Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #15156 Sitting 250 2015-03-16 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ħal Qormi — Triq Amleto Spiteri - art esporprjata

Question

Jista l-Prim Ministru jghid jekk il-Gvern huwiex fi hsiebu jespropja xi artijiet minnghand il-privat fi Triq Amleto Spiteri f'Ħal Qormi? Jekk fl-affermattiv ghall-liema skop?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s’issa d-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern, m’għandu l-ebda talba min xi dipartiment jew entità oħra tal-Gvern sabiex jesproprja xi artijiet mingħand il-privat fi Triq Amleto Spiteri f’Ħal Oormi.

Ħal Qormi — Triq Amleto Spiteri - ġnien

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux il-ħsieb li jibni xi ġnien, spazju miftuħ jew spazju rikreattiv fi Triq Amleto Spiteri f’Ħal Qormi? Se ssir xi esproprazzjoni ta’ art biex dan isseħħ?

Response (BRINCAT, LEO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Ħal Qormi — Triq Amleto Spiteri - tarmak

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jingħata t-tarmak għall-ewwel darba f’parti minn Triq Amleto Spiteri f’Ħal Qormi minn Triq l-20 ta’ Jannar lejn id-direzzjoni tal-Marsa li għadha qatt ma saret bit-tarmak?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, il-parti tat-triq imsemmija li taqa’ fl-iskema hija diġà asfaltata.
Leg 12 PQ #15159 Sitting 250 2015-03-16 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ħal Qormi — Rationalisation Plan tal-MEPA għal art rurali

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk hemmx talbiet biex art rurali faċċata ta’ Triq id-Deheb Fin f’Ħal Qormi tinbidel f’żona ta’ żvilupp permezz tar-rationalisation plan tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ? Hemm aktar talbiet f’Ħal Qormi biex art rurali tidħol fil-pjan? Fejn huma dawn l-inħawi? Jista’ jgħid jekk l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar irċivietx ilmenti u petizzjonijiet minn residenti kontra dan l-iżvilupp?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nitlob l-Onor Interpellant jgħid għal-liema rationalisation exercise qed jirreferi.

Residenza San Vinċenz de Paul – rapporti ta’ każi ta’ frodi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk minn Marzu 2013 lil hawn kienx hemm rappurtati każi ta’ frodi fir-Residenza San Vinċenz de Paul? Kemm-il każ kien hemm? Kemm-il persuna kienet involuta? Xi gradi u rwoli qed jaqdu dawn il-persuni? X’tip ta’ investigazzjonijiet saru? Xi rriżulta minn dawn l-investigazzjonijiet?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorvoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f'seduta oħra..

PBS — fuel għall-karozzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża tal-PBS fuq fuel għall-karozzi tal-kumpanija matul is-sena 2014?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor.Interpellant li ninsab infurmat mill-PBS li l-ispiża tal-PBS fuq fuel għall-karozzi tal-kumpanija matul is-sena 2014 kienet ta’ € 21,022.95.

Anzjani — Ċentri ta’ Matul il-Jum– tibdil fit-tmexxija

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 10669, jista’ l-Ministru jgħid x’kienet l-esiġenza tas-servizz li għaliha ġiet trasferita l-office in charge li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Għaliex din l-officer in charge ma ngħatatx l-inkarigu li tuża l-esperjenza biex tmexxi ċentru ieħor meta infetħu ċentri ġodda u meta hemm ċentri li jaqsmu officer in charge?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fil-preżent l-esiġenzi tas-Servizz Pubbliku f’ San Vincenz de Paule huma prijorità.

Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni — Emendi għal Liġijiet Maltin

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li se jsiru l-emendi neċessarji għal liġijiet Maltin biex dawn jiġu konformi mar-Regolamenti tal-Unjoni Ewropea Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni sad-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament, u ċjoè sas-17 ta’ Awwissu li ġej? Kif beħsiebu jipproċedi l-Gvern f’dan il-każ?

Response (BONNICI, OWEN)

Nikkonferma li se jsiru l-emendi neċessarji għal-liġijiet Maltin biex dawn jiġu konformi mar-Regolamenti tal-Unjoni Ewropea Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni. Inħatar Bord li lesta il-proposti tiegħu u dawn il-proposti qegħdin il-Ministeru għall-approvazzjoni.

PBS — rappurtaġġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba sar rappurtaġġ ta’ kelliema tal-Gvern u kemm-il darba sar rappurtaġġ ta’ kelliema tal-Oppożizzjoni waqt l-aħbarijiet ta’ TVM, xahar b’xahar minn Marzu 2013 sal-lum?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

PBS – kelliema mistiedna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid waqt il-programmi tal-PBS mill-2013 sal-lum, kemm-il darba ġew mistiedna kelliema tal-Gvern u kemm-il darba ġew mistiedna kelliema tal-Oppożizzjoni? Jista’ jagħti din l-informazzjoni xahar b’xahar mill-2013 sal-lum?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba dwar l-għadd ta’ mistiedna li ħadu sehem fil-programmi tal-PBS fil-kapaċita’ tagħhom ta’ Ministri, jew ta’ Segretarji Parlamentari jew rappreżentanti tal-Partit Laburista u tal-Partit Nazzjonalista għall-perjodu msemmi qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Irrid ngħid li l-lista tinkludi l-mistednin li dehru fil-programmi TVAM, Times Talk, Dissett, Xarabank, Realta’, Focus u Reporter. Ma ġewx inklużi mistednin li pparteċipaw f’TVHemm li waqaf f’Ġunju tal-2013. Irrid ngħid ukoll li fl-analiżi tan-numri annessi wieħed irid iżomm f’moħħu li l-valur tal-aħbar f’ċerti ċirkustanzi tiddetermina li l-informazzjoni tinkiseb direttament minn Ministru jew Segretarju Parlamentari in vista tal-kariga eżekuttiva tiegħu jew tagħha.

PBS – Trasmissjoni ta’ Sports Awards

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm swiet lill-PBS it-trasmissjoni tas-serata MOC Sports Awards li xxandret nhar il-Ħadd 7 ta’ Diċembru 2014 fuq TVM 2?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija ta’ natura kummerċjali.

Persuni li tnaqqsilhom il-benefiċċju soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li hemm każijiet ta’ persuni li kienu fuq il-benefiċċju soċjali u wara li ġew aċċettai għall-kors fl-Università u kwalifikaw għal stipendju mill-Student Maintanance Grant Board għaliex propju qegħdin fuq benefiċċji soċjali, issa qed jitnaqqsulhom l-benefiċċji soċjali għaliex qed jieħdu l-istipendju? Kemm hemm minn dawn il-persuni? Jista’ jgħid x’inhi l-politika tal-Gvern fir-rigward ta’ każijiet simili?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-proċedura kienet u għadha li ġuvni jew xebba li jkunu qed jieħdu l-Għajnuna Soċjali u bdew kors full time f’istituzzjoni edukattiva jkollhom l-istipendju mnaqqas mill-benefiċċju. Mill-banda l-oħra, single parent bit-tfal taħt it-23 sena, li tidħol għal kors full time ma jkollhiex l-istipendju mnaqqas mill-benefiċċju. Mhux possibbli li jingħata n-numru eżatt ta’ persuni li qed jattendu kors full time u jirċievu l-benefiċċju għaliex fid-database ma humiex distinti mill-benefiċjarji l-oħra. Bħalissa d-Dipartiment tas-Sigurta` Soċjali għaddej b’diskussjoni mal-Ministeru tal-Edukazzjoni dwar it-twettiq ta’ wegħda oħra fil-programm elettorali tal-Gvern tal-ġurnata li tgħid “Nagħtu l-possibilita` li min jieqaf mix-xogħol jew jispiċċa bla xogħol biex jerġa’ lura għall-istudju post sekondarju u terzjarju, billi nagħtu l-istipendju u jkompli jingħata l-benefiċċju tal-qgħad sħiħ”.

PBS – xiri ta’ apparat tekniku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet iċ-ċifra li ntefqet mill-PBS fix-xiri ta’ apparat tekniku ġdid biex jintuża fl-istudios ta’ TVM, TVM 2 u l-istazzjonijiet tar-Radju tal-PBS bejn April 2013 u Diċembru 2014? Jista’ jgħid x’apparat inxtara u mingħand liema kumpaniji nxtara u b’liema mod inxtara?

Response (BONNICI, OWEN)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjonali mitluba hija ta’ natura kummercjali.

PBS — tenders

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ tenders maħruġa mill-PBS bejn April 2013 u Diċembru 2014? Jista’ jgħid min kienu l-membri fil-bord li aġġudikaw dawn it-tenders u l-kumpaniji li ntgħażlu waqt dan il-proċess? X’kien il-valur ta’ dawn it-tenders?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill- Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Lista ta’ programmi televiżivi

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ programmi televiżivi li ġew mixtrija minn kumpaniji tal-produzzjoni internazzjonali għall-iskeda Ħarifa 2014 – Rebbiegħa 2015? Jista’ jgħid il-ġeneru ta’ dawn il-programmi?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lista tal-programmi televiżivi li ġew mixtrija minn kumpaniji tal-produzzjoni internazzjonali għall-iskeda Ħarifa 2014 – Rebbiegħa 2015, qed titqiegħed fuq il-Mejda tal- Kamra.

PBS – safar ta’ impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont li ntefaq mill-PBS fuq safar ta’ impjegati biex jiġu rapportati avvenimenti internazzjonali ta’ natura ġurnalistika, sportiva u kulturali matul is-sena 2014? Jista’ jagħti din l-ispiża għal kull coverage barra l-pajjiż b’mod individwali?

Response (BONNICI, OWEN)

Kif kien jiġri fis-snin li għaddew il-PBS jibgħat impjegati fuq xogħol barra minn Malta sabiex ikunu jistgħu jiġu rrapportati avventimenti internazzjonali kemm dawk ta’ natura ġurnalistika, sportiva kif ukoll avvenimenti ta’ natura kulturali. Għaldaqstant, ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra hekk kif mogħtija lili mill-Public Broadcasting Services.

Junior Eurovision Song Contest u Malta Eurovision Song Contest — spiża

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa l-organizzazzjoni tal-Junior Eurovision Song Contest u l-Malta Eurovision Song Contest li ġew organizzati mill-PBS f’Novembru 2014?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għar-risposti mogħtija fil-mistoqsijiet Parlamentari bin-numri 13107 u 13108.

Junior Eurovision Song Contest u Malta Eurovision Song Contest

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-kumpaniji privati li kienu involuti fl-organizzazzjoni tal-Junior Eurovision Song Contest u l-Malta Eurovision Song Contest li ġew organizzati mill-PBS f’Novembru 2014 tal-festivals? Kemm kien il-ħlas f’kull każ? Għal liema servizzi u prodotti tħallsu dawn il-kumpaniji? Kemm minnhom ħadu x-xogħol mingħajr sejħa pubblika u b’direct order?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għar-risposti mogħtija, fil-mistoqsijiet Parlamentari bin-numri 13107 u 13108.

PBS – programmi outsourced

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm programmi outsourced u kemm hemm programmi li għandhom produzzjoni inhouse fl-istazzjonijiet tal-PBS fl-aħħar sentejn?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Public Broadcasting Services li fl-skeda Ottubru 2013 – Settembru 2014 il-programmi outsourced kienu wieħed u erbgħin (41) waqt li l-programmi in-house kienu tlettax (13). Ninsab infurmat ukoll li fl-skeda Ottubru 2014 – Settembru 2015 il-programmi outsourced huma erbgħa u erbgħin (44) waqt li l-programmi in-house huma ħdax (11).

PBS – ammont ta’ flus dovut

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-ammont ta’ flus dovut mill-PBS lil dawn il-kumpaniji li qed jipproduċu programmi outsourced għall-PBS? Meta se jitħallsu?

Response (BONNICI, OWEN)

Nfakkar lill-Onor. Interpellant li l-Public Broadcasting Services topera bħala kumpanija u għaldaqstant l-informazzjoni mitluba hija ta’ natura kummerċjali.