Legislature:
Category:
Reset
Active:

Parteċipazzjoni Maltija fil-festival tal-Eurovision

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża totali tal-parteċipazzjoni Maltija fil-festival tal-Eurovison fi Stokkolma din is-sena? Jista’ jagħti break down tan-nefqa kif saret? Min kienu l-individwi u l-kumpaniji li tħallsu u ta’ xiex tħallsu? Liema minn dawn il-ħlasijiet saru b’direct orders?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għal PBS, din is-sena kien hemm żieda ta’ 120% fuq is-snin ta’ qabel fid-dħul mir-reklamar u sponsors u għaldaqstant dan id-dħul addizzjoniali wassal biex il-PBS setgħet tesegwixxi l-politika tagħha ta’ awto-finanzjanment u awto-sostenibilita’.

Delegazzjoni Maltija li telgħet għall-Festival tal-Eurovision

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn kemm persuni kienet komposta d-delegazzjoni Maltija li telgħet għall-Festival tal-Eurovison fi Stokkolma din is-sena? Min kienu dawn in-nies u x’kien ir-rwol ta’ kull wieħed u waħda minnhom?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-delegazzjoni Maltija li telgħet għall-Festival tal-Eurovison fi Stokkolma din is-sena kienet komposta mis-segwenti: Delegazzjoni · Dott. Tonio Portughese – Chairman · Anton Attard – Head of Delegation · Doreen Cortis – Assistant Head of Delegation · Gordon Bonello – Producer · Howard Debono – Artist Manager Stage team · Ira Losco · Anna Abela · Pamela Bezzina · Skorpion · Molly Pettersson Hammar * · Lars Safsund * Stage Styling · Stephane Boko · Alex Zabotto · Diane Nikolic · Marielle Calleja TV Production · Mark Vassallo · Jeremy Dalli · Charles Ahar PR & Marketing · Daniel D’Anastasi · David Debono · Leslie Skipper · Luke Fisher *Iż-żewġ backing vocalists barrinin, Molly Pettersson Hammar u Lars Safsund, huma bbażati fi Stokkolma.

Parteċipazzjoni Maltija fil-Festival tal-Eurovision – persuni barranin li ngħataw xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni barranin li ngħataw xi rwol jew xogħol konness mal-parteċipazzjoni Maltija fil-Eurovison Song Festival li sar fi Stokkolma din is-sena? Min kienu dawn in-nies u x’kien ir-rwol ta’ kull wieħed u waħda minnhom? Għaliex ma’ setgħux jinstabu persuni Maltin għal dawn l-irwoli? Kemm tħallsu direttament dawn il-persuni barranin u kemm tħallsu spejjeż anċillari fuqhom bħal-lukandi, trasport, ikel u affarijiet oħra?

Response (BONNICI, OWEN)

Il-persuni barranin li kienu nvoluti fil-parteċipazzjoni Maltija fil-Eurovision Song Contest li sar fi Stokkolma, li ġew magħżula mit-tim tal-produzzjoni kienu: · Alex Zabotto · Stephane Boko · Skorpion · Molly Pettersson Hammar · Lars Safsund L-informazzjoni addizzjonali mitluba rigward dawn il-persuni, hija ta’ natura kummerċjali.

Eurovision Song Festival – nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet in-nefqa fuq il-parteċipazzjoni Maltija f’kull edizzjoni tal-Eurovision fl-aħħar 10 snin?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-PBS topera b’mod kummerċjali u għaldaqstant l-informazzjoni rikjesta hija ta’ natura kummerċjali.

Voluntary Organisations Project Scheme – fondi

Question

B’referenza għall-fondi mqassma taħt l-iskema Voluntary Organisations Project Scheme tista’ l-Ministru tgħid għaliex mhux l-ammont kollu ta’ 700,000 ewro qed jiġi allokat lill-għaqdiet volontarji?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’din is-sejħa tal-Voluntary Organisations Project Scheme tqassmet is-somma ta’ €682,329.49. Id-differenza li tammonta għal €17,670.51 ma setgħetx tiġi allokata peress li fil-klassifika tal-proġetti ġew żewġ proġetti bl-istess marka li flimkien jammontaw għal €44,000.00. Dan l-ammont mhux utilizzat ser jiżdied mas-sejħa tal-istess skema li se toħroġ f’Ottubru ta’ din is-sena.

Voluntary Organisations Project Scheme – proġetti

Question

B’referenza għall-fondi mqassma taħt l-iskema Voluntary Organisations Project Scheme tista’ l-Ministru tgħid min kienu l-assessuri tal-proġetti tal-għaqdiet applikanti? Kif intgħażlu dawn l-assessuri? Fuq liema kriterji?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġetti tal-iskema Voluntary Organisations Project Scheme kienu evalwati minn assessuri esterni għall-istess Ministeru wara sejħa li saret fi ħdan is-settur pubbliku permezz tal-intranet kif ukoll ħarġet fil-gazzetta tal-gvern. Is-sitt applikanti kollha wrew li kellhom l-esperjenza meħtieġa u kien konfemati bħala assessuri. Din kienet l-ewwel darba li dawn il-fondi, li kienu qabel jagħmlu parti mill-NGO Fund u li ilu jeżisti għal bosta snin, kienu evalwati minn assessuri esterni fejn kull proġett kien evalwat tal-anqas minn żewġ assessuri b’mod indipendenti. Il-lista tal-assessuri hija: Ms Maria Carmela Borg Mr Marixei Callus Dr Katya DeGiovanni Mr Geoffrey Formosa Mr Brian Schembri Mr Neville Zammit

Voluntary Organisations Project Scheme — fondi

Question

B’referenza għall-fondi mqassma taħt l-iskema Voluntary Organisations Project Scheme tista’ l-Ministru tgħid x’kienu l-kriterji tal-għażla li ġew applikati?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kriterji tal-għażla li ġew applikati kienu pubblikati mal-Linji Gwida li ħarġu meta infetħu l-applikazzjonijiet tal-iskema Voluntary Organisations Project Scheme sabiex l-istess Għaqdiet Volontarji kienu nfurmati fuq liema kriterji l-applikazzjoni kienet ser tkun evalwata. Dawn il-kriterji tal-għażla kienu annessi bħala dokument Anness III li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Voluntary Organisations Project Scheme — fondi

Question

B’referenza għall-fondi mqassma taħt l-iskema Voluntary Organisations Project Scheme tista’ l-Ministru tgħid x’kienu l-punti allokati għal kull proġett applikant? Tista’ tgħid għaliex l-evalwazzjonijiet inżammu sigrieti s’issa? Tista’ tippubblika l-eżitu tal-evalwazzjonijiet li saru anke biex tipprovdi opportunità ta’ feedback u tagħlim lill-istess għaqdiet?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-riżultati ta’ l-iskema Voluntary Organisations Project Scheme, inklużi l-punti allokati għal kull proġett applikant, huma pubbliċi u huma aċċessibli fuq is-sit www.maltacvs.org. L-għaqdiet li ma kellhomx suċċess f’din is-sejħa jistgħu jitolbu laqgħa mal-uffiċjal responsabbli mill-iSkema fejn jingħataw id-dettalji tal-punti u r-rimarki tal-assessuri sabiex dan il-feedback iservi ta’ tagħlim għall-istess għaqdiet.

Ħal Qormi – Triq Valletta – frekwenza ta’ rotta 64

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li t-trasport pubbliku naqqas il-frekwenza tar-rotta 64 li tgħaddi mill-inħawi ta’ Triq Valletta Ħal Qormi minn skeda ta’ kull nofs siegħa għal waħda li tgħaddi kull siegħa fil-peak hours? Jista’ jgħid għaliex ir-residenti ma kenux avżati b’dan? Hemm xi ħsieb li terġa’ tiżdied il-frekwenza ta’ din ir-rotta sabiex in-nies ikunu moqdija aħjar?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-Rotta 64 hija rotta ġdida li daħlet fis-seħħ f'Novembru tas-sena l-oħra. Din ir-rotta qed tkopri l-akwata magħrufa bħala ta’ tal-Blat ġewwa Ħal Qormi, liema akwata, qabel l-introduzzjoni ta’ din ir-rotta ma' kinitx servuta b'rotta tat-trasport pubbliku lejn il-Belt Valletta. Minn evalwazzjoni li saret jirriżulta li n-numru ta' passiġġieri li għamlu użu minn din ir-rotta kien baxx ħafna u għaldaqstant ittieħdet id-deċiżjoni li l-frekwenza tiġi aġġustata għal vjaġġ kull siegħa.

Ħal Qormi – Triq il-Belt Valletta – mezzi ta’ saħħa u sigurtà

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-mezzi ta’ saħħa u sigurtà f’Triq il-Belt Valletta Ħal Qormi jiżdiedu, fosthom li jsiru pedestrian crossings? Jista’ jara li l-immaniġġjar tat-traffiku f’din it-triq traffikuża jiġi organizzat aħjar? Jista’ jgħid x’inhuma l-miżuri li se jieħu u meta huwa beħsiebu li jeħodhom?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta rċeviet talba għal zebra crossing f’din it-triq u l-Awtorità qed tistenna pjanta riveduta ta’ tali proposta li tinkludi l-arranġamenti tat-triq kif inhuma bħalissa fuq il-post. Din it-triq mhix arterjali u lanqas distributorja u għaldaqstant l-Awtorità se tiddiskuti din it-talba proposta, inkluż xi miżuri oħra, mal-kunsill lokali.

Mediċina Flexiseq – żieda fil-prezz

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hux minnu li l-mediċina Flexiseq żdiedet fil-prezz b'€6.35 għal €18.35?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li Flexiseq iddaħħal fis-suq lokali bil-prezz ta' €18.35 fit-2013. Illum għadu jinbiegħ bl-istess prezz. Għal żmien qasir il-prodott kien offrut fis-suq b’offerta promozzjonali ta’ €11.99.

LESA – Triq Mons. Mikiel Azzopardi – speed cameras

Question

B’referenza għat-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari 24537 u 25110, jista’ l-Ministru jgħid meta mistenni jkun lest ir-rapport minn espert tat-traffiku dwar Triq Mons Mikiel Azzopardi (il-bypass tas-Siġġiewi)? X’inhi d-data li għandu jiġi deċiż jekk il-Gvern huwiex propens li jistalla speed cameras f’din it-triq biex jiġu evitati aktar aċċidenti fatali?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni għal din il-mistoqsija parlamentari għadha qed tinġabar u ser tingħata f'seduta oħra.

OHSA – rapporti tat-terminal u l-powerstation il-ġdida

Question

Peress li skont ir-rapport annwali mħejji mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA), tqabbdu konsulenti barranin biex jevalwaw ir-rapporti dwar is-sigurtà tat-Terminal u l-Power Station il-ġodda li jaħdmu bl-LNG, kif ukoll għall-proġett sħiħ ta’ Delimara u peress li sirna nafu li dawn waħedhom mhumiex biżżejjed għaliex waqt il-Public Consultation meeting li kien sar mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) kienet ingħatat garanzija minn Transport Malta li se jsir Maritime Survey dwar id-dħul u l-ħruġ tat-tankers tal-LNG fil-port, kif ukoll waqt l-operazzjonijiet tal-irmiġġ u tat-trasferiment tal-LNG minn fuq it-tankers għal ġor-Regassification Facility, tista’ l-Ministru tgħid min huma l-konsulenti li tqabbdu biex jagħmlu dawn ir-rapporti? Ir-rapporti tlestew u jekk le meta se jitlestew, anke fid-dawl ta’ ċertu stqarrijiet li saru riċentament dwar kemm hu avvanzat ix-xogħol fuq il-Power Station il-ġdida?

Response (DALLI, HELENA)

Fir-rigward tal-Maritime Risk Assessments, L-Onor. Interpellant hu mitlub jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru responsabbli. Fir-rigward tal-istudji relatati mat-trasferiment tal-LNG għal ġol- Floating Storage Unit u mbagħad għar- Regassification Facility infurmata li dawn saru mill-kumpanija AECOM għan-nom tal-Electrogas Malta u qed jiġu evalwati mill-konsulent imqabbad mill- COMAH Competent Authority .

OHSA – bord

Question

Peress li l-liġi hija ċara dwar min għandu jkun appunatat fuq il-bord tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA), skont il-kompetenza u r-rappreżentazzjoni, u peress li ġie ddikjarat li l-membri huma maħtura fuq bażi personali, tista’ l-Ministru tgħid jekk il-parir legali li għandha li l-bord huwa appuntat skont il-liġi hux ta’ serħan il-moħħ?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħatra ta’ membri fuq il-Bord tal-OHSA saret skont kif maħsub fil-liġi, u dan peress li ntalbu nomini mingħand il-Ministeri responsabbli mis-saħħa u mill-affarijiet ekonomiċi fil-każ ta’ żewġ membri. Fil-każ tal-membri li jirrappreżentaw lill-imsieħba soċjali, in-nomini waslu permezz tal-MCESD. Fil-każ tac-Chairperson u tal-persuna kompetenti fis-saħħa u s-sigurtà, il-ħatriet saru direttament minni skont il-liġi.

OHSA — notifiki

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il notifika ta’ proġett ta’ kostruzzjoni rċeviet l-Awtorità għas-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) bejn l-2013 u llum?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li l-OHSA rċeviet dawn in-notifiċi relatati ma’ proġetti ta’ kostruzzjoni: 2013 385 2014 458 2015 738 2016 (Jannar sa April) 323
Leg 12 PQ #25122 Sitting 385 2016-05-04 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għas-Saħħa

Ħal Qormi – pjanijiet ta’ estensjoni taċ-ċimiterju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li ċ-ċimiterju ta’ Ħal Qormi jiġi estiż? X’inhuma l-pjanijiet? Fuq liema art se jkun estiż iċ-ċimiterju? Sa meta se jseħħ dan il-pjan?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li parti miċ-Ċimiterju ta’ Ħal Qormi tappartjeni l-Knisja u parti oħra tappartjeni l-Gvern. Skont il-liġi tal-att dwar id-dfin, dan iċ-ċimiterju ma jistax ikun estiż għal fatt li qiegħed viċin iż-żona residenzjali.

OHSA – tnaqqis ta’ allokazzjoni

Question

Wara li l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) inżammulha €112,500 mill-allokazzjoni dovuta lilha mill-Gvern, tista’ l-Ministru tgħid jekk hux il-ħsieb li din is-sena terġa’ titnaqqas l-allokazzjoni tagħha jew il-flus li tiġbor, hux se jiżdiedu mal-allokazzjoni tagħha?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-fondi allokati lill-Awtorita’ jingħataw fuq perjodu ta’ sena kalendarja. L-allokazzjoni tinqasam f’erba’ “tranches” matul is-sena. Kull darba li jasal il-perjodu tal-ħlas ta’ “tranche” jiġu miflija u verifikati kemm l-accounts u l-cash flow statement tal-Awtorita’. Jekk ikun jirriżulta minn dawn ir-rapporti, li għal xi perjodu l-Awtorita’ m’għandhiex bzonn l-allokazzjoni kollha biex tkopri l-ispejjez tagħha, dawn il-fondi pubbliċi ma jingħatawx. Peress li s-sena li għaddiet l-Awtorita’ żiedet id-dħul tagħha ma kellhiex bzonn l-allokazzjoni kollha mill-fondi pubbliċi. Għalkemm is-sena l-oħra inżammet l-allokazzjoni ma jfissrx li din is-sena ser ikun l-istess. Ġieli jkun hemm sitwazzjonijiet fejn l-allokazzjoni jkollha tiżdied. Dan il-proċess kollu jsir f’diskussjonijiet bejn l-Awtorita’, dan il-Ministeru u l-Ministeru tal-Finanzi bil-għan li fondi pubbliċi jintużaw bl-aħjar mod. Għalhekk f’dan l-istadju mhux f’posizzjoni li ngħid x’ser isir din is-sena.

OHSA – kampanji edukattivi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid liema huma l-kampanji edukattivi li l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) imbarkat fuqhom fl-aħħar tliet snin? Kemm minn dawn il-kampanji qed isiru mal-istudenti tal-skejjel tagħna? Kemm ġew involuti skejjel? Kemm intlaħqu studenti?

Response (DALLI, HELENA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

OHSA – tnaqqis fir-rata ta’ korrimenti fuq ix-xogħol

Question

Peress li r-rapport annwali tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) wera li kien hemm tnaqqis b’mod globali fir-rata ta’ korrimenti fuq il-post tax-xogħol matul l-2015 iżda kien hemm żieda fin-numru ta’ fatalitajiet, apparti li kien hemm żidiet ukoll fir-rati ta’ korrimenti fis-settur tal-kostruzzjoni, tat-trasport u tal-ħażna, tista’ l-Ministru tgħid x’miżuri qed jittieħdu f’dan ir-rigward?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li l-analiżi tal-istatistika relatata mal-inċidenti fuq il-post tax-xogħol turi xejra persistenti ta’ żieda fir-rati ta’ korrimenti fis-settur tal-kostruzzjoni. Fil-każ tas-settur tat-trasport u tal-ħażna, iż-żieda kienet evidenti f’sena waħda biss, fattur li ma jippermettix konkużjonijiet robusti ta’ statistika. Għal din ir-raġuni l-OHSA iffokat u fil-fatt intensifikat il-ħidma tagħha fis-settur tal-kostruzzjoni. Apparti ż-żieda fin-numru ta’ spezzjonijiet li jsiru f’siti ta’ kostruzzjoni, l-OHSA organiżżat seminars u konferenzi indirizzati lejn nies li għandhom obbligi legali f’dan il-qasam, inklużi developers , kuntratturi u operaturi ta’ krejnijiet. Barra minn hekk, l-OHSA ppubblikat gwida biex xogħol f’bini eżistenti isir b’mod sigur u b’kontroll adekwat tar-riskji. Flimkien mal-Kamra tal-Inġiniera, l-OHSA bdiet torganiżża kors ta’ taħriġ għall- operaturi ta’ krejnijiet. L-OHSA qed taħdem ukoll mall-Building Industry Consultative Council (BICC) biex tiġi mnedija l-iskema ta’ Skills Card li hija intenzjonata li jkun assigurat li kull min għandu x’jaqsam mas-settur tal-kostruzzjoni jkun imħarreġ kif suppost, inkluż f’dak li għandu x’jaqsam mas-saħħa u s-sigurtà. Infurmata li l-OHSA bdiet eżerċizzju ta’ reviżjoni tar-regolamenti relatati mas-settur tal-kostruzzjoni b’ l-iskop li jissaħħu l-miżuri li jkunu jridu jittieħdu.