MCCAA – Investigazzjoni fuq żieda ta’safe deposit boxes
Question
B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 26744, tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dawk it-termini u l-kundizzjonijiet għas-servizz imsemmi li kienu misjuba li jmorru kontra l-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li primarjament it-termini tal-kundizzjonijiet tal-kuntratt in kwistjoni kienu jikkonsistu f’drittijiet tal-Bank filwaqt li l-konsumatur ma kien jissemma xejn. Dawn it-termini u l-kundizzjonijiet tal-kuntratt kienu jirrigwardjaw it-tul u t-tiġdid tal-kuntratt. Għalhekk l-Uffiċċju għall-Konsumatur intervjena sakemm ġiet miksuba konformita’ mal-liġi permezz tal-verżjoni riveduta tat-28 ta’ Ottubru 2015 fejn id-drittijiet tal-konsumatur ġew imħarsa.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dawk it-termini u l-kundizzjonijiet għas-servizz imsemmija li kienu misjuba li jmorru kontra l-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur immarkati bl-isfar.
B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 26738 tista’ l-Ministru tgħid għaliex il-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur ma ddiskutiex il-kwistjoni dwar iż-żieda fit-tariffi fit-trasport għat-tfal tal-iskola u l-kwistjoni dwar pompa tal-petrol lokali li ma tħallietx traħħas il-prezz tal-petrol u d-diesel f’Jannar tas-sena l-oħra?
Response (DALLI, HELENA)
Il-Kunsill Għall-Affarijiet tal-Konsumatur ma ddiskutiex l-kwistjoni dwar iz-zieda fit-tariffi fit-trasport għat-tfal tal-iskola u l-kwistjoni dwar pompa tal-petrol lokali li ma tħallietx traħħas il-prezz tal-petrol u d-diesel f’Jannar tas-sena l-oħra għaliex dawn jaqgħu taħt l-ambitu tal-Kompetizzjoni (Kap 379 L-Att dwar il-kompetizzjoni) u għaldaqstant huma barra l-ambitu tal-Kunsill.
Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur – logo ġdid
Question
B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 26738, tista’ l-Ministru tgħid kif intgħażel id-designer sabiex jagħmel logo ġdid għall-Kunsill, x’kienu l-kriterji tal-għażla u effettivament kemm tħallas id-designer li finalment ġie magħżul sabiex għamel dan il-logo l-ġdid?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li l-logo intgħażel wara li Kunsill Għall-Affarijiet tal-Konsumatur gab tlett kwotazzjonijiet u ntgħażel fuq il-kriterju ta' l-irħas spiża. L-spiża kienet ta’ 400 ewro.
B’referenza għad-deċiżjoni maħruġa mill-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni fl-4 t’Ottubru 2016 rigward sid ta’ pompa ta’ petrol li ma tħalliex iraħħas il-prezz tal-fuel, tista’ l-Ministru tgħid jekk id-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) kellux talba minn persuni, kumpaniji jew organizzazzjonijiet sabiex tinħareġ interim measure? Tista’ tgħid b’kollox kemm-il talba kien hemm? Tista’ tgħid jekk min għamel it-talba ġiex infurmat mid-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) jekk it-talba tagħhom ġietx milqugħa jew le? Jekk dawn ma kenux infurmati tista’ tispjega għalfejn dan ma sarx u għalfejn it-talba tagħhom ma ġietx milqugħa?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li d-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) rċieva talba waħda sabiex joħroġ interim measure. Għal kumplament tal-mistoqsija, nirreferi lil Onorevoli interpellant għat-tweġiba li tajt għal Mistoqsija Parlamentari 28521.
B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 26741, tista’ l-Ministru tispjega għaliex l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur m’għamilx analiżi sabiex jara x’inhuma l-alternattivi għall-ġenituri biex ma jħallsux tariffi għola? Tista’ l-Ministru tikkwota dik il-parti tal-Att li tistabilixxi l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur jew l-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur li l-Uffiċċju ma għandux il-kompetenza biex ma jagħmilx din l-analiżi?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li ma kienx hemm bżonn ta’ analiżi ulterjuri wara li ġie stabbilit li ma kienx hemm ksur tal-liġi tal-konsumatur.
B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 26739, tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-analiżi li għamel l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur li turi li l-ilment imsemmi imur oltre l-kompetenzi ta’ dan l-Uffiċċju?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lil Onor Interpellant li kif spjegajt fit-tweġiba tiegħi għal Mistoqsija Nru. 26739 din il-kwistjoni tirrigwardja l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni u mhux l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur.
L-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur ma jipprovdix li ssir din l-analiżi. Barra minhekk huwa fatt magħruf li f’suq liberalizzat ma jistgħux jiġu kkontrollati t-tariffi.
Il-liġi tistabillixxi l-funzjojnijiet regolatorji ta’ dan l-Uffiċċju speċifikament relattivi għall-investigazzjonijiet amministrattivi liema funzjonijiet ma jinkludux il-kontroll ta’ tariffi.
Federation of Estate Agents kontra Direttur Ġenerali
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Kummissjoni Ewropea ġietx infurmata bis-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali tat-3 ta’ Mejju 2016 fl-ismijiet Federation of Estate Agents kontra Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni)? Jekk iva, meta ġiet infurmata l-Kummissjoni Ewropea? Jekk ma ġietx infurmata il-għaliex dan ma sarx?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni informa lil-Kummissjoni Ewropea bis-sentenza fid-9 ta’ Mejju 2016.
Awtorità għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur – rapport annwali
Question
B’referenza għall-pagna 9 tar-rapport annwali tas-sena 2015 tal-Awtorità għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur b’mod partikolari għas-sezzjoni ntitolata Main Operations, tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-deċiżjonijiet, anke f’format mhux kunfidenzjali, tal-wieħed u erbgħin każ li ġew riżolti?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.
Uffiċċju għall-Kompetizzjoni – investigazzjoni dwar xandir ta’ sports
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni kkonkludiex l-investigazzjonijiet tiegħu rigward ix-xandir ta’ sports, partikolarment tal-football, wara li din il-kwestjoni tqajmet fis-sajf tal-2010? Jekk iva, tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja, anke f’format mhux kunfidenzjali, tad-deċiżjoni? Jekk din l-investigazzjoni għada mhux konkluża meta huwa mistenni li tiġi konkluża?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li fis-sajf tal-2011 mill-analiżi li kien għamel l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni dak iż-żmien ma nstabitx evidenza li kien hemm ‘concurrence of wills’ u ‘coordinated conduct’ bejn iż-żewġ operaturi li kienu qed jiġu investigati.
Skont l-analiżi li kien għamel l-Uffiċċju dak iż-żmien ma nstabx li kien hemm ksur tal-liġi.
Għalkemm qatt ma inħarġet deciżjoni finali, ftit wara, iċ-ċirkostanzi inbidlu tali li l-kwistjoni ma baqatx ta’ prijorita' ai termini tal-artikolu 15 tal-Kap 510 tal-liġijiet ta' Malta.
Dan għaliex l-Uffiċċju jikkunstata li ċ-ċirkustanzi li infetħet l-investigazzjoni inbiddlu. Fiċ-ċircostanzi tali kwistjoni ma baqatx relevanti.
Wara d-deċiżjoni li ħareġ l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni fl-4 t’Ottubru 2016 rigward is-sid tal-pompa tal-petrol li ma tħalliex iraħħas il-prezz tal-fuel, tista’ l-Ministru tispjega jekk il-konsumaturi jistgħux jutilizzaw l-Att dwar Proċedimenti Kollettivi?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont l-artiklu 3 tal-Kap 520 proċedimenti kollettivi jistgħu jiġu istitwiti meta deċiżjoni jew sentenza li tistabbilixxi ksur tal-liġi tal-Kompetizzjoni tkun finali (res gudicata) għaddiet f’ġudikat. F’dan il-każ id-deċizjoni għadha ma saritx finali fid-dawl tal-fatt li Falzon Group Holdings Limited appella mid-decizjoni quddiem it-Tribunal tal-Appell għall-Kompetizzjoni u għall-Konsumatur u infetħet ukoll kawża kostituzzjonali.
Wara d-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali maħruġa fit-3 ta’ Mejju 2016 fl-ismijiet Federation of Estate Agents vs Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni), tista’ l-Ministru tgħid kif ser jiġu affetwati l-investigazzjonijiet li l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni qed jagħmel taħt l-Att għall-Kompetizzjoni qabel ma ġie emendat permezz ta’ Att VI tas-sena 2011? Tista’ tgħid jekk l-Uffiċċju jistax ikompli jagħmel l-investigazzjonijiet, joħroġ deċiżjonijet u jenforza l-liġi? Kemm-il investigazzjoni hemm b’kollox li ser jiġu affettwati u liema setturi dawn jikkonċernaw, l-allegat detriment għall-konsumatur u għall-intrapriżi żgħar u medji?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li l-investigazzjonijiet li kienu nbdew qabel ma ġie emendat l-Att dwar il-Kompetizzjoni fl-2011, ma ġewx affetwati mis-sentenza konstituzzjonali filwaqt li l-investigazzjonjiet tal-każi pendenti għadhom għaddejjin.
Wara d-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali maħruġa fit-3 ta’ Mejju 2016 fl-ismijiet Federation of Estate Agents vs Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni), tista’ l-Ministru tgħid kemm-il investigazzjoni għad hemm pendenti quddiem l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni li qed jiġu nvestigati taħt l-Att għall-Kompetizzjoni wara li ġie emendat permezz ta’ Att VI tas-sena 2011? Tista’ l-Ministru tagħti indikazzjoni liema setturi dawn jikkonċernaw u f’kull każ x’inhu l-allegat detriment għall-konsumatur u għall-intrapriżi żgħar u medji?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li l-Uffiċċju għandu għaxar każijiet li qegħdin jiġu investigati. Dawn il-każijiet jikkonċernaw is-setturi li ġejjin:
Tliet każijiet fis-settur tat-telekomunikazzjoni, tnejn fis-settur tad-devertiment u dak tal-energija waqt li hemm każ wieħed fis-setturi tal-lotteriji, tax-xorb u uniformijiet tal-iskejjel.
L-Uffiċċju ma jistgħax jikkumenta fuq każijiet pendenti minħabba li jista’ jkun ta’ preġudizju għal-każ.
Wara d-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali maħruġa fit-3 ta’ Mejju 2016 fl-ismijiet Federation of Estate Agents vs Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni), tista’ l-Ministru tgħid jekk l-investigazzjoni fil-konfronti tal-istess Federazzjoni hijiex qed titkompla? Jekk iva meta hu mistenni li tinħareġ id-deċiżjoni?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li fis-sentenza kostituzzjonali fl-ismijiet Federation of Estate Agents vs Direttur Ġenerali, il-Qorti Kostituzzjonali ddeċidiet li s-setgħat mogħtija lid-Direttur li joħroġ deċiżjoni dwar ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni u jimponi multi jew miżuri oħra, jekk isib ksur, ma jiswewx u ma għandhomx effett quddiem il-Federazzjoni.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il multa amministrattiva ġiet imposta mid-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) għal xi ksur tal-artikolu 5 jew 9 tal-liġi tal-kompetizzjoni minn Marzu 2013 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (DALLI, HELENA)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li kont tajt għall-Mistoqsija Parlamentari 27947.
Uffiċċju għall-Kompetizzjoni — Sid ta’ pompa ta’ petrol li ma tħalliex iraħħas il-prezz tal-fuel
Question
B’referenza għad-deċiżjoni maħruġa mill-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni fl-4 t’Ottubru 2016 rigward sid ta’ pompa ta’ petrol li ma tħalliex iraħħas il-prezz tal-fuel, tista’ l-Ministru tgħid jekk id-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) kellux il-fakultà li fuq inizjattiva tiegħu, joħroġ interim measure qabel ma ħareġ din id-deċiżjoni? Jekk din l-inizjattiva ma ttieħditx, tista’ l-Ministru tispjega għalfejn dan ma sarx?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lil Onor. Interpellant li peress li Falzon Group Holdings Limited u San Lucian Oil Company Limited preżentaw rikors ta’ appell quddiem it-Tribunal tal-Appell għall-Kompetizzjoni u għall-Konsumatur kif ukoll rikors kostituzzjonali fil-Prim Awla tal-Qorti Civili (Gurisdizzjoni Kostituzzjonali), l-Ufficcju ma huwiex f’posizzjoni li jikkumenta peress il-kaz huwa sub judice.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm għaqdiet mhux governattivi (NGOs) li ħadu kuntratti pubbliċi? Liema huma dawn l-għaqdiet? X’inhu t-tip ta’ xogħol li qed jagħmlu?
Response (DALLI, HELENA)
Peress li NGOs m’għandhomx obbligu li jinformaw lil dan il-Ministeru dwar kuntratti pubbliċi li jidħlu għalihom ma’ Ministeri, Dipartiment jew entitajiet pubbliċi oħra, m’inix f’posizzjoni li nagħti l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-PBS għandux ġurnalist li jsegwi l-aħbarijiet mill-Qorti? Kemm-il kawża tal-Qorti kienet irraportata mill-PBS permezz ta' ġurnalist tal-PBS li kien preżenti fl-awla?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninfurma lil Onor. Interpellant li t-tqassim tax-xogħol ġurnalistiku isir skont il-ħtieġa u skont il-prijoritajiet tal-PBS. Il-Ġurnalisti tal-PBS jiġu assenjati seduti fil-qorti kemm fi tmiem il-ġimgħa meta jkun hemm preżentati kif ukoll f’ċerti kazi fil-ġranet tal-ġimgħa skont il-kaz. Madankollu ma tinżammx l-istatistika tas-seduti li fihom ġew assenjati.
Jista’ l-Ministru jara għaliex il-karozzi tal-linja li jgħaddu minn Triq il-Vitorja Ħal Qormi speċjalment f'peak hours qed jgħaddu minn Ħal Qormi diġà mimlija u/jew mingħajr seats vojta biex wieħed ipoġġi bilqiegħda? Jista’ l-Ministru jara li dan ma jkunx qed iseħħ?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta se tkun qed tinvestiga l-andament tar-rotot hekk kif qiegħed jiġi indikat f’din il-MistoqsijaParlamentari u dan sabiex sa fejn ikun possibli, nindirizzaw xi nuqqasijiet li jista’ jkun hemm.
Wara li aktar kmieni din is-sena t-trasport pubbliku naqqas il-frekwenza ta' rotta 64 li kienet taqdi l-akkwati ta' Triq Valletta Ħal Qormi għal waħda kull siegħa fil-peak hours, jista’ l-Ministru jgħid kif se jindirizza l-ilmenti tar-residenti tal-inħawi?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rotta 64 hija rotta ġdida li daħlet fl-aħħar tas-sena li għaddiet, bħala parti minn tibdil konsiderevoli li sar fin-network tat-trasport pubbliku. Tajjeb li wieħed jinnota li qabel l-introduzzjoni ta’ din ir-rotta, n-nies tal-inħawi magħrufa bħala tal-Blat ma’ kellhomx trasport pubbliku dirett lejn u mill-Belt Valletta.
F’eżerċizzju li kien sar, wara li ddaħlet din ir-rotta, irriżulta li l-patrunaġġ fuq din ir-rotta kien baxx ħafna u għaldaqstant kienet ittieħdet deċiżjoni sabiex il-frekwenza bejn il-05:30 u it-08:30 ta’ filgħodu, bejn it-Tnejn u il-Ġimgħa, tiġi għal vjaġġ fis-siegħa.
Ħal Qormi – Triq il-Belt Valletta – mezzi ta’ saħħa u sigurtà
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 25351, jista’ l-Ministru jgħid x'mezzi ta' saħħa u sigurtà twettqu minn dakinhar fi Triq Belt Valletta inkluż il-pedestrian crossings diġà mitluba u liema huma l-miżuri l-oħra li ddiskutiet, wettqet jew se twettaq l-Awtorità għat-Trasport?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li z-zebra crossing mitluba viċin kantuniera ma’ Triq tal-Bajjada ġiet approvata biex tiġi mplimentata mill-kunsill lokali. Apparti din, sal-lum l-Awtorita’ ma rċevietx aktar talbiet mill-kunsill lokali dwar is-sigurta’ fit-triq.
Peress li din it-triq taqa’ taħt ir-responsabbilta’ tal-kunsill lokali, l-istess kunsill jista’ jissottometti t-talbiet tiegħu għall-konsidirazzjoni ta’ Transport Malta.