l-kwalifika rikjesta jkunu jistgħu jirregolarizzaw il-pożizzjoni tagħhom b’mod immedjat minflok li jistennew biex toħroġ sejħa biex iseħħ dan?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li mhemmx ħsieb li tinbidel il-prassi. Peress li dawn ikunu mpjegati bħala Supply Learning Support Assistants, ikunu jridu japplikaw permezz ta' sejħa tal-Public Service Commission biex jidħlu fi grad ieħor ta' Learning Support Assistant I jew Learning Support Assistant II. Jekk jibqgħu mpjegati bħala Supply Learning Support Assistants għal aktar minn erba' snin, dawn jingħataw kuntratt indefinit bħala Supply LSA.
Jista’ l-Ministru jgħid bħalissa kemm hawn f’Malta learning support assistants li għandhom il-kwalifika neċessarja u għandhom l-impjieg tagħhom regolarizzat?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li l-Learning Support Assistants kollha, jiġifieri 381 Learning Support Assistant I u 536 Learning Support Assistant II, għandhom il-kwalifika neċessarja jiġifieri Ċertifikat jew Diploma fl-Edukazzjoni Inklussiva u għandhom impjieg regolarizzat peress li s-sejħa tagħhom ħarġet mill-Public Service Commission u huma uffiċjali pubbliċi.
Infurmat ukoll li fl-iskejjel tal-Knisja hemm 66 Learning Support Assistant I u 211 Learning Support Assistant II filwaqt li fl-iskejjel Indipendenti hemm 1 Learning Support Assistant I u 6 Learning Support Assistant II.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn f’ Malta supply learning support assistants li qegħdin f’impjieg? Kemm minnhom qed jagħmlu taħriġ biex jiksbu kwalifika rikonoxxuta?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li bħalissa hawn 767 Supply Learning Support Assistants fl-impjieg mad-Direttorat għal Servizzi Edukattivi.
Fl-iskejjel tal-Knisja u Indipendenti hemm 386 u 118 Supply Learning Support Assistants fl-impjieg rispettivament.
Infurmat ukoll li hemm 67 Supply Learning Support Assistants li huma fl-iskejjel tal-Istat u 21 Supply Learning Support Assistants li huma ma' Non State Schools li qed jistennew l-aħħar riżultati biex jiksbu kwalifika rikonoxxuta.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu t-total ta’ learning support assistants jaħdmu f’Malta (b’ mod regolari jew bħala supply)?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li n-numru ta' Learning Support Assistants (kemm regolari u supply) li jaħdmu fl-iskejjel tal-Istat f'Malta huwa ta' 1592.
Infurmat ukoll li fl-iskejjel tal-Knisja hemm 663 Learning Support Assistants filwaqt li fl-iskejjel Indipendenti hemm 125.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk, u fil-każ kemm, jinħtieġux jiġu impjegati aktar learning support assistants biex tintlaħaq id-domanda?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li bħalissa ma hemm ebda vakanza ta' Learning Support Assistant fl-iskejjel statali. Madankollu, bħalissa għaddej eżerċizzju sabiex ikun magħruf kemm il-Learning Support Assistant hemm bżonn jiġu ngaġġati. Għaldaqstant, bħalissa għaddej ukoll proċess ta' għażla.