Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kunsill Malti għall-Isport – impjegati ġodda

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari W69, jista’ l-Ministru jgħid f’liema karigi daħlu l-erba’ persuni ġodda full-time mal-Kunsill Malti għall-Isport? X’inhuma s-salarju tagħhom u l-kundizzjonijiet?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-karigi u l-kundizzjonijiet tal-erba’ persuni ġodda full-time huma: Facility Manager II - € 23,380.46 – Kuntratt definit ta’ tlett snin Assistent Personali tal-eks Chairman - €23,422 - Detailed (telaq lura f'Ottubru 2013) Senior Operative - € 13,355 - Detailed Tal-Qroqq Sports Complex Coordinator & HR - €16,184 - Detailed.

Ċentri tar-Riżorsi għall-Familja — għajnuna

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 6997, 8631 u 8632, tista’ l-Ministru tiċċara x’tip ta’ servizz ta’ xogħol f’entitajiet soċjali qed jipprovdu dawk il-200 persuna bla xogħol li qed jingħataw taħriġ permezz tal-programm LEAP?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif intqal fil-mistoqsijiet imsemmija, it-taħriġ li se jinghata lil dawn il-persuni se jkun mfassal bejn l-organizzazzjoni li se tkun qed tospita dawn in-nies u s-social mentors. Barra minn hekk kif intqal iktar minn darba, dan il-perijodu ta 'taħriġ huwa ntiż li tinkiseb kompetenzi soċjali.

Programm LEAP – tip ta’ impjieg

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentri 6997, 8631, 8632 u 8633 u peress li s’issa fl-ebda tweġiba tal-Ministru ma ngħatat risposta għal din il-parti tad-domanda, tista’ l-Ministru tiċċara x’tip ta’ xogħol qed jiġu ppreparati għalih dawk il-200 persuna bla xogħol li qed jingħataw taħriġ permezz tal-programm LEAP u li sa Ġunju 2015 għandhom isibu xogħol permezz ta’ dan il-programm?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 8826.

Bord Konsultattiv għat-Tfal u ż-Żgħażagħ — membri

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 7001, tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija b’mod sħiħ u tgħid min ġie maħtur membru tal-Bord Konsultattiv għat-Tfal u ż-Żgħażagħ wara li dan il-bord maħtur mill-Ministru kellu sitt riżenji fi ħdanu?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferri għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari numru 5271.

Tfal Taħt Ordni tal-Ħarsien – Talbiet mingħand ġenituri

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 7005, tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija b’mod sħiħ u tgħid kemm kien hemm ġenituri ta’ tfal taħt ordni ta’ ħarsien li talbu lill-Ministru jew lir-rappreżentant tagħha fil-Ministeru sabiex jiltaqgħu mal-Bord Konsultattiv tat-Tfal u Żgħażagħ u ingħataw appuntament direttament mill-Ministeru mingħajr ma qabel kienu riferuti lill-ħaddiema soċjali tal-Aġenzija Appoġġ?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferri għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 7005.

Dar residenzjali għall-aħwa — impjegati

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 7010, tista’ l-Ministru tpoġġi kopja tas-sejħa ta’ ingaġġ biex jiġu impjegati l-carers li qed jaħdmu fid-dar residenzjali għall-aħwa kif diġà mitlub fil-mistoqsija oriġinali? Tista’ tagħti d-dettalji sħaħ tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom? Kemm għandhom paga f’ammont ta’ ewro? Kemm f’ammont ta’ ewro għandhom allowances u għalxiex qed jingħataw dawn l-allowances?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari se tingħata f'seduta oħra.

Dar residenzjali għall-aħwa – Manual of Procedures

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 7011, tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-project document tal-proġett tad-dar residenzjali għall-aħwa?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħal ma ġie spjegat fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 7011, ma kienx hemm project document formali għal dan il-proġett.

Dar residenzjali għall-aħwa – Manual of Procedures

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 7011, u b’referenza għall-fatt li l-ammissjoni li d-dar residenzjali għall-aħwa infetħet mingħajr manual of procedures lest, tista’ l-Ministru tgħid jekk issa wara li din id-dar residenzjali ilha xhur miftuħa u t-tfal qed jgħixu f’din ir-residenza u mhux mal-familja tagħhom, għandhiex il-manual of procedure lest? Tista’ tpoġġi dan il-manual fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-“manual of procedures” huwa dokument li fih il-linji gwida li bihom kull min qed ikollu x’jaqsam mad-dar, kemm bħala diriġenti, kemm bħala ħaddiema, u kemm bħala residenti, ikun jaf x’inhu mistenni minnu. F’din id-dar, li hija l-ewwel tat-tip tagħha f’Malta, il-proceduri bazici dwar kif tieħu ħsieb it-tfal, tgħinnhom jilħqu l-potenzjal tagħhom, u tara li l-ambjent fejn jgħixu jilħaq il-bzonnijiet tagħhom, ġew spjegati u diskussi waqt it-taħriġ li sar qabel ma bdiet topera d-dar. Barra minn hekk, kull meta kien hemm bżonn ta’ proceduri dwar xi bzonn partikolari tat-tfal, jingħataw istruzzjonijiet diretti minn min qed imexxi d-dar lill-ħaddiema kollha. Barra minn dawn il-proceduri, hemm x’uħud mil-linji gwida formali li qegħdin fi stadju ta’ abbozz, oħrajn li qegħdin inkluzi fil-dokument “Model policies and procedures for out-of-home care” maħruġ mid-Dipartiment għal Standards fil-Ħarsien Soċjali li jista jinstab fuq https://secure3.gov.mt/socialpolicy/admin/contentlibrary/Uploads/MediaFile/model_policies_procedures.pdf u oħrajn li huma parti mill-proċeduri tal-Fondazzjoni. Matul din is-sena, b’mod formali, dawn il-proceduri kollha ser jinġabru f’dokument wieħed li jkun jirrifletti l-bzonnijiet ta’ kull min hu involut fid-dar, partikolarment ir-residenti.

Kulleġġ San Injazju — faċilitajiet sportivi

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 8399, jista’ l-Ministru jgħid liema u x’jinkludu l-faċilitajiet sportivi li se jkunu qed jintużaw mill-iskola sekondarja tal-bniet fil-Kulleġġ San Injazju f’Tal Ħandaq? Meta se jkunu lesti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-faċilitajiet sportivi fi ħdan il-Kulleġġ San Injazju f'Tal-Ħandaq qed jintużaw kemm mill-istudenti subien kif ukoll mill-istudenti bniet. Dawn il-faċilitajiet sportivi huma dawk fuq barra, jiġifieri l-pitch tal-futbol u l-basketball court. Hemm erba' nissen huts li se jiġu żviluppati mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada u dawn huma pjanati li jkunu lesti s-sena d-dieħla. Dawn ukoll se jintużaw kemm mill-istudenti bniet kif ukoll mill-istudenti subien tal-iskejjel sekondarji fil-Kulleġġ San Injazju f'Tal-Ħandaq.

Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali – baġit approvat

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5141, tista’ l-Ministru tgħid jekk hi bħala Ministru hijhiex informata kif ġie mnaqqas il-baġit tal-Ministeru tagħha? X’kienet ir-raġuni wara dan it-tnaqqis? B’kemm tnaqqas il-baġit bħala ammont totali u bħala persentaġġ? Liema huma (numru u isem) il-line items li tnaqqsu? X’konsegwenzi se jkollu dan it-tnaqqis fuq il-ħidma tal-Ministeru tagħha?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferri għat-tweġiba li ngħatat fil-mistoqsija Parlamentari numru 5462.

Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali – baġit approvat

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5141, tista’ l-Ministru tgħid jekk it-tnaqqis fil-baġit tal-Ministeru tagħha hux se jaffettwa l-ispiża amministrattiva tal-Ministeru bħaż-żieda fin-nefqa tas-segretarjati tal-Ministru u tas-Segretarju Parlamentari jew inkella hux se jaffettwa iżjed is-servizzi u l-benefiċċji lil min għandu bżonnhom?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferri għat-tweġiba li ngħatat fil-mistoqsija Parlamentari numru 5462.

Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali – ingaġġ ta’ persuni

Question

Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija 5148 u tagħti d-dettalji kollha, inkluż tip ta’ xogħol, karigi, esperjenza u kwalifiċi, salarji u perkaċċi, ta' dawk il-persuni li mid-9 ta' Marzu 'l hawn ġew ingaġġati mal-Ministeru jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tagħha, inkluż is-segretarjat parlamentari u l-entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu, bħala persons of trust? Tista' l-Ministru tqiegħed kopja tal-kuntratti tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra? Tista' tgħid x’inhu t-total ta’ pagi tagħhom fis-sena b’mod kumulattiv?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

L-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

bordijiet, kummissjonijiet u kumitati fil-qasam soċjali, tal-anzjani u tad-diżabilità

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 5144, tista’ l-Ministru tikkonferma li l-informazzjoni mogħtija lil din il-Kamra hija fil-fatt korretta u li kull persuna li qed tissemma li qiegħda fuq bord li jaqa’ taħt il-Ministeru tagħha fil-fatt ma rriżenjatx, ma skadilhiex it-terminu jew ma tneħħietx mill-kariga?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jispeċifika l-mistoqsija.

Ċentri tar-Riżorsi għall-Familja – Public Social Partnerships

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 6995, tista’ l-Ministru tgħid jekk il-mudell li jopera l-Public-Social Partnerships Maltin ġiex żviluppat sal-lum? Meta se jibda jitħaddem dan il-mudell?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferri għat-tweġiba li ngħatat fil-mistoqsija Parlamentari numru 8643.

Ċentri tar-Riżorsi għall-Familja – Public Social Partnerships

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 6995, tista’ l-Ministru tgħid x’miżuri konkreti ġodda li mhumiex b’ mod jew ieħor eżistenti, se joffru ċ-Ċentri tar-Riżorsi għall-Familja fil-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferri għat-tweġiba li ngħatat fil-mistoqsija Parlamentari numru 6996.

Ċentri tar-Riżorsi għall-Familja — għajnuna

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 6997, tista’ l-Ministru tispeċifika kemm huwa ppjanat li se jiġu milħuqa persuni fil-faqar jew li huma soċjalment esklużi li sal-lum mhumiex jiġu milħuqa u issa se jintlaħqu permezz taċ-Ċentri tar-Riżorsi għall-Familja? Xi studji għandha l-Ministru li jagħtu ħjiel tal-għadd ta’ persuni li mhumiex jintlaħqu?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Proġett LEAP għadu fil-fażi inizjali u għandu sa Ġunju / Settembru 2015 sabiex ikun implimentat kollu. F'dan il-mument l-informazzjoni mitluba għadha mhijiex disponibbli sabiex tiġi analizzata. Rapport ta’ evalwazzjoni se jiġi ppublikat meta jintemm l-proġett.

Ċentri tar-Riżorsi għall-Familja – żieda

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 6988, tista’ l-Ministru tkun aktar speċifika u tgħid jekk iċ-Ċentri tar-Riżorsi għall-Familja, li se jkunu żvilupp fuq iċ-Ċentri Aċċess diġà eżistenti filwaqt li jibqgħu jużaw l-istess operat tagħhom, hux se jkunu aktar jew anqas miċ-Ċentri Aċċess li diġà jeżistu? Jekk hemm differenzi, tista’ tagħti l-ammont eżattinvolut?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ċ-ċentri tal-Iżvilupp soċjali se jiġu żviluppati fuq iċ-Ċentri Aċċess. Nitlob lill-Onorevoli rreferi ukoll għall- mistoqsija parlamentari 6983.

Ċentri tar-Riżorsi għall-Familja — operat

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 6990, tista’ l-Ministru tgħid fiex waslu n-negozjati finali mal-awtorità amministrattiva tal-Fond Soċjali Ewropew?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-negozjati mal-Awtorità Amministrattiva kienu konklużi u l-ftehim huwa lest biex jiġi ffirmat.

Ċentri tar-Riżorsi għall-Familja — operat

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 6990, tista’ l-Ministru tgħid s’issa kemm ġew impjegati nies fuq il-proġett taċ-Ċentri tar-Riżorsi tal-Familja? B’liema mod u fliema karigi u b’liema kundizzjonijiet ġew impjegati dawn il-persuni?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-reklutaġġ tal-persunal li jaħdmu fil-proġett għadu għaddej. Se jikkonsisti fi 3 senior managers (1 by each pillar of the project), 6 Regional development coordinator (one by each region), 30 social mentors u 12 community development agents. Il-kuntratti huma stabbiliti bl MFSS peress li huwa l-promotur tal-proġett.

Ċentri tar-Riżorsi għall-Familja — operat

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 6990, tista’ l-Ministru tgħid s’issa kemm ġew impjegati nies fuq il-proġett taċ-Ċentri għall-Iżvilupp Soċjali? B’liema mod u f’liema karigi u b’liema kundizzjonijiet ġew impjegati dawn il-persuni?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-reklutaġġ tal-persunal li jaħdmu f'dan il-qasam tal-proġett għadu għaddej.