Jista l-Ministru jwiegeb mistoqsija parlamentari 3143 u jgħid liema bordijiet ta’ għażla għal job vacancies li hemm bħalissa fil-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u d-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħtu, huma diġà kostitwiti? Jista’ jgħid minn min huma kostitwiti dawn il-bordijiet u f’liema kapaċità qegħdin hemm il-membri ta-bordijiet? Sar xi tibdil fil-kostituzzjoni ta’ dawn il-bordijiet? Kien hemm xi entitajiet li qabel ma kenux irrapreżentati, u issa qed jiġu rrapreżentati, u viċi versa?
B’referenza għall- mistqosija parlamentari 3145, jista’ l-Ministru jgħid bil-pjanijiet il-ġodda, liema mill-iskejjel oriġinarjament ipprogrammati biex jinbnew mid-Diviżjoni tas-Servizzi Edukattivi fil-5 snin li jmiss mhumiex se jibnew minħabba pjanijiet ġodda mill-Ministeru?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li l-pjan ta' bini ta' skejjel ġodda għadu qed jiġi diskuss.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3147, jista’ l-Ministru jikkonferma li d-daqs ideali ta’ popolazzjoni skolastika ta’ madwar 400 student u bil-bini ta’ skola ġdida waħda fis-sena immirata għal dik il-popolazzjoni, se jkunu qed jiġu akkomadati biss madwar nofs l-istudenti li kienu se jiġu akkomodati bil-pjan oriġinali tad-Diviżjoni għas-Servizzi Edukattivi? X’se jiġri mill-istudenti l-oħra li kienu se jiġu akkomdati bil-pjan oriġinali? F’dawn il-5 snin li ġejjin kemm se jkun tnaqqas l-investiment fl-edukazzjoni b’dan il-mod?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Mhux se jitnaqqas l-investiment. Il-pjan li qed jitfassal jaħseb għal skejjel medji u sekondarji li bejniethom ikunu biżżejjed biex jilqgħu fihom l-istudenti fil-ħames snin li ġejjin.
Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-istrateġija dwar l-early school leavers li tnediet mill-Gvern lejn il-bidu ta’ din il-leġiżlatura hija l-istess waħda li inkitbet fil-leġiżlatura preċedenti?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-istrateġija dwar l-early school leavers li tnediet mill-Gvern lejn il-bidu ta' din il-leġislatura hija l-istess waħda li nkitbet fil-leġislatura preċedenti iżda saret konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali f'Malta u Għawdex biex jiġbor is-sehem tagħhom.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk wara li r-rata ta’ early school leavers f’Malta ġiet stabbilita li hi waħda ta’ 22%, huwiex kunfidenti li pajjiżna jilħaq il-mira maqbula mal-Unjoni Ewropea ta’ 10%?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern se jagħmel dak kollu possibli biex din il-mira tintlaħaq.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux pjan dwar l-introduzzjoni tal-middle schools fl-iskejjel tal-istat? Jista’ jqiegħed dan il-pjan fuq il-Mejda tal-Kamra? Minn min ġie mfassal dan il-pjan?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li l-Ministeru għandu l-pjan li jintroduċi Middle School f'kull Kulleġġ. Dan il-pjan jinsab fi stadju avvanzat bħala proposta u għad irid jiġi diskuss mal-Prinċipali tal-Kulleġġi, Kapijiet ta' skejjel u l-Malta Union of Teachers.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3151, jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux pjan dwar l-introduzzjoni ta’ skejjel iżgħar? Jista’ jqiegħed dan il-pjan fuq il-Mejda tal-Kamra? Minn min ġie mfassal dan il-pjan?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li bħalissa qed jiġi diskuss bejn il-Ministeru u d-Direttorat għal Servizzi Edukattivi l-kompożizzjoni tal-Kulleġġi. L-għan hu li l-popolazzjoni ta' kull Kulleġġ tkun aktar ibbilanċjata.
introduzzjoni ta’ skejjel iżgħar u middle schools — studju
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux studju dwar l-impatt finanzjarju tal-introduzzjoni ta’ skejjel iżgħar u tal-introduzzjoni ta’ middle schools fil-kulleġġi tal-istat? Jista’ l-Ministru jqiegħed dan l-istudju fuq il-Mejda tal-Kamra? Minn min ġie mfassal dan il-pjan?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan it-tagħrif ikun jista' jingħata wara diskussjonijiet u tfassil ta' pjanti mal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada.
B’ referenza għall-mistoqsija parlamentari 3153, jista’ l-Ministru jgħid sa meta huwa l-ħsieb li jidħlu fis-seħħ il-middle schools kollha tal-10 kulleġġi tal-istat?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li bħalissa qed isiru l-pjanijiet dwar il-kompożizzjoni tal-Kulleġġi u anke l-binjiet assenjati għall-Kulleġġi u li se jkunu jinkludu wkoll il-Middle Schools. Meta l-pjan sħiħ ikun lest jiġi ppreżentat.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3152, jista’ l-Ministru jgħid liema hija dik il-middle school li se tiftaħ f’Settembru 2013? Minn liema binja se tkun qed topera din l-iskola? Il-binja li se topera minnha se tkun waħda ġdida jew binja eżistenti? Kemm se jkollha studenti fiha? Minn liema snin ġejjin l-istudenti li se jkunu fiha?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li l-ewwel Middle School se tkun fi ħdan il-Kulleġġ Santa Klara, Sekondarja - Pembroke. Din se tibda f'Settembru 2013 u se tkun qed topera mill-binja eżistenti tal-iskola sekondarja ta' Pembroke (ex Sandhurst). Il-Middle School se tkun magħmula mill-istudenti tal-Forms 1 u 2. Se jkun hemm 214-il student.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3150, jista’ l-Ministru jgħid għal popolazzjoni ta’ madwar 500 student x’nefqa rikorrenti annwali jeħtieġ li ssir biex tkopri r-riżorsi umani u l-materjal l-ieħor li jkun jinħtieġ?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li huwa stmat li għal skola sekondarja ta' madwar 500 student, l-ispiża meħtieġa għar-riżorsi umani hi ta' madwar żewġ miljun euro.
Għas-sena finanzjarja 2013, skejjel sekondarji li għandhom popolazzjoni ta' 500 student ingħataw dawn l-allokazzjonijiet sabiex ikopru spejjeż rikorrenti:-
€4,848.43c għall-'Repair & Upkeep' u €27,983.24c għall-'Materials & Supplies'.
Dan l-ammont ivarja skont l-allokazzjoni approvata fl-Estimi Finanzjarji tas-sena rispettiva.
Istituzzjonijet tal-Unjoni Ewropea – ingaġġ ta’ Maltin
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru jipprovdi tabella aġġornata fuq dik li kienet ipprovduta fir-risposta għall-PQ 15749 (Leġiżlatura XI) dwar Maltin impjegati mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea?
Response (GRECH, LOUIS)
Qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant. Din l-informazzjoni hija miġbura strettament skont ir-regoli li jirrigwardjaw il-Protezzjoni tad-Data, liema regoli jistipulaw li din l-informazzjoni qed tingħata biex ikun hemm aġġornament fl-ingaġġ ta’ċittadini Maltin mal-istituzzjonijiet Ewropew u ma tistax tintuza għal finijiet oħra.
Jista’ l-Ministru jara li inkjesta interna, li hu diġà informat dwarha, li se ssir fil-Floriana Learning Centre issir b’mod ġust u b’mod li tipproteġi lil kull għalliem li jixtieq jixħet dawl fuq il-verità? Jista’ jara li jissolvew problemi li jidher li hemm bħalissa bejn it-Teacher in Charge tal-Floriana Learning Centre u l-għalliema tal-istess ċentru?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li l-panel li qed jistudja s-sitwazzjoni tal-Floriana Learning Support Centre huwa magħmul minn tlett uffiċjali għolja tad-Direttorat għal Servizzi Edukattivi (żewġ Diretturi u Prinċipal tal-Kulleġġ). Il-panel se jagħmel rakkomandazzjonijiet biex iċ-Ċentru jkompli jimxi 'l quddiem kif jixraq lill-istudenti.
Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-persuni li qed jaħdmu fuq id-dokument finali tal-Istrateġija Nazzjonali dwar il-Litteriżmu? Sa meta qed ikun ippjanat li tkun lesta din l-istrateġija?
Response (BARTOLO, EVARIST)
It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra. Id-dokument finali huwa ppjanat li jitlesta iżjed tard din is-sena.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3149, jista’ l-Ministru jgħid sa meta se jitlesta l-istudju msemmi fir-risposta dwar it-tqassim ta’ skejjel u meta se jkun f’pożizzjoni li jgħid kemm se jiżdiedu l-iskejjel tal-istat b’effett tad-deċiżjoni ta’ skejjel iżgħar u bl-introduzzjoni tal-middle schools?
Response (BARTOLO, EVARIST)
It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant jingħata meta jittieħdu d-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu f'dan il-qasam.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-working group li kien twaqqaf fil-Leġiżlatura l-oħra sabiex jaħdem fuq Kodiċi ta' Mġiba għall-kindergarten assistants hux se jitħalla jtemm ix-xogħol tiegħu sabiex jiġi ppubblikat il-Kodiċi?
Response (BARTOLO, EVARIST)
It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant jingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-working group li kien twaqqaf fil-Leġiżlatura l-oħra sabiex jaħdem fuq Kodiċi ta' Mġiba għal-learning support assistants hux se jitħalla itemm ix-xogħol tiegħu sabiex jiġi ppubblikat il-Kodiċi?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-working group ma ġiex xolt mill-Gvern il-ġdid u m'hemm l-ebda problema biex itemm ix-xogħol tiegħu.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Literacy Resource Pack li kien ġie ppreparat mid-Direttorat tal-Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni skont iċ-ċirkolari QAD 29/2012 li ħarġet fis-17 ta' Mejju 2012?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Dan huwa xogħol li sar għall-użu professjonali waqt il-lezzjonijiet tal-Complementary. Dan huwa proprjetà tal-iskola u mhux tal-individwu. Se ngħaddi kopja kunfidenzjali lill-Onor. Interpellant ghax huwa maħsub biss għall-użu mill-Complementary teachers.
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja taċ-ċirkolari rilevanti.