Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali – ingaġġ ta’ persuni

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-misoqsija parlamentari 8868, b’referenza għall-mistoqsija parlamentari 5148 u 5389, li kontra kif indikat mill-Ministru ma tweġibx il-mistoqsija b’mod sħiħ? Jista’ jagħti d-dettalji kollha inkluż it-tip ta’ xogħol, karigi, esperjenza u kwalifiki, salarji u perkaċċi, ta’ dawk il-persuni kollha li mid-9 ta’ Marzu ’l hawn ġew ingaġġati b’xi mod jew ieħor, mal-Ministeru jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu, inkluż dak tas-Segretarju Parlamentari, u l-entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu, bħala persons of trust? Jista' jqiegħed kopja tal-kuntratti tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista' jgħid x’inhu t-total ta’ pagi tagħhom fis-sena b’mod kumulattiv?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 10880

Ħal Qormi – immaniġġar tat-traffiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu jsir biex iċ-ċentru ta’ Ħal Qormi jieqaf jintuża bħala passaġġ regolari għal numru dejjem akbar ta' karozzi u vetturi tqal li ma jkunux qed jaqsmu min-naħa għal oħra ta' Malta u li d-destinazzjoni finali tagħhom ma tkunx Ħal Qormi?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li Triq l-Imdina, Triq Manuel Dimech u Triq Ġuże’ Duca f’Ħal Qormi huma toroq arterjali u distributorji li l-għan tagħhom huwa li jgħaddi t-traffiku minnhom minn naħa għall-oħra tal-pajjiż.

Ħal Qormi – konġestjonijiet tat-traffiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, issa li hu konxju li s-sitwazzjoni tat-traffiku f’Ħal Qormi saret waħda insapportabbli minħabba li l-konġestjonijiet tat-traffiku qed joħonqu u jifgaw it-toroq ta' Ħal Qormi, prinċipali u mhumiex, inkluż Toroq l-Imdina, il-Ħelsien, il-Wied, Valletta, il-Vitorja, San Dwardu, il-Mitħna, il-Kbira, San Bastjan u San Bartilmew, x’se jkun qed jagħmel fix-xhur li ġejjin biex ma jkunx hemm konsegwenzi għas-saħħa u s-sigurtà tar-residenti tal-lokal?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li t-traffiku f'Ħal Qormi mhux fenomenu li nħoloq fl-aħħar sena. L-Awtorità tat-Trasport implimentat miżuri fl-inkroċju bejn Triq l-Imdina u Triq Manuel Dimech sabiex ġiet indirizzata l-aċċident black spot li kien hemm f’tali nkroċju u b’hekk ġie imtejjeb ukoll it-traffiku fl-akwata. Il-Kunsill Lokali ta’ Ħal-Qormi ma ssottomettiex talbiet speċifiċi sabiex jiġu ndirizzati problemi fit-toroq residenzjali.

Awtorità tad-Djar – Messaġġiera

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 9857 u 9858 jista’ l-Ministru jgħid jekk it-tliet messaġġiera ġodda li ġie kkonfermat li daħlu mal-Awtorità tad-Djar humiex l-istess tlieta li l-ewwel intbagħtu jaħdmu mal-Awtorità tad-Djar taħt l-iskema tal-ETC Community Work immirata għal dawk li jkunu ilhom diversi xhur bla xogħol? Jekk le, min huma dawn it-tliet impjegati? Xi kwalifiki għandhom? Kif saru tal-post? Saret sejħa pubblika biex dawn l-impjegati saru tal-post? Kien hemm min, minn dawn it-tliet impjegati ġodda, talab biex ikun jista’ jagħmel ukoll part time job?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tlett messaġġiera ġodda li daħlu mal-Awtorità tad-Djar m’humiex l-istess tlieta li qiegħdin taħt l-iskema tal-ETC Community Work. Dawn il-messaġġiera għandhom ‘school leaving certificate’ u liċenzja tas-sewqan. Il-persuni magħżula għall-pożizzjoni ta’ messaġġiera huma ġew ingaġġati wara li l-Awtorita’ kisbet l-permessi kollha meħtieġa biex timpjega dawn il-messaġiera fuq bażi indefinit, ħarġet sejħa interna u wara ħarġet sejħa permezz tal-ETC, skont il-proċeduri stabbiliti għal dawn l-aħħar snin. Il-Ftehim Kollettiv tal-Awtorita’ tad-Djar ma jobbligax lill-ħaddiema biex jinfurmaw lill-istess Awtorita’ sabiex ikunu jistgħu jagħmlu xogħol part time.

Awtorità tad-Djar – Messaġġiera u minor staff

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9860 u jikkonferma li ħadd mill-messaġġiera u l-minor staff ingaġġati mill-Awtorità tad-Djar minn Marzu 2013 sal-lum, ma kien diġà gawda minn skema ta’ rtirar kmieni minn xi entità oħra governattiva?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lil Onor. Interpellant illi wieħed mil-ħaddiema ingaġġati mill-Awtorita’ tad-Djar minn Marzu 2013 sal-lum, kien gawda minn skema ta’ irtirar kmieni. Il-kundizzjonijiet li taħthom dan l-impjegat gawda minn tali skema ma jipprojbixxuhx milli jkun ingaġġat mill-Awtorita’ tad-Djar.

Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali — konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ konsulenti li għandu miegħu llum il-Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali, inkluż is-Segretarjat Parlamentari? Jista’ jagħti d-dettalji dwar ħlasijiet u perkaċċi oħra ta’ kull konsulent? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt ta’ kull konsulent li għandu miegħu? Jista’ jgħid x’inhuma l-kwalifiki u l-esperjenza li għandu kull konsulent ingaġġat?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali — konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm żamm konsulenti minn dawk li kellha l-Ministru ta’ qablu minn Marzu 2013 ’il quddiem? Min huma dawn il-konsulenti? Għad għandhom l-istess kundizzjoniiet u, jekk le, kif inbidlu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Konsulenti li nżammu huma dawn: § Dr Andrew Azzopardi § Prof Maurice Mullard § Ms Maria Rauch § Mr Joe Gerada § Dr Yana Bland Mintoff § Dr Toni Abela § Dr Marvin Formosa Apparti Dr Marvin Formosa li naqqas in-numru ta’ sigħat, kollha għad għandhom l-istess kundizzjonijiet

Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali — konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm neħħa u kemm irriżenjaw konsulenti minn dawk li kellha l-Ministru ta’ qablu minn Marzu 2013 ’il quddiem? Min huma dawn il-konsulenti u fuq xiex qed jagħtu konsulenza?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kien hemm tlett (3) konsulenti li mxew mal-Uffiċċju tal-President. Minix f’posizzjoni li ngħid fuq hiex qed jagħtu konsulenza llum, minħabba li m’għadhomx jaħdmu fil-Ministeru tiegħi.

Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali – contracts of service

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma dawk il-persuni li ngħataw contract for service mid-9 ta' Marzu 2013 'l hawn? Jista' jgħid kemm tħallsu s'issa? Jista' jqiegħed kopja tal-kuntratti tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Awtorità tad-Djar – Executive Head Social Housing

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9852 u jgħid jekk il-persuna magħ¿ula biex tokkupa l-kariga ta’ Executive Head Social Housing fl-Awtorità tad-Djar ġietx magħżula wara sejħa pubblika jew għall-inqas sejħa interna? Jekk din il-persuna ġiet magħżula direttament bħala position of trust, kien hemm awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti biex din il-kariga tiġi magħżula mingħajr sejħa? Jekk dan hu l-każ, min awtorizza din is-sejħa b’dan il-mod?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna magħżula sabiex tokkupa l-kariga ta’ Executive Head Social Housing ġiet magħżula wara li l-Awtorita’ kisbet il-permessi kollha meħtieġa inkluż dawk tal-Ministeru għall-Familja u Solidarjeta’ Soċjali, il-Ministeru tal-Finanzi u tal-PAHRO. Din il-persuna ġiet magħżula wara li saret sejħa interna.

Awtorità tad-Djar – Executive Head Social Housing

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9853 u jgħid xi gradi kienet tokkupa l-persuna magħżula biex tokkupa l-kariga ta’ Executive Head Social Housing fl-Awtorità tad-Djar, minn meta daħlet mal-Awtorità sa qabel ma ntgħażlet biex tieħu l-kariga l-ġdida?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-persuna magħżula biex tokkupa l-kariga ta’ Executive Head Social Housing fl-Awtorità tad-Djar daħlet fl-1996 u kienet tokkupa l-gradi ta’ Skrivana, Senior Clerk, Assistant Administrator, Administration Officer, Senior Administrator, Senior Manager, Social Housing Supervisor, Registry Coordinator, Deputat Kap Eżekuttiv u Executive Head Social Housing.

Awtorità tad-Djar – Executive Head Social Housing

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9854 u jgħid xi kwalifiki għandha l-persuna magħ¿ula biex tokkupa l-kariga ta’ Executive Head Social Housing fl-Awtorità tad-Djar? Jekk il-kwalifiki mhumiex mill-Università ta’ Malta, jista’ jikkonferma li l-persuna magħżula għandha mhux anqas minn Masters degree MQF level 7 kif normalment jintalab f’karigi tal-ogħla livell? Jista’ jpoġġi l-verifika u l-validazzjoni tal-MQF level tal-kwalifika li għandha din il-persuna fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-persuna magħ¿ula biex tokkupa l-kariga ta’ Executive Head Social Housing għandha MQF Level 6 hekk kif kien rekwiżit mill-PAHRO u 18-il sena esperjenza mal-Awtorità tad-Djar. Il-kwalifika hija mill- Universita’ ta’ Wales. Il-verifika tal-MQF level tal-kwalifika li għandha din il-persuna lest li nuriha lill-Onoreveli Membru fuq bażi personali.

Awtorità tad-Djar – Karigi ta’ Deputat Kap Eżekuttiv u Executive Heads

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tad-Djar għandhiex impjegati li għandhom Masters degree MQF level 7? Jekk fl-affermattiv jista’ jgħid għaliex ħadd minn dawn ma’ nstab tajjeb biex jokkupa l-kariga ta’ Deputat Kap Eżekuttiv jew ta’ Executive Head meta min ġie impjegat f’dawn il-karigi minn Marzu 2013 sal-lum m’għandux dawn il-kwalifiki u xorta ingħata l-promozzjoni?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorità tad-Djar għandha impjegati oħra li għandhom Masters degree MQF level 7. Fil-każ ta’ Deputat Kap Eżekuttiv il-kariga kienet ‘position of trust’ u fil-każ ta’ Executive Head il-minimu tal-kwalifiki rekwiżit kien dak ta’ MQF level 6. Għalhekk, kull min kellu din il-kwalifika seta’ japplika għal din il-pożizzjoni.

Awtorità tad-Djar – periti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9855 u jgħid kemm hemm periti li jagħtu s-servizz tagħhom lill-Awtorità tad-Djar? Fuq liema bażi huma ingaġġati dawn il-periti? F’kull każ, x’inhu l-pakkett finanzjarju, il-perkaċċi u l-benefiċċji?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorità tad-Djar għandha sebgħa periti li huma fuq bażi indefinita u l-pakkett finanzjarju, il-perkaċċi u l-benefiċċji ta’ kull perit huwa kif muri fuq it-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Awtorità tad-Djar — periti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9856 b’mod sħiħ u jgħid dak li ma qalx s’issa, jiġifieri min kienu l-periti li taw is-servizz tagħhom lill-Awtorità tad-Djar mill-2013 sal-lum? F’kull każ, jista’ jgħid meta bdew l-ingaġġ, fuq liema bażi u b’liema kundizzjonijiet? Jista’ jagħti r-raġuni għat-terminazzjoni ta’ dawk il-periti li m’għadhomx mal-awtorità?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorità tad-Djar għandha seba’ periti li huma fuq bażi indefinita. L-informazzjoni mitluba dwar il-pakkett finanzjarju, il-perkaċċi u l-benefiċċji ta’ kull perit qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Politika Nazzjonali dwar it-Tfal – politika ġdida

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10578 u jgħid jekk sarx użu mill-Politika Nazzjonali dwar it-Tfal u l-proċess ta’ konsultazzjoni dwarha li kienet tfasslet minn gvern preċedenti?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 10644.

Politika Nazzjonali dwar it-Tfal – politika ġdida

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10579 u jgħid x’qed iżżid il-Politika Nazzjonali dwar it-Tfal il-ġdida fuq dik li kienet diġà tfasslet fis-snin li għaddew?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 10644

Qrati – assistenza lil persuni b’diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10389 u jgħid x’tip ta’ assistenza tingħata lill-persuni b’diżabilità minħabba d-diżabilità tagħhom meta huma jidhru quddiem il-Qrati tal-Ġustizzja? Jista’ jgħid min iħallas għal din l-assistenza?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Qrati tal-Ġustizzja li l-Qrati tal-Ġustizzja huma aċċessibli għall- persuni b’diżabiltà. Il-Customer Care personnel tal-Qrati ġew mgħarrfa kif għandhom jgħinu u jassistu persuni b’diżabiltà meta dawn jidħlu fil-bini tal-Qorti billi jipprovduhom b’informazzjoni u jiddiriġuhom għall-post mitlub. Kap 12 tal-Liġijiet ta’ Malta Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili Artikolu 593 jipprovdi għal meta xi xhud ikun trux-u-mutu, jew trux biss jew mutu biss u l-Qrati jgħatu l-assistenza lil dawn il-persuni kif provvdut f’dan l-artikolu meta jkun meħtieġ. Hi l-Qorti li tirregola min għandu jħallas għal din l-assistenza. L-Artikoli 451 u 640 tal- Kap tal-Liġijiet ta’ Malta – Kodiċi Kriminali jipprovdu rispettivament regoli li għandhom jitħarsu meta l-akkużat hu trux-u-mutu, jew trux biss jew mutu biss u meta ssir eżami ta’ xhud trux-u-mutu jew mutu biss. Għalhekk, ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Qrati tal-Ġustizzja josservaw dawn ir-regoli meta jkun hekk meħtieġ. F’dawn il-każijiet, hi l-Amministrazzjoni tal-Qorti li tagħmel tajjeb għall-ispejjeż li jkunu nvoluti.

Qrati – assistenza lil persuni b’diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10390 u jgħid kemm persuni b’diżabilità ingħataw xi forma ta’ assistenza minħabba d-diżabilità tagħhom meta huma dehru quddiem il-Qrati tal-Ġustizzja fl-aħħar ħames snin? Jista’ jgħid kemm kienet l-ispiża għal din l-assistenza sena b’sena?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li skont kif infurmat mill-Qrati tal- Ġustizzja, ma tinżammx din l-istatistika.

Qrati – assistenza lil persuni b’diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10391 u jgħid jekk persuni b’diżabilità hux se jibqgħu jingħataw l-assistenza meħtieġa minħabba d-diżabilità tagħhom, mingħajr ħlas, meta dawn jidhru quddiem il-Qorti?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuni b’diżabilità se jiqbgħu jingħataw l-istess assistenza u dana skont kif spjegat fir-risposta għad-domanda parlamentari 10719.