Legislature:
Category:
Reset
Active:

Politika Nazzjonali dwar it-Tfal

Question

B’referenza għall-mistoqsijet parlamentari 10644 u 10646, jista’ l-Ministru jikkonferma li l-Politika Nazzjonali Ġdida għat-Tfal m’hija se tibdel xejn fis-sustanza minn dik li tlestiet fil-leġiżlatura l-oħra? Jekk dan mhux il-każ, jista’ jgħid x’inhuma dawn il-bidliet?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant ir-risposta tingħata f’seduta oħra.
Leg 12 PQ #12071 Sitting 199 2014-11-12 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ħaddiema taċ-Ċivil – applikazzjonijiet għal korsijiet akkademiċi

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema taċ-Ċivil li applikaw biex jiġu sponsorjati għal korsijiet akkademiċi f’livell 4 u 5 skont ic-cirkolari OPM 19/2014 (u li jiffurmaw parti minn ESF4.100.) maqsuma kategorija kategorija? Jista’ jagħti dettalji ta’ meta se jibdew tali korsijiet skont l-applikazzjonijiet tal-ħaddiema taċ-Ċivil u fejn wasal il-proċess tal-għażla peress li jista’ jkun li xi korsijiet se jibdew f’Novembru jew f’Diċembru? X’jiġri f’każ li kors ikun beda u l-applikazzjonijiet ma jkunux ipproċessati u/jew mhux aċċettati?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ċirkulari No. 19/2014 u Addendum datat 10 ta’ Ottubru 2014 1) Sad-data tal-għeluq tas-sejħa għall-applikazzjonijiet, daħlu 69 applikazzjoni li kienu maqsuma kif inhu ġej: Livell 4 – 3 applikazzjonijiet Livell 5 – 50 applikazzjoni Livell 7 (postgraduate diploma) – 3 applikazzjonijiet Korsijiet qosra – 13-il applikazzjoni. 2) Iċ-ċirkulari ma tiddeterminax meta għandhom jibdew il-korsijiet iżda tghid li min japplika għal borża ta’ studju irid ikun applika wkoll għall-kors u jkun ġie aċċettat mill-università jew istituzzjoni tat-taħriġ. Barra minn dan, applikant irid ikun għadu ma ħallasx l-ammont totali tal-kors. B’hekk uffiċjali li qegħdin jagħmlu kors li diġà beda jistgħu japplikaw ukoll, sakemm jissodisfaw l-kriterji l-oħra. 3) Il-proċess tal-għażla għandu jibda fil-futur immedjat. Jekk uffiċjal li jingħata borża ta’ studju jkun diġà beda jħallas il-kors tiegħu, huwa jingħata lura l-flus li jkun ħallas. Jekk applikazzjoni għal borża ta’ studju ma tintlaqax, u l-uffiċjal konċernat ikun diġà beda l-kors, tkun deċiżjoni tiegħu jekk ikomplix il-kors u jħallas hu, jew inkella jekk jieqafx mill-kors.

Ħal Qormi – pjan għall-immaniġġjar tat-traffiku

Question

Peress li fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari W229, il-Ministru jikkonferma li ma għandux pjan għall-immaniġġjar tat-traffiku iffokat fuq Ħal Qormi, jista l-Ministru jgħid jekk il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi talabx lill-Gvern biex dan isir? Jista’ jpoġġi din it-talba fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li ma nstabu l-ebda sottomissjonijiet jew pjani jew studji ħolistiċi għall-immanniġġar tat-traffiku fit-toroq residenzjali fil-lokalità.

Ħal Qormi – konġestjoni tat-traffiku

Question

Peress li fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari W230, il-Ministru jgħid li mhux informat bil-problema tat-traffiku fit-toroq residenzjali ta’ Ħal Qormi u peress li kkonferma li m’għandu l-ebda pjan biex it-toroq interni ta’ Ħal Qormi ma jibqgħux passaġġ għal kull min irid jaqsam minn naħa għall-oħra ta’ Malta, jista’ l-Ministru jikkonsidra din il-mistoqsija bħala rappreżentattiva tal-karba tan-nies u jibda jieħu azzjoni dwar il-problema?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 11621.

Ħal Qormi – Bini ta’ toroq ġodda

Question

Peress li fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari W232, il-Ministru jikkonferma li Triq l-Imdina hi t-triq arterjali li suppost tieħu t-traffiku li ġej min-naħa tar-Rabat u Ħaż-Żebbuġ għal Ħal Qormi, u peress li volum konsiderevoli ta’ traffiku qed jagħżel li jgħaddi minn toroq residenjali f’Ħal Qormi minħabba staġnar qawwi fi Triq l-Imdina, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux jistudja serjament xi pjan biex jibni triq li tiddevja t-traffiku minn toroq residenzjali f’Ħal Qormi u li tibgħat it-traffiku direttament fil-bypass?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 11621.

Ħal Qormi – toroq arterjali/bypass

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux jikkonsidra Triq il-Ħelsien, Triq ir-Rebbiegħa u triq il-Wied f’Ħal Qormi bħala toroq arterjali u bħala bypass? Jekk dan mhux il-każ, jista’ jgħid x’inhu jagħmel biex jaqta’ t-traffiku li ġej fihom min-naħa tar-Rabat u Ħaż-Żebbuġ?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li l-klassifikazzjoni tat-toroq arterjali ssir mill-Awtorità għall-Ambjent u Ippjanar u mhux minn Transport Malta. Fil-mument, it-toroq ta’ Ħal-Qormi għandhom l-impatt tax-xogħlijiet li għaddejjin bħalissa fi Triq il-Kosta, Naxxar.

Is-Siġġiewi — ġnien kommemorattiv

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 6769, 8831, 9199 u W267 u peress li issa l-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura kkonferma li l-Gvern abbanduna l-pjan tal-Gvern ta’ qablu biex ir-razzett ta’ ħdejn il-Kappella tal-Providenza fis-Siġġiewi, jinbidel fi ġnien pubbliku ġdid iddedikat lil Annabelle Vassallo, jista’ l-Ministru jikkonferma li dan is-sit se jkompli jintuża bħala razzett għaliex se jiġi mgħoddi lil sidien ġodda proprju għal dan l-użu?

Response (BRINCAT, LEO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Ħal Qormi – toroq ġodda

Question

Peress li fil-mistoqsija parlamentari 10655 jikkonferma li l-Gvern għad m’għandux pjan biex jibni toroq ġodda f’Ħal Qormi, jista’ l-Ministru jgħid sa meta nistgħu nkunu nafu jekk Ħal Qormi hux fil-prijoritajiet tal-Gvern f’dan ir-rigward?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li it-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 10655 qiegħda terġa tiġi kkonfermata. Filwaqt li nżid li l-prijoritajiet huma l-istess għal kull lokalità.

Awtorità tad-Djar — madum quddiem blokka

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess biex tintlaqa t-talba biex biċċa art żgħira mitluqa bil-ħamrija quddiem il-blokk li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament tingħata l-madum kif sar diġa quddiem il-flat tal-istess blokk ta’ appartamenti tal-Awtorità tad-Djar?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma jirriżultax li hemm reġistrata talba biex l-Awtorita’ tad-Djar tagħmel ix-xogħol ta’ madum imsemmi. Għaldaqstant qed jiġi rakkomandat biex il-persuna involuta tavviċina l-Customer Care tal-Awtorita’ tad-Djar biex tagħti d-dettalji metħieġa sabiex, wara li jiġi vverifikat il-każ, l-inkwilin ikun jista’ jingħata r-risposta applikabbli.

Stallazzjoni ta' lift

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett ta’ stallar ta’ lift fil-blokk li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? X’inhi l-problema dwar dan id-dewmien kollu biex jiġi stallat dan il-lift?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ma rriżultax li daħlet xi applikazzjoni għand l-Awtorita' tad-Djar biex jiġi nstallat lift fil-blokk imsemmi.

Proċedura għall-stallazzjoni ta' lifts

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-proċedura dwar stallar ta' lifts meta ħadd mill-blokka partikolari ma jkun irid jidħol responsabbli hu għax-xogħol? Huwa minnu li jekk dan ikun il-każ, il-lift jibqa' ma jsirx minkejja li jista' jkun hemm każijiet li ġenwinament għandhom bżonn l-istallazzjoni tal-lift?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol kollu neċessarju għall-installar tal-lifts isir mill-Awtorita’ tad-Djar permezz ta’ tender pubbliku. Dan jinkludi l-bini tal-bokka tal-lift u l-installar tal-lift innifsu. Għalhekk l-ebda inkwilin jew sid ta’ appartament tal-Gvern ma jintalab jieħu responsabilita’ tal-istallazzjoni tal-lift. Min-naħa l-oħra s-sidien jew l-inkwilini tal-blokk jintalbu li jaħtru Assoċjazzjoni li trid taċċetta responsabbilta’ għall-manutenzjoni tal-lift u ħlasijiet relatati, il-manutenzjoni tal-partijiet komuni, ħlas ta’ konsum tal-elettriku tal-partijiet komuni inklużi tal-lift u linja tat-telefon fil-lift kif ukoll ħlas għal tiswijiet meħtieġa tal-istess lift. Għandu jsir maintenance agreement ma’ kumpanija tal-lifts u dan irid jiġi mġedded kull sena. Kwalunkwe ħlasijiet dovuti in konnessjoni mal-lift iridu jitħallsu b’mod ugwali minn kull inkwilin/sid li jkollu aċċess għall-lift.

Awtorità tad-Djar — periti

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex wara tliet xhur għadu ma ntbagħatx perit tal-Awtorità tad-Djar biex jara l-problemi rraportati fil-blokka li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Kemm kien hemm rapporti mir-residenti ta’ din il-blokka fl-aħħar xhur? X’inhi l-problema tar-residenti u x’inhi l-problema tal-Awtorità tad-Djar biex tieħu azzjoni effettiva u immedjata?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, mill-informazzjoni li għandha l-Awtorita’ tad-Djar dwar il-blokk imsemmi, jirriżulta li saru tliet rapporti differenti mill-istess inkwilin f’Lulju, Settembru u Ottubru. Dawn ir-rapporti jirrigwardaw żamma t’ilma fuq il-bejt, opramorta u tiswijiet fis-saqaf ta’ l-appartament. L-inkwilin għandha tirċievi appuntament mill-Awtorita’ tad-Djar biex issir spezzjoni fil-post fi żmien gimgħatejn oħra ħalli jiġu vverifikati t-tiswijiet mitluba.

Awtorità tad-Djar — periti

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex għadu ma ntbagħatx perit tal-Awtorità tad-Djar biex jara il-problemi rraportati fil-blokka li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Kemm kien hemm rapporti mir-residenti ta’ din il-blokka fl-aħħar xhur? X’inhi l-problema tar-residenti u x’inhi l-problema tal-Awtorità tad-Djar biex tieħu azzjoni effettiva u immedjata? Jista' jassigura li l-prblema tissolva mingħajr aktar dewmien?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, mill-informazzjoni li għandha l-Awtorita’ dwar il-blokk imsemmi, jirriżulta li hemm żewg rapporti mill-istess inkwilin f’dawn l-aħħar xhur li kienu jittrattaw dwar spalling ta’ konkos u tiswija fis-sistema ta’ dranaġġ. Spezzjoni mill-uffiċjali tekniċi tal-Awtorita’ tad-Djar diġa’ saret u tlestiet ukoll l-istima tax-xogħlijiet. Hu ppjanat li t-tiswijiet ikunu jistgħu isiru fix-xhur li ġejjin imma aktar ‘il quddiem l-inkwilin għandu jiġi infurmat bid-data eżatta meta jiġi ingaġġat kuntrattur biex jibda t-tiswijiet.

Djar tal-anzjani — Żieda fis-sodod

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 10663, jista’ l-Ministru jgħid kemm żdiedu sodod residenzjali ġodda għall-anzjani f’entitajiet governattivi matul is-sena 2014? Fejn żdiedu u kemm f’kull każ?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena 2014 la fit-tmint idjar tal-Gvern u lanqas fir-residenza San Vinċenz de Paule ma żdiedu ebda sodod residenzjali ġodda. Tajjeb li ngħid li matul l-2014 fir-residenza San Vinċenz de Paule, bi ftehim mal-Unions, kienu żdiedu 38 sodda b’mod temporanju matul il-perjodu tax-xitwa. Barra minn hekk f’din ir-residenza, ma żdiedux sodod ġodda permanentament peress li għaddej programm ta’ refurbishment f’xi swali.

Djar tal-anzjani — Żieda fis-sodod

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 10663, jista’ l-Ministru jgħid kemm żdiedu sodod residenzjali ġodda għall-anzjani f’entitajiet governattivi minn Marzu 2013 sal-lum? Fejn żdiedu u kemm f’kull każ?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ sodod miżjuda huwa kif ġej : Dar Numru ta’ Sodod Miżjuda Casa Arkati 61 Casa Leone 12 Casa Serena 2 Central 2 Sant Anna 8 Holy Family 4 Saura 4 Villa Messina 7 Bormla 6 SVPR 46 Totals 152

Residenza San Vinċenz de Paul — Fluid and Food Thickener

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 10665, jista’ l-Ministru jwieġeb l-aħħar parti tal-mistoqsija u jgħid x’konsegwenzi jista’ jkollu jekk il-Fluid & Food Thickener ma jingħatax lill-anzjani fir-Residenza San Vinċenz de Paul? X’periklu jista’ jpoġġi fih lill-anzjani dan in-nuqqas?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fost l-anzjani, inkużi dawk li jgħixu fir-residenza San Vinċenz de Paul, l-Fluid and Food Thickener jintuza sabiex il-persuna indikata tkun tista tibla’ sustanżi likwidi b’inqas diffikulta. Likwidi li jkollhom Fluid and Food Thickener miżjud inaqqas ir-riskju li persuna tixraq fuq likwidi.

Ħal Qormi – Għeluq ta’ parti minn Triq l-Imdina

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari W228 u d-deċiżjoni li ħa l-Gvern biex tingħalaq parti minn Triq l-Imdina (ħdejn il-Qormi Sports & Fitness Park) għal min irid imur lejn il-Marsa u peress li r-rapport li l-Ministru qed jirreferi għalih huwa rapport li sar wara u mhux qabel ittieħdet id-deċiżjoni li tingħalaq it-triq, jista’ l-Ministru jikkonferma li l-Gvern qabad u għalaq it-triq imsemmija mingħajr studju espert?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-istudji tat-traffiku fejn ġie analizzat il-volum tat-traffiku, it-tip ta’ traffiku w d-distribuzzjoni tat-traffiku saru qabel ma ġie mplimentat il-proġett. Dawn l-istudji ntużaw għal forecasting tax-xenarju bl-intervent fuq l-inkroċju bejn Triq Mdina (Marsa) u Triq Manuel Dimech. Sussegwentament wara li tlestew ix-xogħlijiet komplew isiru l-istudji li taw stampa aktar ċara tal-impatt tal-intervent li kkonfermaw il-forecasting li kien sar li kienu ser jonqsu l-inċidenti tat-traffiku u li kien ser jittejjeb it-traffiku fi Triq Manuel Dimech direzzjoni lejn Ħaż-Żebbuġ. Minħabba li issa beda ix-xogħol fuq Triq il-Kosta, Naxxar, li għandu mpatt fuq it-traffiku ġo Ħal Qormi, issa mhux possibbli li jsiru aktar studji sakemm jitlesta l-proġett ta’ Triq il-Kosta.

Ħal Qormi – Għeluq ta’ parti minn Triq l-Imdina

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari W228 u d-deċiżjoni li ħa l-Gvern biex tingħalaq parti minn Triq l-Mdina (ħdejn il-Qormi Sports & Fitness Park) għal min irid imur lejn il-Marsa, jista’ l-Ministru jgħid huwiex konxju li r-rapport li ppreżenta huwa stess, biex jiġġustifika din id-deċiżjoni li ma niżlet xejn tajjeb man-nies, huwa rapport iffirmat mill-istess uffiċjal li dan l-aħħar stqarret fuq it-televiżjoni li ‘t-traffiku huwa biss perċezzjoni tan-nies’?

Response (MIZZI, JOE)

Nibda biex ninforma lill-Onor. Interpellant li il-problema tat-traffiku hija waħda mill-iktar sfidi li qed jiffaċċja pajjiżna sena wara sena u li ilha toħloq problemi kbar ta’ konġestjoni f’ toroq arterjali. Sa mill-bidu nett li ħadna t-tmexxija tal-pajjiż f’ idejna, dan il-Gvern irrikonoxxa li hemm din il-problema. Biżżejjed ngħid li hemm aktar minn 332,000 vettura f’pajjiżna, fil-maġġor parti tagħhom huma vetturi privati. Barra minn hekk wieħed jinnota li hemm nuqqas ta’ dixxiplina minn ċerti mis-sewwieqa u nuqqas ta’ infurzar tar-regolamenti. Għaldaqstant, ħadna ħsieb li nieħdu diversi miżuri biex tittaffa din il-problema, kemm short-term, medium term kif ukoll long term. Fejn jidħlu miżuri short term , id-dipartiment tas-siġurta’ fit-toroq u l-immaniġġjar tat-traffiku fi ħdan Transport Malta, għamel analiżi fuq dawk iż-żoni fejn l-aktar ikun hemm konġestjoni biex jinħoloq pjan li jindirizza is-sebut twil ta’ karozzi li jakkumulaw fil- peak hours . Qed jittieħdu diversi miżuri fosthom, disinji ġodda li jgħinu fl-andament tat-traffiku, sinjali ġodda tat-traffiku biex jgħinu lis-sewwieqa , bdil fil-ħinijiet tat- traffic lights biex it-traffiku jimxi aħjar, qed nippromwovu il- car pooling , kif ukoll saħħaħna it-trasport bil-baħar. Qed jittieħdu ukoll miżuri medium term fejn inbeda studju dwar il-ħolqien ta’ strateġija nazzjonali għat-trasport. Nedejna r- Road Safety Strategy li l-prijorita’ tagħha hija s-sigurta’ fit-toroq tagħna. Dan l-istudju jiffoka kif ser innaqqsu l-inċidenti fit-toroq tagħna, inħarsu lejn kif ser intejbu l-infrastruttura tat-toroq arterjali u distributorji, nagħtu attenzjoni lis-sewwieqa żgħażagħ u sewwieqa tal-muturi, nindirizzaw l-atteggjament illegali ta’ċertu sewwieqa kif ukoll intejbu l-għarfien dwar kif isiru toroq iżjed siguri. Matul iż-żmien li ġej, il-Gvern huwa impenjat li jimplimenta firxa wiesgħa ta’ interventi strateġiċi biex jilħaq il-mira Ewropeja li sal-2020 l-inċidenti fatali jonqsu b’ 50 fil-mija, ġrieħi gravi jonqsu bi 30 fil-mija kif ukoll il-ġrieħi ħfief jonqsu b’ 20 fil-mija. Qed nieħdu ħsieb ukoll li jittieħdu miżuri long term biex tingħata prijorita’ lill-proġetti li jħaffu it-traffiku. Hadna ħsieb biex inlestu il-proġett tat-Triq Diċembru 13 wara xhur ta’ telqa mill-Gvern preċedenti, biċ-ċans li jintilfu fondi Ewropej. Barra minn hekk għaddejjin b’ritmu tajjeb ħafna il-proġett ta’ Triq il-Kosta. Ser isir il-proġett tal- Kappara Junction kif ukoll issottomejna pjanti għall-proġett tal- Addolorata Junction li minbarra ser inaqqas it-traffiku minn u lejn in-naħa ta’ isfel ta’ Malta, ser inżidu is-sigurta’ u l-aċċessibilita’ biex persuni jmorru minn lokalita’ għal oħra. Fl-aħħar minn l-aħħar l-aktar soluzzjoni effettiva hija dik li innaqsu il-vettura mit-toroq tagħna. Għaldaqstant il-Gvern qed jagħmel dak kollu possibli biex il-poplu jingħata servizz ta’ trasport pubbliku li jixraqlu, b’hekk iħajjar aktar nies biex jużawh. Dan kollu qed isir bl-inizjattiva tal-Gvern preżenti, wara li dak preċedenti ħalli telqa kbira f’ dan is-settur. Infakkar lill-Onorevoli Interpellant li ir-rapport tat-telfa tal-Partit Nazzjonalista stess jgħid li “ L-istat tat-toroq u d-dewmien biex jitlestew ċerti toroq u proġetti infrastrutturali oħra wrew nuqqas ta’ kontroll mill-Gvern”. Fir-rigward tat-trasport pubbliku, l-istess rapport jgħid ukoll li “....nħolqu aspettattivi għoljin ħafna, saru ħafna żbalji u ġiet implimentata b’mod mgħaġġel wisq bil-konsegwenza li l-ewwel reazzjoni kienet li r-riforma ma kinitx suċċess.Dan baqa’ jinħass għal ħafna xhur wara li bdiet titwettaq ir-riforma.” Dan kollu wassal biex il-poplu ma jużax it-trasport pubbliku u minflok juża il-karozza privata tiegħu, bil-konsegwena li spiċċajna b’ ħafna aktar vetturi jiċċirkolaw fit-toroq tagħna. Ninforma ukoll lill-Onor. Interpellant li jien , fir-responsabilità tiegħi ta’ Ministru tat-Trasport u l-Infrastruttura, inkun fit-toroq man-nies u naf sew li l-problema tat-traffiku f’ pajjiżna mhux perċezzjoni, bħal ma naf li lanqas hija perċezzjoni li l-problema tat-traffiku ma bdietx illum. Min qed jipprova jattakka fuq it-traffiku, tajjeb iħares lejn ir-rekord ta’ deċiżjonijiet ħżiena li ttieħdu f’ dan il-qasam.

Ħal Qormi – pjan għall-immaniġġjar tat-traffiku

Question

Peress li fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari W229, il-Ministru jikkonferma li ma għandux pjan għall-immaniġġjar tat-traffiku ffokat fuq Ħal Qormi, jista’ l-Ministru jgħid meta fi ħsiebu jfassal dan il-pjan biex ma jħallix lil Ħal Qormi jitkisser u l-kwalità ta' ħajja tar-residenti tiegħu tittiekel ftit ftit minħabba dħaħen, storbju u kwestjonijiet ta’ saħħa u sigurtà?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li, fil-mument, mhux possibbli li jsiru studji dwar it-traffiku ġo Ħal-Qormi minħabba l-impatt tax-xogħlijiet li għaddejjin bħalissa fi Triq il-Kosta, Naxxar. Iżda jien infurmat li l-Awtorità tat-Trasport qed taħdem fuq diversi pjanijiet u xogħlijiet ħolistiċi hekk kif jien diġà spjegajt fit-tweġiba għall-mistoqsija W 229.

Pensjonanti tas-Servizzi Brittaniċi – Tnaqqis mill-pensjoni kontributorja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-ammont finanzjarju totali li qed jitnaqqas mill-pensjoni kontributorja Maltija lill-persuni li fil-preżent qed jirċievu wkoll pensjoni mis-Servizzi Brittanniċi?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ammont finanzjarju totali li qiegħed jitnaqqas mill-pensjoni kontributorja Maltija lill-persuni li fil-preżent qegħdin jirċievu wkoll pensjoni mis-Servizzi Brittanniċi huwa ta’ madwar €385,500 fis-sena.