Legislature:
Category:
Reset
Active:

Politika u liġijiet ċari dwar l-użu tal-burka

Question

Tista' l-Ministru tippubblika t-terms of reference li skont kif irrapurtat fil-media irċeviet mingħand il-Prim Ministru dwar ħolqien ta' politika u liġijiet ċari dwar l-użu tal-burka u ilbies ieħor li jgħatti l-wiċċ tal-persuna? Sa meta se tkun lesta din il-politika?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kabinett beda jiddiskuti dan is-suġġett wara proposti li tressqu skont kif ingħad fid-domanda tiegħek.

Il-burka — konformità mal-liġijiet Maltin

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18242 u jgħid jekk skont il-parir li għandu, meta l-burka - l-ilbies li jgħatti l-wiċċ kollu - tintlibes f’postijiet pubbliċi jew waqt sewqan ta’ vetturi , tkunx konformi mal-liġijiet ta’ Malta?

Response (BONNICI, OWEN)

M’għandix xi nżid mat-tweġibiet li ngħataw lil dan il-Parlament fuq is-suġġett mill- kollegi Ministri Helena Dalli u Carmelo Abela.

Politika u liġijiet ċari dwar l-użu tal-burka

Question

Jista' l-Ministru jippubblika t-terms of reference li skont kif irrapurtat fil-media irċieva mingħand il-Prim Ministru dwar ħolqien ta' politika u liġijiet ċari dwar l-użu tal-burka u ilbies ieħor li jgħatti l-wiċċ tal-persuna? Sa meta se tkun lesta din il-politika?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi l-Onor Interpellant għat-tweġiba mogħtija ghal Mistoqsija Parlamentari numru 19961.

Il-burka — konformità mal-liġijiet Maltin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk skont il-parir li għandu, meta l-burka - l-ilbies li jgħatti l-wiċċ kollu - tintlibes f’postijiet pubbliċi jew waqt sewqan ta’ vetturi , tkunx konformi mal-liġijiet ta’ Malta?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li t-tweġiba għal din il-mistoqsija ser tingħata f'seduta oħra.

Pulizija — proċeduri kontra persuni b’wiċċhom mgħammad

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk f’dawn fl-aħħar sentejn, il-pulizija qattx wissiet, waqqfet jew arrestat persuni minħabba li kellhom wiċċhom mgħammad fil-pubbliku?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li mis-sena 2013 sal-lum, kien hemm okkażżjoni waħda fejn żewġ persuni kienu lebsin maskra. Dawn il-persuni kienu ġew proċessati l-Qorti pero ma nstabux ħatja tar-reat dedotti kontra tagħhom.
Leg 12 PQ #18244 Sitting 296 2015-10-05 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol

LSAs u għalliema – trasferimenti bejn skejjel tal-Istat u dawk tal-Knisja jew indipendenti

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 16540 fejn kien stabbilit li verbalment intlaħaq qbil li jippermetti ċaqliq ta’ learning support assistants u għalliema li jixtiequ jimxu minn skola tal-Istat għal skola tal-Knisja jew indipendenti u viċi versa, jista’ l-Ministru jgħid jekk dan hux se jkun possibbli li jsir mis-sena skolastika li jmiss jew minn ta’ wara?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ntlaħaq ftehim fid-29 ta’ Lulju 2015 bejn il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, u l-Malta Union of Teachers biex jiffaċilita aktar mobilità tal-gradi tal-għalliema, inkluż il-Learning Support Assistants. Bħala l-employer ewlieni fil-qasam Edukattiv, id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi, fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, obbliga lilu nnifsu li jdaħħal fis-seħħ dan il-ftehim mid-data tal-iffirmar. Is-setturi tal-Iskejjel tal-Knisja u Indipendenti ġew imħeġġa biex iħaddnu l-istess ftehim sa Diċembru 2015. Dan wassal sabiex: · Għal dawk li mis-settur tal-Iskejjel tal-Knisja jew Indipendenti jikkwalifikaw biex jaħdmu fis-settur tal-Iskejjel tal-Istat, l-arranġament daħal fis-seħħ mid-data tal-iffirmar tal-ftehim, jiġifieri mid-29 ta’ Lulju 2015. · Għal dawk li mis-settur tal-Iskejjel tal-Istat jew Indipendenti jixtiequ jimxu u jikkwalifikaw biex jaħdmu fis-settur tal-Iskejjel tal-Knisja, l-arranġament daħal fis-seħħ mid-data ta’ meta s-Segretarjat tal-Knisja ħaddan l-istess ftehim, u cioè il-21 ta’ Awwissu 2015. · L-Iskejjel Indipendenti għandhom sal-aħħar tal-2015 biex jikkonfermaw jekk jixtiqux iħaddnu l-istess ftehim għal min mill-Iskejjel tal-Istat jew tal-Knisja jixtieq jimxi u jikkwalifika biex jaħdem fis-settur tal-Iskejjel Indipendenti.

Pulizija — passi kontra persuni b'wiċċhom mgħammad

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi jittieħdu mill-pulizija jekk persuna tkun f’post pubbliku b’wiċċha mgħammad? Liema huma l-eċċezzjonijiet fejn il-pulizija ma’ tieħux passi kontra persuni b’wiċċhom mgħammad?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-Pulizija tieħu il-passi neċessarji kontra kull persuna li tkun l-iebsa xi maskra jew tibdel is-sura tagħha bi ksur tal-Artiklu 338(n) tal-Kodici Kriminali. Passi ma jittieħdux kontra persuni li jilbsu velu li jkopri ir-ras u l-wiċċ minħabba twemmin reliġjuż, peress li dan ma jammontax għal ksur tal-istess kontravenzjoni. Iżda il-Pulizija jistgħu jordnaw il-kxif jew tneħħija ta’ dan il-velu meta jkollhom suspett raġjonevoli li dik il-persuni tkun ser tagħmel reat.

Pulizija — karozzi bi ħġieġ tinted

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’passi suppost jittieħdu mill-pulizija meta persuna tkun qed issuq karozza li jkollha l-ħġieġ tinted? Kemm-il darba ttieħdu passi f’dawn l-aħħar sentejn?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li meta persuna tinqabad issuq karozza bil-ħġieġ tinted, u allura bi ksur tal-Artiklu tal-Legislazzjoni Sussudjarja 65.11, dan jiġi proċessat fil-Qorti minħabba din il-kontravenzjoni. Dan sintendi jekk il-hġieġ tinted ma jkunx skond il-persentaġġ kif deskritt fl-Artiklu 110(a) tal-istess Legislazzjoni Sussidjarja. Fil-fatt bejn is-sena 2013 u Awissu tal-2015 l-ammont ta’ dawn il-każi kien kif jidher fit-tabella li qed npoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.

Tribunal tal-Konsumatur – każijiet ġodda

Question

aTista’ l-Ministru tgħid kemm huma l-każijiet ġodda li ġew imressqa quddiem it-Tribunal tal-Konsumatur minn Jannar li għadda sal-lum? Tista’ tgħid kemm kien hemm każijiet pendenti mill-perjodu ta’ qabel u kemm hemm b’kollox pendenti sal-lum?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li kien hemm 146 każ ġdid minn Jannar 2015 sal-lum, filwaqt li kien hemm 84 każ pendenti mill-perjodu ta’ qabel. B’ kollox pendenti sal-lum hemm 96 (22 għas-sentenza).

MCCAA – livell ta’ pesticide residue għola mil-livell aċċettat

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk matul din is-sena kienx hemm każijiet fejn il-livell tal-pesticide residue kien daqs jew aktar mil-livell aċċettat? Jekk iva, tista’ tgħid kemm-il darba dan irriżulta, liema kienu l-prodotti involuti u x’azzjoni ttieħdet mill-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarjiet tal-Konsumatur (MCCAA)?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li mit-testijiet li saru din is-sena sa issa, irriżulta li kien hemm sample wieħed li kellu livelli ta’ pesticida daqs dawk permessi u ieħor li kellu livelli għola minn dawk permessi. Is-samples kienu ta’ frawli. Filwaqt li l-Awtorita’ ma tistax tieħu passi legali kontra l-operatur li poġġa l-prodott li kellu residwi daqs il-massimu permess, l-Awtorita’ qed tieħu passi skont il-ligi kontra dak l-operatur li poġġa il-prodott li qabeż il-livelli permessi fuq is-suq.

Uffiċċju tal-Konsumatur — każijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il każ ta’ kull għamla kienu rreġistrati mal-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni sal-aħħar ta’ Ġunju 2015, taħt liema kategorija jaqgħu u kemm ilhom pendenti dawn il-każijiet?

Response (DALLI, HELENA)

Nirreferi lil Onorevoli Interpellant għar-risposta li nagħtat għal-mistoqsija numru 11583 fejn sal-24 ta’ Ottubru 2014 kien hemm 47 każ pendenti. Sal-aħħar ta’ Gunju 2015, daħlu 10 każijiet ġodda oħra. Preżentament, il-każijiet pendenti nizlu għal 25 każ li minnhom 24 jikkonċernaw investigazzjonijiet dwar il-ksur tal-Att dwar il-Kompetizzjoni jew/u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropeja u każ minnhon huwa nkjesta settorjali. Fost dawn il-kazijiet li għadhom pendenti quddiem l-Uffiċċju hemm: Każ wieħed li nfetaħ fl-2006 Żewġ każijiet li nfetħu fl-2007 Żewġ każijiet li nfetħu fl-2008 Żewġ każijiet li nfetħu fl-2009 Żewġ każijiet li nfetħu fl-2010 Erba’ każijiet li nfetħu fl-2011 Żewġ każijiet li nfetħu fl-2012 Każ wieħed li nfetaħ fl-2013 Ħames każijiet li nfetħu fl-2014 Erba’ każijiet li nfetħu fl-2015

MCCAA – teleworking

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm persuni impjegati mal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) li għandhom it-teleworking? Kemm hemm talbiet pendenti għal teleworking u li ma ġewx milqugħa?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor Interpellant li fl-Awtorita’ ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) hemm 27 impjeġati li għandhom it-teleworking. M’ hemmx talbiet pendenti li ma ġewx milqugħa.

Playgrounds mhux safe

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-playgrounds li l-Awtorità għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) ma sabitx li huma safe matul din is-sena u jgħid f’liema lokalitajiet qegħdin? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapporti ta’ dawn l-ispezzjonijiet li saru?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill Onor. Interpellant li ninsab infurmat li matul din is-sena, 2015, ma saru l-ebda spezzjonijiet mill-MCCAA.

PBS – contracts of services

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ persuni li għandhom contract of service mal-PBS?

Response (BONNICI, OWEN)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li hemm 6 persuni li għandhom contract of services mal-PBS. Tnejn ġew ingaġġati f’ management role filwaqt li erbgħa ġew ingaġġati bħala salespersons. Dispost li ngħaddi l-ismijiet lill-Onor Interpellant privatament.

Entità Regolatorja — nuqqas ta’ firma

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi r-raġuni li l-uffiċjal li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament ta’ entità regolatorja ma jridx jagħti kopja tal-firma tiegħu lill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin għall-konferma ta’ awtentiċità ta’ dokumenti ffirmati minnu stess, peress li dan l-aġir qed ifixkel il-kummerċ ma’ barra minn Malta?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li l-uffiċjal in kwestjoni ma rċeviex talba formali mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin għall-konferma ta' l-awtentiċita' tal-firma tiegħu.

MCCAA – uffiċjali professjonali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm uffiċjali professjonali jaħdmu full-time f’kull waħda mill-erba’ entitajiet tal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor Interpellant li fl-Awtorita’ ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur hemm uffiċjali professjonali jaħdmu full-time fl-erba’entitajiet kif ġej: Technical Regulations Division: 20 Standards and Metrology Institute: 15 Office for Consumer Affairs: 7 Office for Competition: 7

MCCAA – uffiċjali – talba għal xogħol privat wara l-ħin tax-xogħol

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm uffiċjali fl-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur mill-1 ta’ Jannar 2013 sal-lum li talbu li jagħmlu xogħol privat wara l-ħin normali ta’ xogħol? Tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ismijiet ta’ dawn l-individwi kif ukoll jekk it-talba tagħhom intlaqatx u x’tip ta’ xogħol kien mitlub?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li kien hemm uffiċjal wieħed li talab li jagħmel xogħol privat wara l-ħin tax-xogħol. It-talba intlaqgħet u kien mitlub biex jagħmel xogħol ta’ surveys.

MCCAA – postijiet vakanti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid minn min ġew mimlija dawn il-postijiet fl-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur: (a) Chief Operating Officer; (b) Head of Finance; u (c) Head of HR? Tista’ tgħid minn min hu kompost il-bord li għamel l-interviews u kemm-il applikazzjoni kien hemm għal kull ħatra? Tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti ta’ dawn il-ħatriet inkluż is-salarji u l-perkaċċi li jġorru magħhom? Tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-responsabilitajiet li se jġorru magħhom dawn il-ħatriet?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-postijiet fl-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur ġew mimlija minn; a. Chief Operating Office – Mr Jean Pierre Fava b. Head of Finance – Din il-pożizzjoni għadha vakanti c. Head of HR – Ms Pauline Vella Il-bord li għamel l-interviews kien kompost minn; a. Interviewing Board: - Dr Phyllis Aquilina, - Ing Mario Cassar (MCCAA Board of Governors’ members), - Mr Anthony Azzopardi (MSDC) B’kollox kien hemm ħames applikazzjonijiet li minnhom wieħed ma kienx eliġibbli u wieħed irtira l-applikazzjoni. b. Interviewing Board : - Mr Marcel Pizzuto (Executive Chairman), - Ms Anna Spiteri (MCCAA Board of Governors’ member), - Mr Anthony Azzopardi (MSDC) B’kollox kien hemm sebgħa applikazzjonijiet li minnhom wieħed irtira l-applikazzjoni u erbgħa ma kienux eliġibbli. Flimkien ma din l-informazzjoni qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kopja tal-kuntratti ta’ dawn il-ħatriet.

Programm TVAM – ħlasijiet u benefiċċji lill-preżentatriċi

Question

Jista’ l-Ministru jispjega għalfejn il-mistoqsija parlamentari 16545 li kienet tittratta l-ħlas li tirċievi ta’ kull programm il-preżentatriċi ta’ TVAM ma ġietx imwieġba b’mod dirett u minflok wieġeb b’ħafna logħob bil-kliem u f’mistoqsija simili (mistoqsija parlamentari 16546) din id-darba dwar il-ħlas minbarra l-paga li jieħdu ġurnalisti oħra ġiet imwieġba b’mod dirett? Dan ifisser li fil-PBS hemm żewġ klassijiet ta’ ġurnalisti? Jekk le, jista’ jgħid b’mod dirett kemm titħallas il-preżentatriċi ta’ TVAM ta’ kull progamm?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-allowances tal-preżentaturi ta’ TVAM, li ilhom pubbliċi, dejjem kienu: · €100 kull programm · €166.67 fix-xahar · Mobile Allowance bħall-ġurnalisti l-oħra kollha