Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ċentri tar-Riżorsi għall-Familja – Programm LEAP

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 6990, tista’ l-Ministru tagħti deskrizzjoni tal-funzjoni taċ-Ċentri għall-Iżvilupp Soċjali fi ħdan il-programm LEAP? Kif se jkunu qed joperaw dawn iċ-Ċentri?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferri għat-tweġiba li ngħatat fil-mistoqsija Parlamentari numru 8638.

Ċentri tar-Riżorsi għall-Familja – Public Social Partnerships

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 6994 u 6995, tista’ l-Ministru tkun aktar speċifika u tispjega kif se jkun qed jaħdem dan il-mudell Malti ta’ Public-Social Partnership?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proċess ta’ żvilupp tal-Mudell għadu għaddej b'mod parallel mall-fażi tal-bidu tal-implimentazzjoni tal-proġett LEAP.

Ċentri tar-Riżorsi għall-Familja — għajnuna

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 6997, tista’ l-Ministru tgħid mill-informazzjoni li għandha s’issa, kienx hemm persuni, mill-200 persuna li qed jitħarrġu mill-programm LEAP, li sabu xogħol bis-saħħa ta’ dan il-programm? Kemm hu l-għadd ta’ dawn il-persuni?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Programm Leap se jintemm f’Ġunju 2015 u għalhekk ir-riżultati kollha se jiġu ppubblikati wara t-tmiem ta’ dan il-proġett.

Ċentri tar-Riżorsi għall-Familja — għajnuna

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 6997 u 6998, tista’ l-Ministru tikkonferma li l-programm LEAP, filwaqt li jipprovdi taħriġ li jgħin l-impjegabilità tal-persuna, mhu se jkun qed jipprovdi jew jassigura mpjiegi għal ħadd mill-200 persuna li qed jingħataw it-taħriġ minn dan il-programm? Jekk dan hu l-każ tista’ tgħid x’differenza għandu dan it-taħriġ ta’ LEAP minn taħriġ ieħor li jiġi jew jista’ jiġi pprovdut mill-Korporazzjoni għall-Impjiegi u t-Taħriġ? Għaliex inħass il-bżonn li tinħoloq struttura oħra għat-taħriġ li tgħin fl-impjegabilità?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-għan tal-Proġett huwa li jikkontribwixxi lejn it-tnaqqis tal-faqar fil-familji u individwi li jagħmlu parti minn gruppi żvantaġġati, speċjalment ġenituri waħedhom, persuni b’diżabilitajiet, ex-detenuti, immigranti u nies foqra li jaħdmu. Dan se jsir permezz ta’ proċessi ta’ tagħlim tal-kompetenzi soċjali neċessarji, biex ikunu jistgħu jadattaw lilhom infushom għall-ħajja fis-soċjetà in ġenerali, inkluż biex ikunu impjegati u jintegraw ruħħhom fil-post tax-xogħol. Dan il-proġett fi ħdan il-Ministeru tal-Familja u Solidarjeta’ Soċjali ser ikun qed jipprovdi programm ta’ taħriġ lil tal-inqas 200 persuni li jiddependu fuq is-servizzi soċjali. Għal-perjodu ta’ 8 xhur dawn il-persuni ser ikunu qegħdin jipprovdu servizzi ġo entitajiet soċjali taħt s-supervizjoni tas-Social Mentors. Apparti l-benefiċċji soċjali li diġa qegħdin jircievu, huma ser jiġu mogħtija kontribut finanzjarju għas-servizzi tagħhom. Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex ukoll jirreferri għall-mistoqsijiet Parlamentari 6975, 6976, 6977, 6985.

Programm LEAP – tip ta’ impjieg

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 6979, peress li l-programm LEAP jipprovdi taħriġ li jgħin fl-impjegabilità tal-persuna imma mhu se jkun qed jipprovdi jew jassigura impjiegi għal ħadd mill-200 persuna li qed jingħataw it-taħriġ minn dan il-programm, tista’ l-Ministru ta’ lanqas tgħid x’tip u x’livell ta’ xogħol qed jiġu mħarrġa għalih il-200 persuna li bħalissa qegħdin bla xogħol imma qegħdin jitħarrġu permezz tal-programm LEAP,?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferri għat-tweġiba li ngħatat fil-mistoqsija Parlamentari numru 6980.

Programm LEAP – tip ta’ taħriġ

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 6980, tista’ l-Ministru tkun aktar speċifika u tiċċara jekk fil-fatt il-programm LEAP kellux programm ta’ taħriġ lest meta ġie mħabbar? Jekk le, dan il-programm tlesta sal-lum? Tista’ tgħid x’se jkun jinkludi?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferri għat-tweġiba li ngħatat fil-mistoqsija Parlamentari numru 6980.

Programm LEAP – tip ta’ taħriġ

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 6980, tista’ l-Ministru tkun aktar speċifika u tiċċara jekk fil-fatt il-programm LEAP hux se jkun qed jipprovdi t-taħriġ hu jew inkella hux se jkunu qed jitqabbdu entitajiet eżistenti bħall-Korporazzjoni għall-Impjiegi, Aġenzija Żgħażagħ, il-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi jew il-Fondazzjoni għal Ħarsien Soċjali? Jekk il-każ huwa li se jkunu l-entitajiet diġà eżistenti u stabbiliti li se jipprovdu t-taħriġ, tista’ tgħid x’se jkun eżatt ir-rwol tal-Programm LEAP jekk la se jkun qed jipprovdi t-taħriġ u lanqas se jipprovdi xogħol lill-200 persuna identifikati li huma bla xogħol?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferri għat-tweġiba li ngħatat fil-mistoqsija Parlamentari numru 6975.

Programm LEAP – sapport u appoġġ

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 6981, tista’ l-Ministru tgħid x’tip ta’ appoġġ u sapport se jkun qed jingħata permezz tal-programm LEAP lill-200 persuna identifikati bla xogħol jekk il-programm LEAP mhux se jkun qed jipprovdi t-taħriġ u l-anqas se jipprovdi x-xogħol lill-200 persuna identifikati?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferri għat-tweġibiet li ngħataw fil-mistoqsijijiet Parlamentari numri 8632 u 8633.

Kulleġġ San Injazju — faċilitajiet sportivi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’faċilitajiet sportivi qed jintużaw illum miż-żewġ skejjel sekondarji fil-Kulleġġ San Injazju f’Tal-Ħandaq?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-faċilitajiet sportivi fl-iskola sekondarja tas-subien li qed jintużaw huma dawk fuq barra, jiġifieri il-futbol pitch u l-basketball court. Hemm żewġ gyms li għad iridu jiġu żviluppati mill-FTS imma dawn m'humiex lesti u għalhekk ma jistawx jintużaw. Il-faċilitajiet sportivi fl-iskola sekondarja tal-bniet għadhom m'humiex kompluti. Jintużaw biss il- grounds ta' barra.

Kulleġġ San Injazju — indoor sports halls

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huts mill-eks skola tal-Ingliżi u sussegwentement Liceo Vassalli, bdew jiġu ttrasformati f’indoor sports halls, fil-Kulleġġ San Injazju f’Tal-Ħandaq? X'tip ta’ xogħol qed isir fihom? Meta hemm il-ħsieb li jkunu lesti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li ser jiġu ttrasformati tliet huts f'indoor sports facilities biswit il-Kulleġġ San Injazju f'Tal-Ħandaq u oħra f'sala. It-tenders għal dan ix-xogħol ser jiġu ppublikati fil-jiem li ġejjin u l-pjan hu li x-xogħol jitlesta sal-aħħar tas-sena.

Kulleġġ San Injazju f'Tal-Ħandaq — bini ta' kumpless sportiv ġdid

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jitkompla l-bini ta’ kumpless sportiv ġdid fil-Kampus tal-Kulleġġ San Injazju f’Tal-Ħandaq li l-pjanti dwaru u applikazzjoni għall-permess tiegħu kienu bdew fil-Leġiżlatura li għaddiet? Meta hemm il-ħsieb li jkompli x-xogħol fuq dan il-proġett bżonnjuż għall-istudenti u għall-komunità sportiva tal-madwar?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f'dan l-istadju qed isir studju fir-rigward tal-bini ta' kumpless sportiv ġdid fil-Kampus tal-Kulleġġ San Injazju f'Tal-Ħandaq.

Kulleġġ San Injazju f'Tal-Ħandaq — Walking and jogging club

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ilu mwaqqaf il-Walking and Jogging Club fil-Kulleġġ San Injazju f’Tal-Ħandaq? X’inhu l-iskop ta’ dan il-klabb? Kemm kien hemm membri, sena b’sena minn meta nfetaħ dan il-Klabb? Jista’ jgħid jekk sarx xi tibdil fil-ħinijiet tal-ftuħ tal-faċilitajiet miftuħa bla ħlas għall-pubbliku? Għaliex inħass il-ħtieġa għal dan it-tibdil?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-Walking and Jogging Club ta’ San Injazju ilu mwaqqaf mill-2010. L-iskop ta’ dan il-klabb hu li tkompli titrawwem kultura sportiva u titqajjem kuxjenza akbar dwar l-importanza tal-attivita’ fiżika għal saħħitna. Ma tinżammx statistika ċentru b’ċentru iżda bejn iċ-ċentri kollha, in-numri kienu hekk: 2010 – 400 parteċipant 2011 – 382 parteċipant 2012 – 1360 parteċipant 2013 – 1993 parteċipant Għall-perjodu tax-xitwa, minħabba n-nuqqas ta’ konkorrenza, il-ħinijiet inbidlu kif ġej: matul il-ġimgħa jagħlaq fid-9.00pm minflok fl-10.00pm is-Sibtijiet jiftaħ fit-8.30am minflok fis-6.00am il-Ħdud jiftaħ fit-8.30am minflok fis-6.00am u jagħlaq fil-11.00am minflok fis-1.00pm. Il-KMS għamel analiżi tal-attendenzi matul ix-xhur tax-xitwa. Minħabba nuqqas ta’ konkorrenza tul ix-xhur tax-xitwa inħasset il-ħtieġa għal dan it-tibdil. Il-pubbliku ġie nfurmat u ma kien hemm l-ebda persuna li għamlet kuntatt mal-KMS minn dak iż-żmien sal-lum.

Children and Young Persons Advisory Board

Question

Tista' l-Ministru tispjega l-għan taċ-Children and Young Persons Advisory Board u x’viżjoni għandha għal dan il-bord? Minn min huwa kkostitwit dan il-Bord?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

L-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

strateġija kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali

Question

Tista' l-Ministru tagħti timeline bid-dettalji ta’ dak li diġà sar, inkluż kull tħabbira li saret dwar din l-istrateġija, u ta’ dak li għad irid isir, inkluż kull draft li qed joħroġ, fit-tfassil tal-istrateġija kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

L-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Mistoqsijiet Parlamentari

Question

B’referenza għal numru ta’ każijiet fejn il-Ministru naqset milli tagħti risposti għal mistoqsijiet parlamentari li sarulha, b’rispett lejn din il-Kamra, tista’ l-Ministru tara li jitwieġbu l-mistoqsijiet parlamentari kollha li jsirulha u mhux sempliċement tirrispondi illi t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra (eżempju Seduta 66 minn sitt tweġibiet li pprovdiet il-Ministru, ħamsa minnhom kienu mwieġba b’dan il-mod) jew li ma jitweġbux bħal W93, W98 u oħrajn?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li minn 75 mistoqsijiet parlamentari bil-miktub u 92 Orali, total 167 sal-lum baqa’ pendenti 4 Orali u 6 bil-miktub. L-Onor. Interpellant għandu japprezza li l-mistoqsijiet parlamentari li saru lil dan il-Ministeru jirrikjedu xogħol ta’ riċerka u statistika li biex tkun preċiza tieħu ż-żmien biex tinġabar.

Ċentri Aċċess — skop

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhu l-iskop taċ-Ċentri Aċċess? Kemm-il ċentru hawn illum? Meta infetħu? X’jinkorporaw fihom? X’servizzi qed jagħtu? Xi professjonisti hemm jaħdmu fihom u kemm hemm minn dawn il-professjonisti f’kull ċentru?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

L-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Bord Konsultattiv għat-Tfal u ż-Żgħażagħ — membri

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm u min huma l-membri tal-Bord Konsultattiv għat-Tfal u ż-Żgħażagħ li rriżenjaw minn dan il-bord kemm ilu maħtur minnha? Tista’ tagħti r-raġunijiet ta’ kull riżenja li seħħet? Tista’ tgħid min ġie maħtur minflok kull persuna li rriżenjat u meta ġiet maħtura?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm 6 riżenji. Il-membri li rrizenjaw minn dan il-bord huma: Ms Victoria Bugeja, Dr Charles Azzopardi, Is-Sur Edward Montebello, Ms Elaine Micallef, Ms Lauren Kenely u Dr. Juliana Scerri Ferrante. Peress li dan il-bord sab sitwazzjoni ta’ back log qawwija, i.e. tfal taht care order li ma kenux qed jiġu assessjati regolarment, minn ġurnata fil-ġimgħa, beda jiltaqa’ darbtejn u kienet impossibli għal dawn il-professjonist li jagħtu daqstant ħin mix-xogħol tagħhom, għal ħidma fuq dan il-bord. Sadanitant instab li l-unaccompanied minors f’pajjiżna li żdiedu ħafna matul is-snin li għaddew, ma kenux qed jiġu assessjati. Għaldaqstant, ġew nominati persuni fuq dan il-bord biex jieħdu ħsieb lil dawn il-minuri.

Bord Konsultattiv għat-Tfal u ż-Żgħażagħ — laqgħat

Question

Tista’ l-Ministru tagħti d-dati tal-laqgħat tal-Bord Konsultattiv għat-Tfal u ż-Żgħażagħ li saru mill-1 ta’ Mejju 2013? Tista’ tgħid min kienu l-membri li attendew għal-laqgħat tal-bord u min kien assenti jew skużat skont id-dati tal-laqgħat li saru?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

L-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Bord Konsultattiv għat-Tfal u ż-Żgħażagħ — rappreżentanza

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għalfejn ir-rappreżentanta tagħha fil-Ministeru li kienet membru fuq il-Bord Konsultattiv għat-Tfal u ż-Żgħażagħ li isimha qed jintbagħat separatament irriżenjat minn dan l-istess Bord? Tista’ l-Ministru tgħid x’kienu l-kunflitti li kien hemm bejn din il-persuni u membri tal-istess Bord u anke ma’ ħaddiema soċjali?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna msemmija ma kinitx rappreżentanta tal-Ministeru, iżda social worker ta’ esperjenża. Ma kienx hemm konflitti iżda ġiet mogħtija doveri akbar fil-Ministeru.

tfal taħt ordni tal-ħarsien – talbiet mingħand ġenituri

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm ġenituri tat-tfal taħt ordni tal-ħarsien li talbu lill-Ministru jew ir-rappreżentanta tagħha fil-Ministeru sabiex jiltaqgħu mal-bord? Tista’ tgħid kemm minn dawn il-ġenituri ngħataw appuntament mal-Bord Konsultattiv tat-Tfal u ż-Żgħażagħ dirett mill-Ministeru mingħajr qabel ma kienu referuti lill-ħaddiema soċjali tal-Aġenzija Appoġġ?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma nbidlet l-ebda proċedura ta’ kif jiffunzjona l-Bord Konsultattiv tat-Tfal u ż-Żgħażagħ. Ġie introdott biss Family Support Unit fil-Ministeru sabiex jittratta ma’ dawk il-ġenituri, foster carers u oħrajn li jkunu jridu jitkellmu ma’ xi ħadd fil-Ministeru.