Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pensjonitas-Servizzi Brittaniċi – rata tal-kambju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-rata tal-kambju (minn sterlina għall-ewro) li qed tintuża biex jiġi kkalkulat l-ammont ta’ pensjoni li jingħataw dawk li jirċievu wkoll pensjoni mis-Servizzi Brittanniċi?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rata tal-kambju minn Sterlina għal Ewro li ntużat din is-sena sabiex jiġi kkalkulat l-ammont ta’ pensjoni li jirċievu pensjonanti tas-Servizzi Brittaniċi hi ta’ €0.8473 kif stabbilita f’Jannar 2014 u bbażata fuq il-medja tar-rati tal-kambju minn Lulju sa Diċembru 2013.

Pensjonanti tas-Servizzi Brittanniċi – pensjoni kontributorja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta dawk il-persuni li jirċievu wkoll pensjoni mis-Servizzi Brittanniċi se jibdew jingħataw il-pensjoni kontributorja sħiħa li huma intitolata għaliha?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern jinsab impenjat li jkompli jibni fuq il-proċess li kien inbeda fl-1997 u li bih bdew jibbenefikaw eluf ta’ pensjonanti li jirċievu pensjoni tas-servizz.

Is-Siġġiewi — Triq l-Imqabba - Crash Barriers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex minkejja l-wegħda tiegħu u minkejja li għaddew aktar minn disa’ xhur u l-crash barriers fi Triq l-Imqabba, is-Siġġiewi għadhom ma nqalgħux u lanqas jidher li ttieħdu xi mi¿uri oħra biex tissolva l-problema tal-konġestjoni tat-traffiku? Jista’ jgħid għaliex fl-istess waqt ma jidhirx li ttieħdu xi miżuri oħra ta’ sigurtà fil-post ħlief li sar xi xogħol fuq il-ħajt li jmiss mal-crash barriers? Jista’ jgħid meta se tittieħed azjoni dwar l-problema msemmija?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ingħatat għall-mistoqsija parlamentari W268.

Djar tal-anzjani – lista ta’ stennija

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 10661, jista’ l-Ministru jgħid b’kemm żdiedet il-waiting list ta’ anzjani li jridu jidħlu fid-djar residenzjali tal-Gvern jew fi djar residenzjali mikrijin minnu minn Marzu 2013 sal-lum?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’Marzu 2013 kien hemm 1341 applikazzjoni fil-lista ta’ stennija għad-dħul fi Djar residenzjali tal-Gvern jew fi djar residenzjali mikrijin minnu u sal-lum hemm 2,085 applikazzjoni pendenti. Ta’ min isemmi li f’dan il-perjodu kien hemm 1,669 applikazzjoni ġdida. Dan ifisser li bejn dħul f’SVPR u djar residenzjali u bix-xiri ta’ sodod ġodda fi djar privati, kien hemm 925 anzjan fuq il-waiting list li sabu post fi Djar residenzjali tal-Gvern jew fi djar residenzjali mikrijin minnu.

Djar tal-anzjani – dħul ta’ anzjani

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 10662, jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu anzjani ġodda fi djar residenzjali tal-Gvern jew fi djar residenzjali mikrijin minnu minn Marzu 2013 sal-lum? Jista’ jgħid mil-liema lokalitajiet ġejjin dawn l-anzjani?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Marzu 2013 sal-lum daħlu 773 anzjan/a fi djar residenzjali tal-Gvern jew fi djar residenzjali mikrijin. Il-lokalitajiet huma kif indikat fit -tabelli li qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ħal Qormi – problema ta’ għargħar

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 6771, 8833 u 9202 u x-xogħol li qed isir fuq il-proġett kontra l-ilma tal-għargħar f’Ħal Qormi, jista’ l-Ministru jgħid jekk wara li f’Mejju 2014 stqarr li l-proposta ta’ tisbiħ tal-inħawi tal-wied se tiġi kkonsidrata, jinsabx issa kommess li jwettaq dan it-tisbiħ bi spiża relattivament żgħira fil-kuntest tal-miljuni kbar li nġiebu mill-Unjoni Ewropea fil-leġiżlatura li għaddiet biex il-proġett tal-ilma tal-għargħar ikun jista’ jsir?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mgħotija għall-mistoqsija parlamentari 10890.

Ħal Qormi – xogħlijiet ippjanati

Question

B’referenza għall–mistoqsijiet parlamentari 6773, 8835, 9204 u 9205 fejn il-Ministru ġie b’mod sempliċi u bl-aktar mod dirett mistoqsi biex jgħid b’mod konkret u jelenka liema huwa x-xogħol li huwa ppjanat li jsir mill-Ministeru tiegħu f’Ħal Qormi, inkluż toroq, bankini, culverts u xogħol ieħor infrastrutturali jew marbut ma’ trasport u sigurtà fit-trasport, jista’ l-Ministru jikkonferma jew jiċħad li fil-fatt s’issa ma għandu xejn ġdid ippjanat għal Ħal Qormi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma għandi xejn x’inżid mat-tweġibiet mogħtija għall-mistoqsijiet parlamentari li għalihom għamel referenza.

Pensjonanti tas-Servizzi Brittanniċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni li kienu fl-RAF irċevew pensjoni mis-Servizzi Brittanniċi u konsegwentement tnaqqsitilhom il-pensjoni kontributorja Maltija, mill-1979 sal-lum?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Pensjonanti tas-Servizzi Brittaniċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni li kienu fl-RAF li fil-preżent qed jirċievu pensjoni mis-Servizzi Brittanniċi u konsegwentement qed titnaqqsilhom il-pensjoni kontributorja Maltija?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ pensjonanti li jirċievu pensjoni mis-Servizzi Brittanniċi u li konsegwentement qed titnaqqsilhom il-pensjoni kontributorja Maltija huwa ta’ 189.

Pensjonanti tas-servizzi Brittaniċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm għandhom età l-persuni li kienu fl-RAF u li fil-preżent qed jirċievu pensjoni mis-Servizzi Brittanniċi u konsegwentement qed titnaqqsilhom il-pensjoni kontributorja Maltija?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-età tal-persuni msemmija tvarja bejn 64 u 98 sena.

Pensjonanti tas-servizzi Brittaniċi – Tnaqqis mill-pensjoni kontributorja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm minn dawk il-persuni li għandhom pensjoni kontributorja Maltija kif ukoll pensjoni mis-Servizzi Brittanniċi, li qabel Marzu 1979 kellhom jiġu ttrasferiti mar-Royal Air Force biex ilestu t-terminu neċessarju ħalli ma jitilfux id-dritt tal-pensjoni tas-Servizzi Brittanniċi?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali m’għandhux fil-pussess tiegħu l-informazzjoni mitluba peress li mhix neċessarja sabiex tiġi maħduma il-pensjoni kontributorja.

Ħal Qormi — traffiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux konxju li l-aħħar deċiżjoni li ttieħdet mill-Gvern bla konsultazzjoni fi Triq l-Imdina/Manuel Dimech (ħdejn il-Qormi Sports & Fitness Park) kompliet iżżid il-konġestjoni ħdejn il-Monument ta' Pinto (diġà gravi bil-karozzi tal-linja) bil-konsegwenza li qed ikun imblokkat Ħal Qormi kollu? Konxju l-Ministru li wieħed sar idum aktar biex joħroġ minn Ħal Qormi milli biex jasal fid-destinazzjoni tiegħu barra Ħal Qormi? Jista’ jgħid x’se jkun qed jagħmel biex jirrimedja din is-sitwazzjoni?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li kien il-Kunsill Lokali ta’ Ħal-Qormi li fl-2012 talab lill-Awtorita’ tat-Trasport sabiex tindirizza l-problema ta’ saħħa u sigurta’ li kien hemm fl-inkroċju bejn Triq l-Imdina u Triq Manuel Dimech, dan minħabba li dawn huma toroq arterjali u distributorji u jaqghu taħt ir-responsabilta’ tal-Awtorita’. L-intervent li sar indirizza l-accident black spot f’dan l-inkroċju, bl-ewwel indikazzjonijiet juru li l-aċċidenti f’din iz-zona naqqsu b’terz, filwaqt li ttejjeb t-traffiku fl-akwata speċjalment fi Triq Manuel Dimech. L-Onorevoli Interpellant huwa mfakkar li t-traffiku fi Triq l-Imdina mhux fenomenu li nħoloq minħabba l-intervent li sar mill-Awtorita’. It-traffiku fl-akwata żdied, bħal ma żdied fil-pajjiż kollu. Il-problema tat-traffiku hija waħda mill-iktar sfidi li qed jiffaċċja pajjiżna sena wara sena u li ilha toħloq problemi kbar ta’ konġestjoni f’ toroq arterjali. Sa mill-bidu nett li ħadna t-tmexxija tal-pajjiż f’ idejna, dan il-Gvern irrikonoxxa li hemm din il-problema. Biżżejjed ngħid li hemm aktar minn 332,000 vettura f’pajjiżna, fil-maġġor parti tagħhom huma vetturi privati. Barra minn hekk wieħed jinnota li hemm nuqqas ta’ dixxiplina minn ċerti mis-sewwieqa u nuqqas ta’ infurzar tar-regolamenti. Għaldaqstant, ħadna ħsieb li nieħdu diversi miżuri biex tittaffa din il-problema, kemm short-term, medium term kif ukoll long term. Fejn jidħlu miżuri short term, id-dipartiment tas-siġurta’ fit-toroq u l-immaniġġjar tat-traffiku fi ħdan Transport Malta, għamel analiżi fuq dawk iż-żoni fejn l-aktar ikun hemm konġestjoni biex jinħoloq pjan li jindirizza is-sebut twil ta’ karozzi li jakkumulaw fil-peak hours. Qed jittieħdu diversi miżuri fosthom, disinji ġodda li jgħinu fl-andament tat-traffiku, sinjali ġodda tat-traffiku biex jgħinu lis-sewwieqa , bdil fil-ħinijiet tat-traffic lights biex it-traffiku jimxi aħjar, qed nippromwovu il-car pooling , kif ukoll saħħaħna it-trasport bil-baħar. Qed jittieħdu ukoll miżuri medium term fejn inbeda studju dwar il-ħolqien ta’ strateġija nazzjonali għat-trasport. Nedejna r-Road Safety Strategy li l-prijorita’ tagħha hija s-sigurta’ fit-toroq tagħna. Dan l-istudju jiffoka kif ser innaqqsu l-inċidenti fit-toroq tagħna, inħarsu lejn kif ser intejbu l-infrastruttura tat-toroq arterjali u distributorji, nagħtu attenzjoni lis-sewwieqa żgħażagħ u sewwieqa tal-muturi, nindirizzaw l-atteggjament illegali ta’ċertu sewwieqa kif ukoll intejbu l-għarfien dwar kif isiru toroq iżjed siguri. Matul iż-żmien li ġej, il-Gvern huwa impenjat li jimplimenta firxa wiesgħa ta’ interventi strateġiċi biex jilħaq il-mira Ewropeja li sal-2020 l-inċidenti fatali jonqsu b’ 50 fil-mija, ġrieħi gravi jonqsu bi 30 fil-mija kif ukoll il-ġrieħi ħfief jonqsu b’ 20 fil-mija. Qed nieħdu ħsieb ukoll li jittieħdu miżuri long term biex tingħata prijorita’ lill-proġetti li jħaffu it-traffiku. Hadna ħsieb biex inlestu il-proġett tat-Triq Diċembru 13 wara xhur ta’ telqa mill-Gvern preċedenti, biċ-ċans li jintilfu fondi Ewropej. Barra minn hekk għaddejjin b’ritmu tajjeb ħafna il-proġett ta’ Triq il-Kosta. Ser isir il-proġett tal-Kappara Junction kif ukoll issottomejna pjanti għall-proġett tal-Addolorata Junction li minbarra ser inaqqas it-traffiku minn u lejn in-naħa ta’ isfel ta’ Malta, ser inżidu is-sigurta’ u l-aċċessibilita’ biex persuni jmorru minn lokalita’ għal oħra. Fl-aħħar minn l-aħħar l-aktar soluzzjoni effettiva hija dik li innaqsu il-vettura mit-toroq tagħna. Għaldaqstant il-Gvern qed jagħmel dak kollu possibli biex il-poplu jingħata servizz ta’ trasport pubbliku li jixraqlu, b’hekk iħajjar aktar nies biex jużawh. Dan kollu qed isir bl-inizjattiva tal-Gvern preżenti, wara li dak preċedenti ħalli telqa kbira f’ dan is-settur. Infakkar lill-Onorevoli Interpellant li ir-rapport tat-telfa tal-Partit Nazzjonalista stess jgħid li “ L-istat tat-toroq u d-dewmien biex jitlestew ċerti toroq u proġetti infrastrutturali oħra wrew nuqqas ta’ kontroll mill-Gvern”. Fir-rigward tat-trasport pubbliku, l-istess rapport jgħid ukoll li “....nħolqu aspettattivi għoljin ħafna, saru ħafna żbalji u ġiet implimentata b’mod mgħaġġel wisq bil-konsegwenza li l-ewwel reazzjoni kienet li r-riforma ma kinitx suċċess.Dan baqa’ jinħass għal ħafna xhur wara li bdiet titwettaq ir-riforma.” Dan kollu wassal biex il-poplu ma jużax it-trasport pubbliku u minflok juża il-karozza privata tiegħu, bil-konsegwenza li spiċċajna b’ ħafna aktar vetturi jiċċirkolaw fit-toroq tagħna. Ninforma ukoll lill-Onorevoli Interpellant li jien , fir-responsabilta’ tiegħi ta’ Ministru tat-Trasport u l-Infrastruttura, inkun fit-toroq man-nies u naf sew li l-problema tat-traffiku f’ pajjiżna mhux perċezzjoni, bħal ma naf li lanqas hija perċezzjoni li l-problema tat-traffiku ma bdietx illum.

Ħal Qormi – immaniġġar tat-traffiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern u Transport Malta għandomx pjan ħolistiku u studjat għall-immaniġġar tat-traffiku f’Ħal Qormi? Jista’ jqiegħed dan l-istudju fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk il-Ministru m’għandux pjan għal Ħal Qormi jista’ jgħid meta beda u meta se jitlesta dan il-pjan? Il-Kunsill Lokali Ħal Qormi u r-residenti Qriema ġew jew se jiġu kkonsultati dwar dan il-pjan?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li l-Kunsill Lokali ta’ Ħal-Qormi ma ssottometta l-ebda pjan ħolistiku għall-immanniġġjar tat-traffiku f’Ħal-Qormi. Iżda l-Awtorità tat-Trasport għandha proġett ħolistiku għall-pajjiż kollu, li jinkludi Ħal-Qormi, sabiex jiġi mmanniġġjat it-traffiku b’mod aktar effettiv, liema proġett huwa msejjes fuq sistemi ta’ Intelligent Traffic Management Systems. Proġett ieħor hija r-riforma fit-trasport pubbliku li huwa aspett kruċjali għall-immanniġġjar tat-traffiku f’kull lokal.

Ħal Qormi – bini ta’ toroq ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed jikkunsidra serjament miżuri effettivi, inkluż il-bini ta’ toroq ġodda ’l barra mill-parti residenzjali ta’ Ħal Qormi biex jevita li Triq il-Ħelsien u Triq il-Wied, li huma essenzjalment toroq residenjali, ma jibqgħux jiġu ttrattati bħala toroq arterjali bil-volum qawwi ta’ traffiku li jgħaddi minnhom u jinfirex f’toroq oħra interni f’Ħal Qormi?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 10886.

Ħal Qormi – miżuri ta’ sigurtà għar-residenti ta’ qrib il-Wied

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’se jkun qed jagħmel biex ipatti għall-influss tat-traffiku u l-periklu għas-saħħa u s-sigurtà tan-nies tal-Wied ta’ Ħal Qormi, issa li se jitlesta l-proġett tal-ilma tal–għargħar mibdi fil-leġiżlatura li għaddiet minn fondi Ewropej?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li l-Awtorità tat-Trasport ma rċeviet l-ebda proposta għal interventi ġodda fil-Wied ta’ Ħal-Qormi li, fil-fatt, mhuwiex triq iżda huwa open channel.

Ħal Qormi – problema ta’ traffiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux konxju li l-problema tat- traffiku f’diversi żoni ta’ Ħal Qormi ddeterjorat bil-qawwi fl-aħħar sena b’tali mod li ġieli tispiċċa ddum 20 minuta biex issuq 200 metru u probabbilment iddum aktar biex toħroġ minn Ħal Qormi milli biex tasal fid-destinazzjoni tiegħek? X’għamel il-Gvern s’issa u x’se jagħmel biex ma jħallix lil Ħal Qormi jitkisser u l-kwalità tal-ħajja tal-Qriema tittiekel ftit ftit?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġibiet mogħtija għall-mistoqsijiet parlamentari 10884, 10885 u 10886.

Ħal Qormi – problema ta’ għargħar

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 6771, 8833, u 9201, jista’ l-Ministru jgħid jekk wara li f’Mejju 2014 stqarr li ħa nota dwar il-bżonn li max-xogħol li qed isir fuq il-proġett kontra l-ilma tal-għargħar f’Ħal Qormi, isir ukoll mill-ġdid iċ-ċint ta’ madwar il-wied b’mod partikolari minn Triq il-Mitħna sa Triq Correa, u anke n-naħa ta’ Triq Pawlu Farrugia, il-Gvern issa ddeċidiex li jibni mill-ġdid dan iċ-ċint li qed jagħti dehra ta’ telqa, bi spiża relattivament żgħira fil-kuntest tal-miljuni kbar li nġiebu mill-Unjoni Ewropea fil-leġiżlatura li għaddiet biex il-proġett tal-ilma tal-għargħar ikun jista’ jsir?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġie mqabbad Perit mid-Dipartiment biex jagħmel id-disinji meħtieġa u applikazzjoni lill-MEPA għax-xogħol imsemmi. Meta jinħarġu l-permessi meħtieġa tal-MEPA tkun tista’ tinħareġ it-tender u wara jinbeda x-xogħol imsemmi.

Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali – ingaġġ ta’ persuni b’kuntratt

Question

Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji kollha, inkluż it-tip ta’ xogħol, karigi, esperjenza u kwalifiki, salarji u perkaċċi, ta' dawk il-persuni li mid-9 ta' Marzu 2013 'l hawn ġew ingaġġati mal-Ministeru jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu, inkluż is-Segretarjat Parlamentari u l-entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu, fuq kull tip ta’ kuntratt inkluż full time u part time? Jista' jgħid x’inhu t-total ta’ pagi tagħhom fis-sena b’mod kumulattiv?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali – ingaġġ ta’ persuni

Question

Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji kollha, inkluż it-tip ta’ xogħol, karigi, esperjenza u kwalifiki, salarji u perkaċċi, ta' dawk il-persuni li mid-9 ta' Marzu 2013 'l hawn ġew ingaġġati mal-Ministeru jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu, inkluż is-segretarjat parlamentari u l-entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu, bħala persons of trust? Jista' jqiegħed kopja tal-kuntratti tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista' jgħid x’inhu t-total ta’ pagi tagħhom fis-sena b’mod kumulattiv?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali –bordijiet, kummissjonijiet u kumitati

Question

Jista’ l-Ministru, għal kull tip ta’ bord, kumitat, kummissjoni u ħatriet simili oħra li jaqgħu taħt il-kappa tal-Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali, inkluż is-Segretarjat parlamentari, jagħti lista tal-persuni li ġew maħtura f’kull wieħed minnhom minn Marzu 2013 sal-lum? Jista’ jelenka l-kwalifiki u l-esperjenzi tal-persuni li qed iservu fuq dawn il-bordijiet, kummissjonijiet u kumitati? X’remunerazzjoni u perkaċċi oħra hemm marbuta ma’ dawn il-ħatriet f’kull każ?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant ir-risposta tingħata f'seduta oħra.