Legislature:
Category:
Reset
Active:

Awtorità tad-Djar – bini ta’ proprjetajiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-Awtorità tad-Djar tibni aktar proprjetajiet? Jekk iva, sar xi pjan u studju jekk hawnx lok għal aktar bini meta wieħed jara tant bini vojt? Jekk iva, tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dan l-istudju jew pjan?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-mument l-Awtorita’ tad-Djar qed tiffoka fuq; a) tkomplija ta’ proġetti diġa’ mibdija u/jew allokati mill-Awtorita’ tad-Djar taħt avviżi legali ta’ bejgħ ta’ propjeta, b) irranġart ta’ propjetajiet eżistenti tal-Gvern/Aworita’ li ġew vakanti u li jistgħu jerggħu jiġu allokati, c) kiri ta’ propjetajiet mis-Settur Privat permezz ta’ Skema Kiri.

Awtorità tad-Djar – politika dwar first time buyers

Question

Peress li matul is-snin l-Awtorità tad-Djar kellha diversi skemi ta’ sussidju fuq l-interessi meta wieħed jieħu self mill-bank għall-first time buyers biex ikun hemm affordable housing u anke bejgħ ta’ proprjetà sussidjata bħal Skema Darek Faċli, tista’ l-Ministru tgħid x’inhi l-politika l-ġdida għall-first time buyers? Meta se tibda titwettaq?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorità tad-Djar għaddejja b’diskussjonijiet sabiex skemi bħal-dawn jerġgħu joħorġu fil-futur, iżda ta min ifakkar fil-mizura’ mħabbra fil-Budget fejn first time buyers se jiffrankaw fuq €5000.

Postijiet li għandhom ordni ta’ rekwiżizzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi l-politika l-ġdida li se jsegwi fir-rigward tal-postijiet li jinsabu taħt l-ordni tar-rekwiżizzjoni, b’mod partikolari postijiet li huma anke użati bħala dipartiment tal-Gvern? Tista’ tgħid kemm baqa’ postijiet taħt dan l-ordni ma’ Malta u Għawdex u f’liema lokalitajiet jinsabu?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-propjetajiet li għadhom milquta’ b’Ordni tar-Rekwizizzjoni huma każijiet fejn is-sidien ma rrikonoxxewx lill-inkwilini, fejn il-kirjiet qegħdin jiġu ddepożitati fil-Qorti ta’ Malta jew ġewwa l-Awtorita’ tad-Djar, fejn il-propjeta’ hija mikrija mhux bħala residenza ordinarja ċioe’ lid-Dipartimenti tal-Gvern u Każini, u fejn l-allokazzjonijiet u r-rikonoxximenti saru wara l-1995 u ghalhekk l-inkwilini mhumiex protetti bil-liġi tal-kera. Il-postijet li għadhom rekwizizzjonati huma murija fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Postijiet li għandhom ordni ta’ rekwiżizzjoni li qed jintużaw mid-Dipartiment tal-Gvern

Question

Tista’ l-Ministru tgħid liema huma dawk il-postijiet ta’ rekwiżizzjoni li qed jintużaw minn dipartimenti tal-Gvern?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-postijiet taħt Ordni ta’ Rekwiżizzjoni li qed jintużaw minn dipartimenti tal-Gvern huma kif jidher hawn taħt RO Address Use of property 39871 "Capa" 6 Harper Lane Floriana Primary Health Care Department 41460 14, Summit Square, B'Bugia Polyclinic Health Department 15649 13, Our Lady of Mercy Str Zejtun Social Security Department 17806/16529 43, 44, 45, Parish Priest Street, Nadur Social Security Department 14535 89, Pawlu Magri Street Luqa Social Security Department 5073 42, Triq La Sengle, M'Skala Government Dispensary 12877 Viva Kristu Re, Misrah Sant'Andrija Luqa Luqa Police Station 7164 1, Triq Braille, Sta Venera Foundation for Soc. Welfare Ser. 15737 101, Dingli Street Sliema Social Security Department & Health Division 23516 9, Hompesch Street, Fgura Police Station & Medical Clinic 41421 393/395, Victory Street, Qormi Social Security Department 46898/15869 35, 37 & 39 Rue D'Argens Gzira Social Security Department 13290 84 Triq is-Salib tal-Marsa, Marsa Social Security Department

Tneħħija ta’ ordnijiet ta’ rekwiżizzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm tneħħew ordnijiet ta’ rekwiżizzjoni mis-sena 2000 sa Marzu 2013? Tista’ tgħid ukoll kemm postijiet tneħħitilhom l-ordni ta’ rekwiżizzjoni minn Marzu 2013 sal-lum?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorita’ tad-Djar mill-1 ta’ Jannar, 2000 sat-8 ta’ Marzu, 2013 rritirat 11,237 rekwizizzjoni minn postijiet tal-privat u 9,032 minn postijiet tal-Gvern. Mid-9 ta’ Marzu 2013 sallum ġew irtirati 7 rekwizizzjonijiet minn postijiet tal-privat u 0 minn postijiet tal-Gvern.

Postijiet li għandhom ordni ta’ rekwiżizzjoni – każijiet pendenti fil-qrati

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm każijiet pendenti fil-qrati mas-sidien ta’ postijiet li għandhom ordni ta’ rekwiżizzjoni? Kemm tilfet jew rebħet każijiet fil-qorti l-Awtorità tad-Djar u x’kienet l-ispiża totali, inkluż l-ispejjeż tal-qrati?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi kawżi pendenti fil-Qrati rigward ordni ta’ rekwizizzjoni hemm sittax(16) il-każ. Minn mindu l-Awtorita’ tad-Djar assorbiet il-funzjonijiet tad-Direttur tal-Housing Socjali, intilfu sebgħa (7) każijiet u tħallas l-ammont ta’ €274,337.63 bħala spiża totali. Dawn huma/kienu każijiet li jirrigwardaw kumpens mitlub mis-sidien għar-restrizzjoni fuq il-propjeta’ tagħhom li seħħet minħabba l-ordnijiet ta’ rekwiżizzjoni li kienu ġejjin tul is-snin. Fil-każijiet mitlufa ġeneralment rriżulta li ma kienx hemm proporzjonalita’ ġusta bejn restrizzjoni fuq il-propjeta’ u il-kumpens mħallas tul is-snin.

Tneħħija ta’ ordni ta’ rekwiżizzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta se tneħħi l-ordni ta’ rekwiżizzjoni u tagħti lura lis-sidien oriġinali dawk id-djar li jintużaw bħala każini tal-Partit Laburista? Kemm hemm minn dawn il-każijiet? X’qed iżomm lill-Ministru li tneħħi dawn l-ordnijiet tar-rekwiżizzjoni?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-awtoritajiet qed jistudjaw dawn il-kazijiet, flimkien ma' kazijiet ta' kazini ta' entitajiet ohra.

Awtorità tad-Djar – politika dwar reviżjoni ta’ kirjiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi l-politika l-ġdida tal-Awtorità tad-Djar fuq ir-reviżjoni tal-kirjiet? Tista’ tikkonferma li l-Awtorità tad-Djar għandha grupp ta’ ħidma li qiegħed jaħdem fuq reviżjoni tal-kiri? Tista’ tpoġġi kopja tas-suġġerimenti finali tal-grupp ta’ ħidma? L-Awtorità se tgħolli l-kirja bi €12.52 fis-sena kif titlob il-liġi tal-kiri? Tista’ tiċħad jew tikkonferma li l-Awtorità u d-Dipartiment tal-Proprjetà qegħdin jaħdmu biex jgħollu l-kera għaliex, skont huma, il-kirjiet mhumiex aktar sostenibbli? Huwa vera li dawk li llum jħallsu anqas minn €185 se jibdew iħallsu aktar? Tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ kif se tinħadem il-kirja u kif se jingħata s-sussidju?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant għad-diskors tal-Budget fejn kien tħabbar li l-Awtorita’ tad-Djar qed tagħmel esercizzju għar-reviżjoni tal-kirjiet soċjali skont kriterji ċari u indici dwar il-kirijiet li l-Awtorita’ se tisstabilixxi għal familji u individwi. Il-Kumitatt li nħatar biex jagħmel dan l-eserċizzju qed jiltaqa biex ilesti r-rapport tiegħu wara studji li qed jsiru u wara li jieħu in konsiderazzjoni rapporti li kienu saru fi żmiem l-amministrazzjoni preċedenti u xi rakkomandazzjonijiet li kienu saru.

Awtorità tad-Djar – għajnuna lil NGOs

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi l-politika tal-Awtorità tad-Djar fl-għajnuna tagħha lill-għaqdiet mhux governattivi (NGOs)? Minn 2008 sa Marzu 2013, tista’ l-Ministru tgħid kemm l-Awtorità offriet: kirjiet sussidjati lil NGOs? Kemm kienet is-somma totali sussidjata? Liema NGOs ibbenefikaw? Tista’ tgħid ukoll kemm ingħataw appartamenti, garaxxijiet u fondi oħra lil NGOs u liema NGOs bbenefikaw? Tista’ tgħid kemm ingħataw grants lil NGOs, kemm kienet is-somma totali ta’ dawn il-grants u liema NGOs ibbenefikaw?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lil-Onorevoli Interpellant illi kull g]ajnuna li tingħata lill-għaqdiet mhux governattivi (NGOs) tiġi kkunsidrata fuq bażi ndividwali skont il-mertu ta’ kull każ speċifiku. Mis-sena 2008 sa Marzu 2013 l-Awtorita’ offriet 17-il kirja ssussidjata. Is-somma totali ssussidjata tammonta g]al €35,123.54. L-NGOs li bbenefikaw huma: 1. Association of Model Engineering 2. Baden Powell Scouts Malta 3. Equal Partners 4. G]aqda Nazzjonali tal-Pensjonati 5. Inspire 6. Malta Gloster Breeders Society 7. Malta Midwives Association 8. Malta Wireless and Talking Books for the Blind Foundation 9. Marconi Amateur Radio Circle 10. Multiple Sclerosis Society 11. Qawra Scouts Group 12. Richmond Foundation 13. Scout Association of Malta 14. Victim Support Malta L-informazzjoni li turi l-fondi li nghataw lil dawn l-NGOs qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.

Awtorità tad-Djar – għajnuna lil għaqdiet soċjali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi l-pożizzjoni tagħha dwar għajnuna mill-Awtorità tad-Djar lill-għaqdiet soċjali fi ħdan il-Knisja Kattolika anke jekk dawn mhumiex imniżżla mal-kummissarju tal-għaqdiet mhux governattivi?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li każijiet bħal dawn jiġu kkunsidrati skont il-mertu tal-każ individwali.

Awtorità tad-Djar – talbiet għal enerġija alternattiva

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi l-politika tal-Awtorità tad-Djar rigward it-talbiet li qegħdin isiru mill-inkwilini biex dawn jagħmlu l-pannelli foltovoltajiċi jew strutturi għall-enerġija alternattiva? Kemm-il talba ġiet milqugħa mill-awtorità u kemm-il talba ġiet miċħuda minn Marzu 2013 ’l hawn? Għaliex ġew miċħudin it-talbiet imsemmija? Ma tħossx il-Ministru li din id-deċiżjoni tmur kontra l-istess politika tal-Gvern li tħeġġeġ biex ikun hemm aktar dipendenza fuq l-enerġija alternattiva?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn Marzu 2013 l-Aworita’ tad-Djar irċiviet 9 talbiet li minnhom 6 ġew rifjutati, Żewġ talbiet li l-Awtorita’ ma kelliex setgħa tieħu deċiŻjoni fuqhom ġew mgħoddija lid-Dipartiment Propjeta’ tal-Gvern peress li l-bejt hu propjeta’ tal-Gvern u talba oħra għadha pendenti. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-bejt ta’ ħafna mill-blokok mhux kbir biżżejjed biex ikun hemm post għar-residenti kollha. B’hekk il-bord ta’ l-Awtorita’ tad-Djar deherlu li ma jkunx ġust li jilqgħa talbiet individwali għaliex ikun qed jiddiskrimina fil-qsim ta’ l-użu tal-bejt.Tali diskriminazzjoni jista’ jkollha riperkussjonijiet anki legali peress li uħud mill-apartamenti huma mibjugħa lil terzi. Se jitwettaq studju fuq il-possibilita’ li l-pannelli solari jiġu stallati mill-Awtorita’ tad-Djar jew jinkera l-ispazju disponibbli lil kumpaniji privati. B’hekk il-benefiċċju tal-użu tal-bejt jinqasam b’mod ugwali bejn ir-residenti kollha.

Awtorità tad-Djar — evictions

Question

Tista’ l-Ministru tgħid minn Marzu 2013 sal-lum kemm saru evictions fejn l-Awtorità tad-Djar titlob iċ-ċwievet lura?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn Marzu 2013 sallum ma saret ebda eviction.

Awtorità tad-Djar – politika dwar mobilità u aċċessibilità

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi l-politika tal-Awtorità tad-Djar għal dawn il-ħames snin li ġejjin rigward sfidi ta’ mobilità u l-aċċessibilità?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hija l-policy tal-Awtorita’tad-Djar li f’dan ir-rigward ninkoraġġixxu nstallazzjonijiet tal-lifts u tpartit ta’ appartamenti għal dawk il-kerrejja li għandhom problema ta’ mobilita’. Għal dan il-għan qed isiru diskussjonijiet biex ikun hemm aktar ghajnuna mill-MEPA u mill-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej. Dan ser nibqgħu nsostnuħ fil-ħames snin li ġejjin iżda ħa nniedu studju biex ikun identifikat kemm huwa n-numru ta’ kerrejja li huma vulnerabbli għall-problemi ta’ mobilita’. Abbażi ta’ dan l-istudju jiġi żviluppat pjan biex jiġu ndirizzati dawn l-isfidi.

Awtorità tad-Djar – stallazzjoni ta’ lifts

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx il-ħsieb li jitkompla l-programm ta’ stallazzjoni ta’ lifts? Kemm twaħħlu lifts mill-Awtorità tad-Djar matul is-snin? Kemm huwa previst li l-Awtorità tinstalla lifts kull sena għal dawn il-ħames snin li ġejjin?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorita’ tad-Djar ser tkompli bil-programm ta’ installazzjonijiet ta’ lifts. Dwar jekk hemmx il-ħsieb li jitkompla l-programm ta’ stallazzjoni ta’ lifts li sal-lum din l-iskema għadha miftuħa. L-informazzjoni dwar kemm twaħħlu lifts mill-Awtorità tad-Djar matul is-snin qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra. Dan juri lista ta’ liftijiet installati mill-Awtoritá tad-Djar u mid-Dipartiment ta’ Tiswija u Bini tad-Djar fis-Snin Elfejn sena b’sena. Dwar kemm huwa previst li l-Awtorità tinstalla lifts kull sena għal dawn il-ħames snin li ġejjin, din hija kwistjoni li qed tiġi studjata u għalhekk l-informazzjoni rikjesta għadha mhix stabbilita’ u evalwata anke fil-kuntest tal-financial capital outlay li hemm bzonn għal dan il-għan.

Awtorità tad-Djar – għajnuna lir-refuġjati

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi l-politika tal-Awtorità tad-Djar għal dawn il-ħames snin li ġejjin rigward is-servizz lil persuni li għandhom uffiċjalment l-istatus ta’ refuġjati?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li persuni li jgawdi minn status ta’ refuġjati jistgħu jibbenefikaw mill-iskemi kollha li għandha l-Awtorita’tad-Djar.

Awtorità tad-Djar – għajnuna lir-refuġjati — akkomodazzjoni soċjali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm refuġjati fuq il-lista għall-akkomodazzjoni soċjali? Qatt ingħata akkomodazzjoni soċjali lil persuni bl-istatus ta’ refuġjat minn Marzu 2013 sal-lum?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorita’ tad-Djar għandha 23 applikazzjoni minn refuġjati. L-Awtorita’ tad-Djar qatt ma’ allokat postijiet lil persuni bl-istatus ta’ refuġjati kemm minn qabel Marzu, 2013 kif ukoll minn wara Marzu 2013.

Awtorità tad-Djar – politika dwar koppji tal-istess sess

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi l-politika tal-Awtorità tad-Djar rigward koppji tal-istess sess? Kemm hemm talbiet minn dawn il-koppji?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant għalkemm ma tezistiex policy speċifika fi ħdan l-Awtorita’ tad-Djar rigward koppji tal-istess sess, bħalissa żewġ persuni tal-istess sess jistgħu japplikaw:- § għas-sussidju tal-kera jekk dawn it-tnejn jkunu l-inkwilini konoxxuti flimkien tal-fond; u § għal rifuzjoni tal-VAT f’każ li dawn it-tnejn flimkien ikunu xtraw il-post flimkien; § għal sussidju fuq xogħlijiet ta' irranġar u titjib f'residenzi okkupati minn sidien jew inkwilini. Din is-sena għall-ewwel darba l-Awtorita’ tad-Djar irċeviet 2 applikazzjonijiet għall-iskema fuq Għotja lis-Sidien fil-Bini, Irranġar u/jew Tkomplija tal-Ewwel Residenza (VAT refund)minn żewġ persuni tal-istess sess. L-aplikazzonijiet ġew milqugħa u ingħatat l-għotja ukoll. Taħt l-Iskema tas-sussidju tal-kera l-Awtorita’ tad-Djar irċeviet 21 applikazzjoni minn żewġ persuni tal-istess sess. 11 minnhom għadhom qegħdin jibbenefikaw waqt li l-10 l-oħra ġew magħluqa għal raġunijiet varji. Sa issa l-Awtorita’ tad-Djar ma’ rċeviet l-ebda applikazzjoni minn żewġ persuni tal-istess sess taħt l-Iskema tas-sussidju fuq xogħlijiet ta' irranġar u titjib f'residenzi okkupati minn sidien jew inkwilini.

Awtorità tad-Djar – politika dwar strutturi illegali fil-binjiet tal-Gvern

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi l-politika tal-Awtorità tad-Djar rigward l-istrutturi illegali fil-binjiet tal-Gvern? Kemm għandha każijiet quddiemha ta’ strutturi illegali li trid tieħu passi fuqhom u f’liema lokalità u binja? Kemm tneħħew strutturi illegali minn fuq il-bjut minn Marzu 2013 ’l hawn?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi sal-2012 il-blokok tal-Gvern kwaŻi kollha kienu amministrati mid-Dipartiment Propjeta’ tal-Gvern. Fl-2012 xi blokok ġew trasferiti lill-Awtorita’ u id-Dipartiment Propjeta’ tal-Gvern ħa ħsieb li l-biċċa l-kbira ta’ l-istrutturi llegali li kien hemm f’dawn il-blokok jiġu mneħħija qabel isir it-trasferiment. L-Awtorita’ tad-Djar ma għandiex is-setgħa li tieħu azzjoni fuq strutturi llegali fi blokok trasferiti lilha sakemm isir it-tibdil meħtieġ fil-liġi. Azzjoni fi blokok oħra tittieħed mid-Dipartiment Propjeta’ tal-Gvern.

Awtorità tad-Djar – politika dwar kontijiet tad-dawl tal-komun

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi l-politika tagħha fuq il-ħlas tal-kontijiet tad-dawl tal-komun fil-binjiet tal-Gvern fejn hemm lift u fejn ma hemmx lift?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s-sena li għaddiet ġew trasferiti lill-Awtorita’ numru ta’ blokok tal-Gvern. Fejn kien hemm lift u qiegħed fuq meter tad-dawl separat minn dak tal-komun, il-kont tad-dawl tal-lift jitħallas mir-residenti. Fejn il-lift u l-komun jaqsmu meter wieħed, il-policy tal-Awtorita’ hija li tiġi ffurmata assoċazzjoni tar-residenti biex isiru l-arranġamenti meħtieġa biex id-dawl tal-lift jitħallas mir-residenti. Fil-blokok fejn m’hemmx lift imma meter tad-dawl tal-komun biss, l-Awtorita’ għada ssegwi l-policy tal-Dipartiment tal-Artijiet u l-kontijiet tad-dawl, li ilha stabbilita’, i.e. jitħallsu kollha mill-Awtorita’.

Awtorità tad-Djar – dewmien fi promozzjonijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x'kien l-eżitu ta' sejħa għall-promozzjonijiet fl-Awtorità tad-Djar li kienet ippubblikata lejn l-aħħar tas-sena oħra? Ladarba l-interviews saru f’Jannar li għadda u r-riżultati li kellhom l-approvazzjoni tal-bord u kellhom jitħabbru lejn nofs ix-xahar ta’ Marzu, u peress li issa qegħdin fil-bidu ta’ Ottubru, tista’ l-Ministru tgħid x’qed jikkawża dan id-dewmien?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-issue tal-promożżjonijiet kif ukoll dak tal-fteħim kollettiv li kien ilu pendenti tlett snin issa ġew riżolti.