B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28887, tista’ l-Ministru tgħid kemm saru, jew qed isiru, investigazzjonijiet mill-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur taħt id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-mistoqsija parlamentari?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li d-dispożizzjonijiet imsemmija huma ix-xogħol regolari ta’ kuljum li jsegwi l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur. Dan meta l-Uffiċċju jkun qed jittratta lmenti, mistoqsijiet ġenerali fuq prattiċi fis-suq kemm minn konsumaturi kif ukoll minn kummerċjanti, waqt spezzjonijiet fis-suq kemm fil-ħwienet u anke onlajn, kif ukoll waqt programmi ta’ informazzjoni fil-midja in ġenerali. L-għan tal-Uffiċċju hu li jinstab rimedju jew ftehim amikevoli mingħajr il-ħtieġa li jinbdew proċeduri amministrattivi jew kriminali, fin-nuqqas ta’ dan jiġu segwiti l-proċeduri relevanti skont il-leġislazzjoni miksura.
Awtorità għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur – rapport annwali
Question
Tista’ l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 28526 u ċjoè: B’referenza għall-paġna 9 tar-Rapport Annwali tas-sena 2015 tal-Awtorità għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur b’mod partikolari għas-sezzjoni ntitolata Main Operations, tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-deċiżjonijiet, anke f’format mhux kunfidenzjali, tal-wieħed u erbgħin każ li ġew riżolti?
Response (DALLI, HELENA)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, d-deċiżjonjiet li ttieħdu mill-Uffiċċju fis-sena 2015 taħt regolament 17 tar-Regolamenti dwar il-Kontroll tal-Konċentrazzjonijiet [7] u l-artikolu 14(3) taħt l-Att dwar il-Kompetizzjoni [1].
Infurmata li fuq il-bqija tal-każijiet, l-Uffiċċju ma ħax deċiżjoni skont kif kontemplat fl-Att dwar il-Kompetizzjoni u għalhekk mhumiex suġġetti għal-pubblikazzjoni.
Uffiċċju tal-Kompetizzjoni – laqgħat ma’ intraprendituri żgħar u medji – spjegazzjoni tal-provvediment tal-Att dwar il-Kompetizzjoni
Question
Tista’ l-Ministru tgħid, minn Marzu 2013 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il laqgħa għamel l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni ma’ intraprendituri żgħar u medji sabiex jiġi spjegat lilhom il-provvedimenti tal-Att dwar il-Kompetizzjoni? Jekk dawn saru, tista’ tgħid meta dawn saru u ma’ liema setturi tan-negozju dawn saru?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li l-Uffiċċju għamel numru ta’ laqgħat ma’ intraprendituri żgħar u medji iżda statistika dwar in-numru ta’ laqgħat m’hemmx.
Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur – FA Premier League – każ ta’ Delayed Screening of Premier League matches
Question
Tista’ l-Ministru tgħid meta l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur kiteb lil FA Premier League rigward il-każ tad-Delayed Screening of Premier League Matches? Tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ din il-korrispondenza?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li waqt diskussjonijiet li kienu qegħdin isiru fil-bidu ta’ Awissu 2016 l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur talab lill-operatur ikkonċernat sabiex jgħaddi lill-istess Uffiċċju dikjarazzjoni uffiċjali mingħand il-Premier League li tikkonferma illi t-tibdil tal-prodott offrut mill-operatur ikkonċernat huwa riżultat ta’ tibdil fid-drittijiet tal-operaturi kollha fiż- Żona Ekonomika Ewropea fir-rigward tax-xandir tal-logħob tal-Premier League.
L-informazzjoni dwar l-imsemmija dikjarazzjoni waslet mill-Football Association Premier League Limited fis-17 ta’ Awissu, 2016. Peress li f’din il-korrispondenza l-FA Premier League talbu li tinzamm kunfidenzjali, din l-informazzjoni ma tistax titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28913, tista’ l-Ministru tgħid fiex kienet tikkonsisti l-ispiża ta’ €256 intitolata Reversal Schedule?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li reversal schedule jirreferi għal spejjeż mhux relatati mal-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur u li bi żball klerikali (accounting error) ġew jidhru fuq il-Vot tal-Kunsill.
Biex dan l-iżball ġenwin jitranġa u l-flus jidhru fuq il-vot korrett (u mhux tal-Kunsill) sar dak li jissejjaħ “
reversal entry
”.
MCCAA – Uffiċċju tal-Konsumatur – operaturi li joffru s-servizz tat-televiżjoni – bdil ta’ channel line ups
Question
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28916, tista’ l-Ministru tgħid jekk l-Awtorità ta’ Malta għall-Komunikazzjoni ġietx infurmata b’din id-deċiżjoni u jekk iva meta sar dan? F’dan ir-rigward, tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-korrispondenza?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li l-Awtorità ta’ Malta għall-Komunikazzjoni kienet ġiet infurmata b’din id-deċiżjoni fis-7 ta’ Settembru 2011. Minħabba kunfidenzjalità din il-korrispondenza ma tistax titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28915, tista’ l-Ministru tgħid kif il-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur stabbilixxa li l-kwistjoni dwar iż-żieda fit-tariffi fit-trasport għat-tfal tal-iskola u l-kwistjoni dwar pompa tal-petrol lokali li ma tħallietx traħħas il-prezz tal-petrol u d-diesel f’Jannar 2015 ma jiksrux l-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur?
Response (DALLI, HELENA)
Kif diġà ġie indikat dawn il-kwistjonijiet huma relatati ma L-Att tal-Kompetizzjoni u mhumiex materja tal-Kunsill Għall-Affarijiet tal-Konsumatur.
Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur – każijiet li għandhom x’jaqsmu mal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur
Question
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28915, tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur jidħolx biss f’dawk il-każijiet li għandhom biss x’jaqsmu mal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li l-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur jiffunzjoni abbazi tal-poteri li tagħtih il-liġi fosthom l-att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 26738 u r-Rapport ta’ Ħidma tal-Kunsill tal-Affarijiet tal-Konsumatur, tista’ l-Ministru tgħid meta seħħet il-laqgħa mal-Awtorità tat-Turiżmu? Tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-minuti tal-laqgħa? Tista’ tgħid taħt liema liġi l-imsemmija Insolvency Provision hija regolata?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li l-laqgħa ma’ L-Awtorita tat-Turiżmu seħħet fl-18 ta’ Settembru 2014. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-minuti tal-laqgħa kif ukoll il-provizzjonijiet ta’ Liġi relatata mal-insolvency Provision li gew fis-seħħ permezz ta’ Regolamenti tal-2016 dwar Fond għall-Insolvenza dwar Pakketti tal-Ivvjaġġar li jaqaw taħt L-Att tas-Servizzi tal Ivvjaġġar u tat-Turiżmu għall Malta Kap 409.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 26738 u r-Rapport ta’ Ħidma tal-Kunsill tal-Affarijiet tal-Konsumatur, tista’ l-Ministru tgħid meta seħħet il-laqgħa bejn il-Kunsill, l-MCA u l-MCCAA riferuta f’sezzjoni 10 tar-rapport? Tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-minuti tal-laqgħa?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li l-laqgħa seħħet fi 3 ta’ Ottubru 2014. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-minuti tal-laqgħa.
Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur – investigazzjoni ta’ każijiet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm każijiet bħalissa li qed jiġu investigati mill-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur għal xi allegat ksur tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li bħalissa hemm tmien investigazzjonijiet fejn proċeduri amministrattivi jew kriminali huma pendenti.
Laqgħat bejn l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur u l-Awtorità ta’ Malta għall-Komunikazzjoni
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il laqgħa saret bejn l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur u l-Awtorità ta’ Malta għall-Komunikazzjoni rigward ilmenti ta’ konsumaturi fil-qasam tal-komunikazzjoni?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din is-sena ma saret l-ebda laqgħa bejn l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur u l-Awtorità ta’ Malta għall-Komunikazzjoni rigward ilmenti. L-Uffiċċju kkomunika direttament mal-Awtorita’ msemmija permezz ta’ emails u telefonati.
Laqgħat bejn l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur u l-Awtorità ta’ Malta għas-Servizzi Finanzjarji
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il laqgħa saret bejn l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur u l-Awtorità ta’ Malta għas-Servizzi Finanzjarji rigward ilmenti ta’ konsumaturi f’dan il-qasam?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li ma kienx hemm ħtieġa li jsiru laqgħat bejn l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur u l-Awtorità ta’ Malta għas-Servizzi Finanzjarji rigward ilmenti dwar dan il-qasam. Ir-raġuni hija li l-ilmenti f’dan il-qasam jiġu mressqa direttament lill-Awtorità ta’ Malta għas-Servizzi Finanzjarji.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28913, tista’ l-Ministru tgħid fiex kienet tikkonsisti t-taxxa mħallsa mill-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur kif indikat fir-rapport magħmul mill-Kunsill?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li l-imsemmija taxxa tirreferi għat-taxxa fuq l-Onoraria.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28913, tista’ l-Ministru tgħid x’kienet ir-raġuni li ntefqu €1289.18 għat-travel li sar mill-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur? Tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-irċevuti?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li l-ispejjez ta’ l-vjaġġar jinkludu; biljett tal-ajru €430, subsistence allowance €701.8, insurance €9.
Kien ukoll imnizzel reklamar
ta' €148.38 ma dawn it-totali li gew inkluzi fit-total ta’ bi zvista. Dawn l-ispejjez tar- reklami xorta kienu maħruġa mill-kunsill f’dik is-sena imma taħt infieq oħra.
Għaldaqstant l-spiża fuq vjaġġar kien ta’ €1140.8 u mhux €1289.18.
Uffiċċju għall-Kompetizzjoni – investigazzjoni dwar ix-xandir ta’ sports
Question
B’referenza għat-tweġiba ghall-mistoqsija parlamentari 28891 rigward ix-xandir tal-isports, partikolarment tal-football, tista’ l-Ministru tgħid jekk kienx imressaq ilment quddiem l-Uffiċċju fuq din il-kwistjoni?
Uffiċċju għall-Kompetizzjoni – investigazzjoni dwar ix-xandir ta’ sports
Question
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28890 rigward ix-xandir tal-isports, partikolarment tal-football, tista’ l-Ministru tgħid liema kienu dawk il-prattiċi li kienu allegati fis-sena 2010 u li ma baqgħux għaddejjin? Tista’ tgħid b’liema mod l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni aċċerta ruħu li l-allegati prattiċi ma baqgħux għaddejjin? Tista’ tgħid ukoll kif l-istess Uffiċċju aċċerta ruħu li l-effetti ta’ ħsara m’għadhomx jippersistu?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni ma jistax jagħti informazzjoni ulterjuri milli diġa pprovda fit-tweġibiet parlamentari preċedenti qabel ma l-investigazzjoni tiġi formalment konkluża għax dan jista’ jkun ta’ preġudizzju tal-każ.
Uffiċċju għall-Kompetizzjoni – investigazzjoni dwar ix-xandir ta’ sports
Question
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28890 rigward ix-xandir tal-isports, partikolarment tal-football, tista’ l-Ministru tgħid kemm f’dawn l-aħħar sentejn kien hemm investigazzjonijiet li kienu jimmeritaw iktar attenzjoni mill-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni skont l-artikolu 15 (1) (a) u (c) u liema setturi dawn jikkonċernaw?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li l-ufficcju kellu 28 kaz li kien jimmeritahom priorita.
Rigward is-setturi, l-Onorevoli interpellant qed jiġi riferut għat-tweġiba għal-mistoqsija parlamentari 34711 tas-seduta tas-17 ta’ Mejju 2012 fejn intqal dan li ġej: ‘ma jkunx prudenti li l-Uffiċċju jiddikjara b’mod pubbliku s-setturi u l-każijiet li hu jkun qed jagħti prijorità dan għax din l-informazzjoni tista’ tippreġudika l-investigazzjonijiet li l-Uffiċċju jkun qed jagħmel jew bi ħsiebu jagħmel. Apparti dan jista’ jagħti messaġġ lil setturi oħra li huma mhux ser jiġu investigati.’