Jista' l-Ministru jispjega x'inhi l-proċedura li trid tiġi segwita sabiex il-Korporazzjoni Enemalta tneħħi jew iċċaqlaq arblu tad-dawl li jkun qiegħed jostakola bankina pubblika? Jista' jikkonferma li f'każ li l-arblu tal-Korporazzjoni Enemalta jkun qed jostakola bankina pubblika, l-ispiża sabiex l-arblu jitneħħa jew jiċċaqlaq titħallas mill-Korporazzjoni Enemalta u mhux mill-kunsill lokali?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li sabiex jitneħħa arblu jew jiġi mċaqlaq minn postu, trid issir talba bil-miktub lill-Korporazzjoni Enemalta. Din it-talba tiġi analiżżata u jekk jinstab li l-arblu jkun qed jostakola xi bankina, dan jiġi mċaqlaq bil-Korporazzjoni Enemalta tassorbi l-ispejjeż involuti. Jekk jirriżulta li l-arblu se jkollu jiċċaqlaq minħabba li jkun ser isir xi żvilupp, il-klijent ikollu jissottometti Applikazzjoni għal Devjazzjoni flimkien mal-ħlas dovut lill-Korporazzjoni Enemalta.
Jista' l-Ministru jgħid jekk fejn dak li huwa magħruf bħala Dock 7 il-Marsa hemmx xi restrizzjonijiet ta’ aċċess fuq il-moll għall-pubbliku?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-aċċess għall-pubbliku huwa ristrett għall-ħinijiet ta’ bejn is-6 ta’ filgħodu u d-9 ta’ filgħaxija kuljum bejn it-Tnejn u l-Ħadd. Il-pubbliku huwa obbligat isegwi s-sinjali li juru r-rotta tad-dħul u l-ħruġ mill-moll.
Tista’ l-Ministru tipprovdi spjega qasira tal-programm LEAP imniedi minnha fl-2013? X’għanijiet għandu dan il-programm? Kif se jiffunzjona? Min se jmexxieħ? X’miri konreti se jkunu qed jilħaq dan il-programm? X’jinkludi aktar miċ-Ċentri tar-Riżorsi għall-Familja?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-għan tal-Proġett huwa li jikkontribwixxi lejn it-tnaqqis tal-faqar fil-familji u individwi li jagħmlu parti minn gruppi żvantaġġati, speċjalment ġenituri waħedhom, persuni b’diżabilitajiet, ex-detenuti, immigranti u nies foqra li jaħdmu. Dan se jsir permezz ta’ proċessi ta’ tagħlim tal-kompetenzi soċjali neċessarji, biex ikunu jistgħu jadattaw lilhom infushom għall-ħajja fis-soċjetà in ġenerali, inkluż biex ikunu impjegati u jintegraw ruħħhom fil-post tax-xogħol. Biex dawn il-mekkaniżmi jseħħu, huwa fundamentali li jkunu involuti l-atturi kollha relevanti f’livelli reġjonali u lokali b’importanza b’mod partikulari għall-Kunsilli Lokali.
Ser jiġu stabbiliti ċentri għall-iżvilupp soċjali f’kull reġjun li hawn Malta (n.b. ir-reġjuni huma maqsumin kif inhuma stabbiliti mil-Eurostat). Permezz tal-kontribut mgħoti wkoll mill-NGO’s, Kunsilli Lokali u ghaqdiet soċjali, ser jigi identifikati “hot spots”. F’dawn il-hot spots ser jigu mwaqqfa Ċentri tar-Riżorsi tal-Familja li se jkunu qegħdin jirrispondu speċifikament għall-problemi soċjali identifikati f’dawn l-areas.
· Tmienja u għoxrin persuna ser ikunu mħarrġa bħala ‘Social Mentors’.
· Permezz tal-proġett ha tiġi kkumpilata database dwar il-persuni b’diżabilita’ sabiex din tkun tista’ tiġi użata għall-abbozzi u inċentivi oħra f’dan il-qasam.
· Minn tal-inqas 20 NGO ser itejbu l-pjan strateġiku tagħhom.
· Minn tal-inqas 200 persuni li jiddependu fuq is-servizzi soċjali ser jibbenefikaw minn programm ta’ tahriġ mnehdi minn dan il-proġett. Għal-perjodu ta’ 8 xhur dawn il-persuni ser ikunu qegħdin jipprovdu servizzi ġo entitajiet soċjali taħt s-supervizjoni tas-Social Mentors. Apparti l-benefiċċji soċjali li diġa qegħdin jircievu, huma ser jiġu mogħtija kontribut finanzjarju għas-servizzi tagħhom.
Dan il-proġett ser jiġi mmexi mis-Sur Stephen Vella (Senior Manager, Corporate Services FSWS) .
Programm LEAP – Introduzzjoni taċ-Ċentri tar-Riżori għall-Familja
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kif u b’ liema mod il-programm LEAP se jservi ta’ pjattaforma għall-introduzzjoni taċ-Ċentri tar-Rizorsi għall-Familja?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett LEAP ser jestabilixxi Ċentri għall-iżvilupp soċjali f’kull reġjun li hawn Malta (n.b. ir-reġjuni huma maqsumin kif inhuma stabbiliti mil-Eurostat). Permezz tal-kontribut moġħti wkoll mill-NGO’s, Kunsilli Lokali u ghaqdiet soċjali, ser jigi identifikati “hot spots”. F’dawn il-hot spots ser jigu mwaqqfa Ċentri tar-Riżorsi tal-Familja li se jkunu qegħdin jirrispondu speċifikament għall-problemi soċjali identifikati f’dawn l-areas.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-proċess sabiex jiġu stallati bus shelters ġodda fil-lokalità tas-Siġġiewi?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hekk kif ġie spjegat fit-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 4820, Transport Malta kienet irċeviet tlett talbiet sabiex jiġu stallati bus shelters ġewwa l-lokalità tas-Siġġiewi. Dawn it-talbiet ġew evalwati u fil-ġranet li ġejjin Transport Malta se tkun qiegħda tressaq applikazzjoni mal-MEPA sabiex jiġu stallati bus shelters fi Triq Blat il-Qamar u Triq Monsinjur F.X. Mangion.
Infurmat ukoll li fil-post li kien ġie indikat fi Triq Ħesri m’ hemmx spazju meħtieġ sabiex jiġi stallat bus shelter. Transport Malta se tkun qiegħda tevalwa alternattivi oħra f’dan ir-rigward.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-pjanijiet tal-Gvern rigward l-iżvilupp ta' ġnien għall-memorja ta' Annabelle Vassallo fiż-żona ta' ħdejn il-Kappella tal-Providenza fis-Siġġiewi?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-MEPA m’accettatx id-disinn li ġie sottomess għal dan il-ġnien billi ikkunsidratu mhux kompatibbli mal-karatttru rurali taż-żona.
Jista' l-Ministru jgħid x'miżuri ta' sigurtà se jittieħdu fi Triq l-Imqabba fis-Siġġiewi minflok il-crash barriers li kif qal il-Ministru stess se jitneħħew minn din it-triq? Jista' l-Ministru jgħid x'konsultazzjoni saret mal-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi rigward id-deċiżjoni li jitneħħew dawn il-crash barriers u dwar il-miżuri ġodda ta' sigurtà fi Triq l-Imqabba fis-Siġġiewi?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li saret spezzjoni fuq il-post mill-periti ta' Transport Malta. Il-crash barrier se tinqala' u se ssir struttura aktar adekwata fi Triq l-Imqabba li ma ddejjaqx it-triq.
Transport Malta mhux se tippreġudika l-qbil li kien hemm mall-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi li jkun hemm miżuri ta’ sigurtà f’din l-istess triq.
Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħol sar s’issa u x’xogħol imiss isir sabiex jitlesta l-proġett kontra l-ilma tal-għargħar f’Ħal Qormi?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li sa issa tlesta x-xoghol fuq il-pontijiet ta’ Triq Manwel Dimech, u Triq il-Mitħna. Tlesta wkoll ix-xogħol ta' rikostruzzjoni tal-pont ta’ Triq Correa li infetaħ għat traffiku iżda li fuqu ghad irid isir xogħol ta’ asfaltar.
Issa se jitkompla x-xogħol ta’ livellar ta’ parti mill-art tal-kanal fi Triq il-Wied, ix-xogħol fuq il-kostruzzjoni ta’ żewġ culverts kbar fil-golf course u ix-xogħol ta’ kostruzzjoni ta’ erba’ culverts kbar taħt it-triq Aldo Moro.
Matul l-ewwel ġimgħat tas-sena l-ġdida mistenni jinbeda wkoll, jekk ma jkunx hemm problemi mhux prevvisti, ix-xogħol fuq il-kostruzzjoni ta’ żewġ culverts kbar fi triq il-Wied u għal Frar se ssir ix-xogħol biex tinfetaħ fetħa ġdida ħdejn il-pont li hemm fid-daħla ta’ triq San Bastjan.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi xogħol li huwa ppjanat mill-ministeru tiegħu għas-sena li jmiss f’Ħal Qormi, li jinkludi wkoll anke jekk mhux biss, toroq, bankini u culverts? F’ liema perijodu tas-sena li jmiss huwa mistenni li jsir dan ix-xogħol?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif diġà ġie spjegat f’diversi tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari, il-Gvern beda biex jattwa dak li ġie imwiegħed fil-Manifest Elettorali, kif ukoll qiegħed fil-proċess biex imexxi ‘l quddiem il-proġetti skont il-prijoritajiet u dan wara il-ħafna laqgħat fosthom mal-Kunsilli Lokali.
Is-Siġġiewi – devoluzzjoni ta’ shelters lill-Kunsill Lokali
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid fiex wasal il-proċess biex ix-shelters tat-Tieni Gwerra Dinjija li jinsabu fi Pjazza San Nikola, is-Siġġiewi jiġu devoluti lill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi u dan skont talba li l-istess Kunsill Lokali ppreżenta f'Awwissu 2012? Jista' jgħid meta hu mistenni li jiġi ffirmat il-ftehim ta' devoluzzjoni bejn il-Dipartiment tal-Artijiet u l-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol konness ma’ din it-talba ta’ devoluzzjoni wasal fil-final u l-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi ser jiġi ikkuntatjat fil-ġranet li ġejjien għall-ifirmar tal-ftehim ta’ devoluzzjoni ta’ dawn ix-xelters.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid min qed jipprovdi s-servizz ta’ karrozzi u vannijiet skont il-ħtieġa waqt żjarat uffiċjali minn kapijiet ta’ stati jew ta’ gvernijiet barranin f’Malta? Jista’ jgħid jekk dan is-servizz huwiex jingħata permezz ta’ tender, kwotazzjoni, direct order jew taħt xi forma oħra? Jikkonferma l-Prim Ministru li kuntrarju għal dak li kien isir fil-passat, f’dawn iż-żjarat m’għadux jitqabbad l-istess kuntrattur li jkollu l-kuntratt mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin għall-ġarr ta’ diplomatiċi u dinjitarji oħra? Jekk dan hu l-każ, x’inhi r-raġuni? Jista’ jagħti lista dettaljata żjara, żjara u kuntrattur b’kuntrattur, kemm kienet l-ispiża għal kull żjara li saret minn Marzu 2013 s’issa?
Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali – line votes
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm huwa stmat li hu meħtieġ bħala allokazzjoni finanzjarja addizzjonali taħt il-line votes tal-personal emoluments tal-vot tal-Ministeru u tal-vot tad-Dipartiment sabiex jitħallsu r-renumerazzjonijiet kollha tal-ħaddiema sal-aħħar tas-sena?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
L-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali – direttiva
Question
Tista' l-Ministru tgħid għalfejn entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tagħha ma jistgħux jitkellmu mal-media jekk l-ewwel ma jagħmlux kuntatt mal-uffiċjali inkarigati mill-komunikazzjoni fil-Ministeru tagħha? Ma taħsibx li din id-direttiva qed tnaqqsas mill-ħidma ta' għarfien fuq issues soċjali li kienu jagħmlu minn jeddhom?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tali direttiva hija biss maħsuba biex ikun hemm kordinament bejn l-entitajiet kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru mmexxi minni, anke fejn għandu x’jaqsam ir-relazzjoni mal-midja. Għaldaqstant din id-direttiva tgħin u mhux ixxekkel lill-entitajiet biex ikollhom relazzjonijiet aħjar mal-midja.
Tista' l-Ministru tispjega l-għan tal-Kunsill Nazzjonali tat-Tfal? X’viżjoni għandha l-Ministru għal dan il-Kunsill? Minn min huwa kkostitwit dan il-Kunsill?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-bord ma ltaqgħax wara Marzu 2013, għax għadu ma ġiex rikostitwit minħabba li jridu jsiru xi tibdiliet fl-Uffiċċju tal-Kummissarju tat-Tfal.
Tista’ l-Ministru tikkonferma li kien hemm xi riżenji minn xi bordijiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tagħha, liema bordijiet jikkonċernaw il-kura tat-tfal? Jekk fl-affermattiv min huma dawn il-persuni? X’kienet ir-raġuni wara r-riżenja tagħhom? Minn min imtlew il-postijiet vakati minn dawn il-persuni?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-unika riżenji kienu fuq il-Bord ta l-Addozzjoni.
Dawn ir-riżenji kienu ta’ Dr Ruth Farrugia minħabba li qegħda ċ-Chairperson tal-Kummisjoni tat-Tfal u Dr Ray Fenech u Ms Connie Griffiths Bianchi minħabba raġuni ta xogħol. Minflok inħatru Dr Adrian Camilleri, Dr Francis Fenech u Dr Dione Mifsud.
Kummissjoni Nazzjonali għall-Iżvilupp ta’ Strateġija u Policy għat-Tfal
Question
Tista’ l-Ministru tgħid il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Iżvilupp ta’ Strateġija u Policy għat-Tfal hix qed tissostitwixxi xi struttura oħra? Peress li l-Politika Nazzjonali għat-Tfal hija waħda pjuttost riċenti, tista’ l-Ministru tgħid għaliex inħass il-bżonn li titfassal politika oħra kompletament ġdida f’daqstant żmien qasir?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kummisjoni Nazzjonali għall-Iżvilupp ta’ Strateġija u Policy għat-Tfal mhix tissostitwixxi strutturi oħra. Din il-Kummisjoni qed taħdem biex fiż-żmiem li ġej, pajjiżna ikollu għall-ewwel darba l-Att dwar it-Tfal. Nħass il-bżonn li titfassal politika oħra kompletament ġdida f’daqstant żmiem qasir peress li qatt ma kien hemm struttura li tiffoka fuq strateġija u politika għat-Tfal, iżda dawn kienu jiġu l-aktar ikkunsidratti bħala parti mill-familja.
Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali – contract for service
Question
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 5149 u tgħid min huma dawk il-persuni li ngħataw contract for service mid-9 ta' Marzu 'l hawn? Tista' tgħid kemm tħallsu s'issa? Tista' tqiegħed kopja tal-kuntratti tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
L-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.