Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali – baġit approvat
Question
B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 5377, 5141 u 5462, jista' l-Ministru jwieġeb id-domanda b’mod sħiħ? Jista' jgħid x'kienet ir-raġuni wara t-tnaqqis fil-baġit? B'kemm tnaqqas il-baġit, mhux biss bħala ammont totali iżda anke bħala persentaġġ? Liema huma (numru u isem) il-line items li tnaqqsu? X'konsegwenzi se jkollu dan it-tnaqqis fuq il-ħidma tal-Ministeru?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tnaqqis huwa wieħed minimu u m’affettwax il-ħidma tal-Ministeru.
Bħal ma jaf l-Onorevoli membru f’każ ta’ bżonn jingħataw fondi addizzjonali mill-Ministeru tal-Finanzi taħt voti rispettivi kif ukoll ikunu approvati
virements.
Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali – ingaġġ ta’ persuni
Question
B’ referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 5379, 5141 u 5462, u peress li l-mistoqsija parlamentari 5462, kontra kif indikat mill-Ministru ma jweġibx il-mistoqsija parlamentari 5378, jista’ l-Ministru jgħid jekk it-tnaqqis fil-baġit tal-Ministeru tiegħu hux se jaffetwa l-ispiża amministrattiva tal-Ministeru bħaż-żieda fin-nefqa tas-segretarjati tal-Ministru u tas-Segretarju Parlamentari jew inkella hux se jaffetwa iżjed is-servizzi u l-beneffiċċji ta’ min għandu bżonnhom?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari numru 8866.
Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali – ingaġġ ta’ persuni
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 5148 u 5389, li kontra kif indikat mill-Ministru ma jweġibx il-mistoqsija b’mod sħiħ, jista’ l-Ministru jagħti d-dettalji kollha inkluż it-tip ta’ xogħol, karigi, esperjeza u kwalifiki, salarji u perkaċċi, ta’ dawk il-persuni kollha li mid-9 ta’ Marzu ‘l hawn ġew ingaġġati b’xi mod jew ieħor, mal-Ministeru jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu, inkluż u dak tas-Segretarju Parlamentari, u l-entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu, bħala persons of trust? Jista' jqiegħed kopja tal-kuntratti tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista' jgħid x’inhu t-total ta’ pagi tagħhom fis-sena b’mod kumulattiv?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 8638 u 6988, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi diffikulta partikolari biex tingħata l-informazzjoni kif mitluba? Jista’ jkun aktar speċifiku u jgħid jekk iċ-Ċentri tar-Riżorsi għall-Familja, li se jkunu żvilupp fuq iċ-Ċentri Aċċess diġà eżistenti filwaqt li jibqgħu jużaw l-istess operat tagħhom, hux se jkunu aktar jew anqas miċ-Ċentri Aċċess li diġà jeżistu? Jekk hemm differenzi, jista’ jagħti l-ammont eżatt involut?
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 8639 u 6990, jista’ l-Ministru jgħid meta kienu konklużi n-negozjati finali mal-awtorità amministrattiva tal-Fond Soċjali Ewropew? Jista’ jgħid meta se jiġi ffirmat?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi n-negozjati finali mal-awtorità amministrattiva tal-Fond Soċjali Ewropew ġew konlużi fil-25 ta’ Frar 2014. Id-data ta’ meta se jiġi ffirmat il-ftehim rispettiv għad trid tiġi deċiża.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 6772 jista’ l-Ministru jgħid jekk il-proġett kontra l-ilma tal-għargħar f’Ħal Qormi għadux mistenni li jitlesta sa nofs din is-sena?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ix-xogħol fuq il-kuntratt prinċipali tal-proġett kontra l-għargħar f’Ħal-Qormi hu miexi b’ritmu tajjeb u jekk ma jkunx hemm ċirkustanzi imprevisti jew maltemp se jitlesta bejn Lulju u Awwissu ta’ din is-sena.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 6773, jista’ l-Ministru jgħid b’mod konkret liema huwa x-xogħol li huwa ppjanat li jsir mill-Ministeru tiegħu f’Ħal Qormi nkluż toroq, bankini, culverts u xogħol ieħor infrastrutturali jew marbut ma’ trasport u sigurtà fit-trasport? Meta huwa ppjanat li jsir dan ix-xogħol?
B’ referenza għall-mistoqsija parlamentari 6773, jista’ l-Ministru jgħid x’talbiet sarulu mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi - wara l-laqgħat li kellhom? Liema talbiet fi ħsiebu jwettaq il-Ministru?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li il-Kunsill Lokali primarjament għamel talbiet li jikkonċernaw manutenzjoni u titjib fl-infrastruttura. Dawn it-tip ta’ xogħlijiet jitwettqu b’mod regolari b’konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali konċernat skont l-urġenza ta’ kull biċċa xogħol partikolari kif ukoll skont il-prijoritajiet.
B’ referenza għall-mistoqsija parlamentari 6774, jista’ l-Ministru jgħid b’mod konkret liema huwa x-xogħol li huwa ppjanat li jsir mill-Ministeru tiegħu f’Ħal Luqa nkluż toroq, bankini, culverts u xogħol ieħor infrastrutturali jew marbut ma’ trasport u sigurtà fit-trasport? Meta huwa ppjanat li jsir dan ix-xogħol?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 6773.
B’ referenza ghal-mistoqsija parlamentari 6774 jista’ l-Ministru jgħid x’talbiet sarulu mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Luqa wara l-laqgħat li kellhom? Liema talbiet fi ħsiebu jwettaq il-Ministru?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 8836.
B’ referenza għall-mistoqsija parlamentari 6775, jista’ l-Ministru jgħid b’mod konkret liema huwa x-xogħol li huwa ppjanat li jsir mill-Ministeru tiegħu fis-Siġġiewi inkluż toroq, bankini, culverts u xogħol ieħor infrastrutturali jew marbut ma’ trasport u sigurtà fit-trasport? Meta huwa ppjanat li jsir dan ix-xogħol?
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 6980 u 8634, jista’ l-Ministru jgħid b’mod ċar jekk fil-fatt il-programm LEAP kellux programm ta’ taħriġ lest meta ġie mħabbar? Jista’ jpoġġi dan il-programm fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk ma kienx lest, jista’ jgħid meta tlesta dan il-programm ta’ taħriġ jew meta se jitlesta?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 6768, jista’ l-Ministru jgħid fiex waslet l-istallazzjoni tal-bus shelters fi Triq Blat il-Qamar u Triq Monsinjur FX Mangion fis-Siġġiewi?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li l-applikazzjoni li saret permezz ta’ Development Notification Order (DNO) fir-rigward tal-bus shelter ġewwa Triq Monsinjur FX Mangion fis-Siġġiewi ġiet milqugħa mill-MEPA. Transport Malta qegħda tagħmel il-preparamenti meħtieġa sabiex toħroġ talba għall-kwotazzjonijiet għal xogħlijiet ta’ Basework. Dan ix-xogħol huwa meħtieġ sabiex ikun jista’ jitwaħħal dan il-bus shelter.
Fir-rigward tal-bus shelter fi Triq Blat il-Qamar fis-Siġġiewi, Transport Malta irtirat l-applikazzjoni li kienet għamlet permezz ta’ DNO. Dan wara li l-istess Awtorita’ ġiet mgħarrfa mill-MEPA li kellha tiġi sottomessa Full Development Permit għal dan il-bus shelter. Din l-applikazzjoni ġiet sottomessa għall-kunsiderazzjoni mill-MEPA fit-2 t’April 2014.
B’ referenza għall-mistoqsija parlamentari 6768 jista’ l-Ministru jgħid fiex waslet l-evalwazzjoni għal post alternattiv biex jitpoġġa bus shelter li kellu jsir fi Triq Ħesri u nstab li mhemmx spazju biex dan isir fit-triq imsemmija?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li wara li saret site visit minn rapreżentanti ta’ Transport Malta u l-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi fl- inħawi ta’ Triq Ħesri ma nstabx post alternattiv fejn jista jiġi nstallat bus shelter. Madankollu ser jibqgħu jsiru tentattivi sabiex tinstab xi forma ta’ soluzzjoni alternattiva.
B’ referenza għall-mistoqsija parlamentari 6789 jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx jew hux qed isiru pjanti alternattivi biex jiġi żviluppat ġnien għall-memorja ta’ Annabelle Vassallo fiż-żona ta’ ħdejn il-Kappella tal-Providenza tas-Siġġiewi? Meta mistenni jinbeda u jitlesta dan il-proġett?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 6769.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 6770 jista’ l-Ministru jgħid xi progress sar f’ dawk li huma miżuri tas-sigurtà meħuda fi Triq l-Imqabba Siġġiewi?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lil Onor. Interpellant illi wara li Transport Malta ddeċidiet li ssir struttura aktar adekwata li ma ddejjaqx it-triq, ġew studjati l-interventi possibli u għalhekk fil-ġimgħat li ġejjin se jkun qed isir il-proċess ta' procurement biex ikun jista’ jsir ix-xogħol neċessarju kif previst.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 6771, jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ xi progress sar s’issa u x’xogħol fadal isir biex jitlesta l-proġett kontra l-ilma tal-għargħar f’Ħal Qormi?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s’issa tlesta madwar 55 fil-mija tax-xogħol kollu fuq dan il-proġett. Ix-xogħol li fadal isir hu t-tkomplija ta’ madwar 320 metru taż-żewġ culverts li qed isiru fi Triq il-Wied, xogħol ta’ re-asfaltar fuq il-pont ta’ Triq Correa li ma kienx jista jsir matul ix-xitwa, it-tkomplija ta’ żewġ culverts li qed jinbnew fil-Golf Course tal-Marsa, ftuħ ieħor għall- ilma ħdejn il-pont (Skewed Arch Bridge) ta’ Triq San Sebastjan, u tkomplija ta’ erba’ culverts li qed isiru taħt it-Triq Aldo Moro bejn il-kanal ta’ l-ilma tal-Marsa Sports Ground u Triq Aldo Moro u fil-parti ta’ ħdejn Triq Throubridge. Ser isir ukoll xogħol ta’ bini ta’ culverts tul Triq San Ġwakkin u parti minn Triq il-Ħelsien.
Kulleġġ San Injazju f'Tal-Ħandaq — bini ta' kumpless sportiv ġdid
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 8401, jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-oġġettiv tal-istudju dwar il-bini tal-kumpless sportiv ġdid fil-Kulleġġ San Injazju f’Tal Ħandaq? Jista’ jgħid jekk dan ir-rapport hux jistudja jekk dan il-proġett sportiv għandux jitwaqqaf, meta qabel kien maħsub li dan il-proġett ikun fuq skala simili għal dak tal-Kumpless Sportiv ta’ Ħal Kirkop, biex jaqdi l-bżonnijiet tal-istudenti filgħodu u għall-komunità tal-madwar wara l-ħin tal-iskola?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li skont il-pjan lokali għaż-żona ċentrali, l-art imsemmija hija green area. Għalhekk dan is-sit mhux ikkunsidrat tajjeb għal dan l-użu. L-iskejjel eżistenti se jagħmlu użu mill-faċilitajiet sportivi esterni, kif ukoll meta jitlesta x-xogħol ta' refurbishment tan-Nissen Hut, din se tiġi utilizzata biex b'hekk isiru attivitajiet interni fir-rigward ta' sports.
Kulleġġ San Injazju f'Tal-Ħandaq — Walking and jogging club
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 8402, li minnha joħroġ li l-parteċipanti li jmorru jimxu u jiġru bla ħlas fit-trakki tal-atletika tal-iskejjel tal-istat żdiedu sostanzjalment mit-twaqqif ta’ din l-inizjattiva fl-2010, jista’ l-Ministru jikkonsidra li minflok inaqqas il-ħinijiet tal-aċċessibiltà għall-pubbliku f’dawn l-iskejjel, iżid il-promozzjoni biex jużawh aktar u aktar nies, meta nafu bir-rata ta’ obeżità li għandna fil-pajjiż?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Naqbel li naraw kif nippromwovu dawn l-inizjattivi sabiex iktar nies jipparteċipaw f'attivitajiet ta' eżerċizzju fiżiku.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-After School Sports Programmes għadhomx qed isiru għall-istudenti fl-iskejjel tal-Istat? Kemm hemm studenti li qed jipparteċipaw f’kull skola, skola bi skola? Jista’ jgħid jekk kienx hemm tnaqqis ta’ ħinijiet f’dan il-programm? F’liema lokalitajiet sar dan it-tnaqqis? Għaliex?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li iva, l-After School Sports Programmes għadhom isiru għall-istudenti fl-iskejjel tal-Istat. Fl-iskejjel primarji, n-numru ta’ parteċipanti f’kull skola huwa:
Kunsill Lokali
Attività
Parteċipanti
Birgu
After School
55
Ħal Qormi - San Ġorġ
After School
30
Ħal Qormi - San Bastjan
After School
35
Birzebbuġia
After School
25
Gudja
After School
28
Għargħur
After School
29
Għaxaq
After School
35
Luqa
After School
42
Mosta
After School
38
Mtarfa
After School
32
Għarb
After School
18
Xewkija
After School
22
Dan il-programm isir skont ftehim milħuq (permezz ta’ kuntratt) bejn il-kunsill lokali, il-Kunsill Malti għall-Isport u d-Dipartiment tal-Gvern Lokali, taħt l-iskema
Inizjattivi Sportivi Kunsilli Lokali
. Il-programmi fil-lokalitajiet kollha qed isiru skont il-ftehim milħuq u ma kienx hemm tnaqqis fil-ħinijiet ta’ dan il-programm.
L-After School Sports Programme fl-iskejjel tas-sekondarja qed isiru f’kull skola fejn kien hemm rikjesta kif indikat hawn taħt:
Kulleġġ Marija Reġina, Skola Sekondarja Bniet, Mosta – 49 parteċipant
Kulleġġ San Benedittu, Skola Sekondarja Subien, Kirkop – 60 parteċipant
Kulleġġ Santa Margerita, Skola Sekondarja Bniet, Żejtun – 24 parteċipant.