Legislature:
Category:
Reset
Active:

Direttur Ġenerali (Konsumatur) – ħruġ ta’ Avviżi Pubbliċi skont l-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumaturi

Question

B’referenza għat-tabella ta’ informazzjoni mat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 29054 rigward deċiżjonijiet tat-Tribunal għat-Talbiet tal-Konsumatur li ma ġewx onorati u l-pubblikazzjoni ta’ avviżi pubbliċi mid-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur), għal kull każ elenkat, tista’ l-Ministru tgħid jekk dawn l-avviżi pubbliċi dehrux fuq xi ġurnal bil-lingwa Maltija jew bil-lingwa Ingliża? Jekk iva, tista’ l-Ministru tgħid fuq liema ġurnali kull avviż pubbliku deher u tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-paġna relattiva? Għal kull każ, jekk dan l-avviż pubbliku ma deherx fuq xi ġurnal tista’ tispjega għaliex dan ma sarx?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pubblikazzjoni tal-Avviżi Pubbliċi fil-website tal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur saret skont artikolu 8 tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur, li ma jimponix li l-pubblikazzjoni ssir permezz ta’ ġurnali. L-informazzjoni dwar pubblikazzjoni fil-ġurnali qegħdin jiġu mpoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra.

Il-każ tal-Federation of Estate Agents

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk id-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) wara s-sentenza meħuda fil-każ tal-Federation of Estate Agents kontra Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) et mill-Qorti Kostituzzjonali fil-21 t’ April 2015 kienx għamel evalwazzjoni tal-impatt ta’ din is-sentenza fuq il-liġi tal-Kompetizzjoni u x’rimedji ssuġġerixxa? Jekk iva, tista’ tgħid meta dan sar u tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ din l-analiżi? Jekk dan ma sarx tista’ tispjega għaliex?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor Interpellant li t-twegiba se tingħata f’xi seduta oħra.

Il-każ tal-Federation of Estate Agents — evalwazzjoni tas-sentenza mid-Direttur Ġenerali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk id-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) wara s-sentenza meħuda fil-każ Federation of Estate Agents kontra Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) et mill-Qorti Kostituzzjonali fit-3 ta’ Mejju 2016, li kkonfermat dik tal-21 t’April 2015, kienx għamel evalwazzjoni tal-impatt ta’ din is-sentenza fuq il-liġi tal-Kompetizzjoni u rimedji li għandhom jittieħdu? Jekk iva, tista’ tgħid meta dan sar u tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ din l-analiżi? Jekk dan ma sarx tista’ tispjega l-għala dan ma sarx?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor Interpellant li t-twegiba se tingħata f’xi seduta oħra.

Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur — Il-każ Federation of Estate Agents – diskussjoni tas-sentenza

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk iddiskutitx l-impatt taż-żewġ sentenzi mogħtija mill-Qorti Kostituzzjonali fir-rigward tal-każ Federation of Estate Agents kontra Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) et maħruġa fil-21 t’April 2015 u t-3 ta’ Mejju 2016? Jekk iva, tista’ tgħid meta kien dan u tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-minuti ta’ din id-diskussjoni? Jekk din id-diskussjoni ma saritx tista’ l-Ministru tispjega l-għala din ma saritx?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lil Onor. Interpellant li saru diversi diskussjonijiet li wasslu għall-proposti leġislattivi fuq il-parir tal-Avukat Ġenerali. Ma nżammux minuti tal-laqgħat u l-proposti imsemmija huma riżultat ta’ dawn id-diskussjonijiet.

Il-Każ Federation of Estate Agents — miżuri

Question

Wara s-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali maħruġa fit-3 ta’ Mejju 2016 rigward il-każ Federation of Estate Agents kontra Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) et tista’ l-Ministru telenka dawk il-miżuri li d-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) jista’ jieħu biex jindirizza kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni fis-suq mingħajr ma’ juża dawk l-artikoli li ġew dikjarati li jmorru kontra l-Kostituzzjoni? Tista’ l-Ministru tgħid a bażi ta’ liema artikoli tal-liġi tal-Kompetizzjoni dawn il-miżuri jistgħu jittieħdu?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li peress li hemm il-każ pendenti quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili (Ġurisdizzjoni Kostituzzjonali), fl-ismijiet Falzon Group Holdings Limited Et vs Direttur Generali (Kompetizzjoni) Et , id-Direttur Generali (Kompetizzjoni) ma jistax jagħti l-informazzjoni mitluba.

Uffiċċju tal-Konsumatur — Il-Każ Federation of Estate Agents – laqgħat ma’rappreżentanti tal-għaqdiet tal-konsumaturi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk id-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni), jew xi uffiċjali oħra fi ħdan l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni kellhomx laqgħat ma’ rappreżentanti tal-għaqdiet tal-konsumaturi u dawk tan-negozju dwar is-sentenza mogħtija mill-Qorti Kostituzzjonali fit-3 ta’ Mejju 2016 fil-każ tal-Federation of Estate Agents kontra d-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni)? Jekk dawn il-laqgħat saru tista’ l-Ministru tgħid meta saru u ma’ liema organizzazzjonijiet? Jekk ma sarux tista’ l-Ministru tgħid għal liema raġuni dawn ma sarux?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li ma sarux laqgħat mar-rappreżentanti msemmija

Liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea

Question

Peress li d-Direttiva 2014/104/UE tas-26 ta’ Novembru 2014 dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea kellha tidħol fis-seħħ sentejn wara u ċjoè fis-27 ta’ Diċembru 2016, tista’ l-Ministru tgħid meta ser jiddaħħlu fis-seħħ ir-regolamenti neċessarji sabiex Malta taderixxi ma’ din id-direttiva?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li ir-regolamenti neċessarji ser jiddaħħlu sa l-aħħar ta’ April.

Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur – każijiet pendenti quddiem il-Qorti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm għandu każijiet pendenti quddiem il-Qorti, l-Uffiċċju għall-Affarijet tal-Konsumatur? Tista’ l-Ministru telenka dawn il-każijiet?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li bħalissa hemm tmien (8) każijiet pendenti quddiem il-Qorti inkluzi l-appelli fl-ismijiet segwenti: · Pulizija vs Marphil Gauci (Qorti tal-Magistrati (Malta) Gudikatura Kriminali) · Pulzija vs Nazzareno Muscat (Qorti tal-Magistrati (Malta) Gudikatura Kriminali) · Pulizija vs Mark Andrew Brincat et (Riferena Kostituzzjonali) · Pulzija vs Mark Andrew Brincat et (Riferena Kostituzzjonali) dawn huma zewg kazijiet bl-istess ismijiet · Pulizija vs Chalcedon Vella (Qorti tal-Magistrati) · Pulizija vs Josef Gauci (Qorti tal-Appell Kriminali) · Melita plc et vs Direttur Generali (Affaijiet tal-Konsumatur) (Tribunal tal-Apelli ghall-Kompetizzjoni u ghall-Konsumatur) · Benny Borg Bonello nomine vs MCCAA u Direttur Generali (Affarijiet tal-Konsumatur) (Qorti tal-Appell)

Att dwar il-Kompetizzjoni – Direttur Ġenerali — sottomissjonijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk fil-każ tas-sid tal-pompa tal-petrol li ma tħalliex iraħħas il-prezz tal-fuel, id-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) talabx persuni jew intrapriżi oħra li joperaw fis-suq biex jagħmlu s-sottomissjonijiet tagħhom skont l-Att dwar il-Kompetizzjoni? Jekk dan ma sarx, tista’ tispjega għaliex dan ma sarx? Jekk dan sar, tista’ tgħid meta d-Direttur Ġenerali ppublika n-notifika u kemm irċieva sottomissjonijiet?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li d-Direttur Ġenerali, fl-investigazzjoni tiegħu, talab informazzjoni mingħand operaturi oħra fis-suq. Id-Direttur Ġenerali mhux obligat li jagħmel l-ebda notifika biex operaturi oħra fis-suq jagħmlu s-sottomissjonjiet tagħhom.

Att dwar il-Kompetizzjoni – każ tas-sid tal-pompa tal-petrol li ma tħalliex iraħħas il-prezz tal fuel

Question

B’referenza għall-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 29055 rigward il-każ tas-sid tal-pompa tal-petrol li ma tħalliex iraħħas il-prezz tal fuel,tista’ l-Ministru tgħid jekk l-organizzazzjoni konċernata tikkwalifikax bħala entità kwalifikata skont l-Att dwar il-Kompetizzjoni?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li l-organizzazjoni konċernata tikkwalifika bħala entità kwalifikata skont l-Att Dwar il-Kompetizzjoni.

Uffiċċju għall-Kompetizzjoni – ħruġ ta’ ordni ta’ waqfien u ebda tkomplija u ordni ta’ konformità

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il ordni ta’ waqfien u ebda tkomplija u ordni ta’ konformità, skont artikolu 13 tal-Att dwar il-Kompetizzjoni, inħarġu mill-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni minn Marzu 2013 ‘il hawn? Tista’ l-Ministru tgħid meta nħarġu u f’liema settur dawn kienu jikkonċernaw?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li l-Uffiċċju ma ħareġ l-ebda ordni ta’ waqfien u ebda tkomplija u ordni ta’ konformita.

Uffiċċju tal-Konsumatur — rapporti fuq kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni mill-Qorti b’ġurisdizzjoni ċivili

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il darba l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni ġie mitlub jissottometti rapport fuq kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni mill-Qorti b’ġurisdizzjoni ċivili skont artikolu 27 tal-Att dwar il-Kompetizzjoni?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li kien hemm okkazzjoni waħda fejn l-Uffiċċju ġie mitlub jissottometti dan it-tip ta’ rapport.

Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur – bord ta’ Governanza – każ tal-Federation of Estate Agents

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta l-Bord ta’ Governanza tal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur ġie infurmat mid-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) bis-sentenza mogħtija mill-Qorti Kostituzzjonali tal-21 t’April 2015 rigward il-każ Federation of Estate Agents kontra Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) et? Tista’ tgħid x’passi ħa l-Bord appena dan kien infurmat? Tista’ tgħid jekk il-Bord analizzax il-konsegwenzi li din is-sentenza ġġib fuq il-liġi tal-kompetizzjoni f’każ li kellha tiġi kkonfermata, kif fil-fatt ġara? Tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ din l-analiżi? Jekk il-Bord ma ġiex infurmat, tista’ tgħid x’passi ħa l-Bord biex jindirizza din il-kwistjoni?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li s-sentenza mogħtija mill-Prim Awla Qorti Ċivili (Sede Kostituzzjonali) tal-21 ta’ April 2015 ġiet diskussa fil-laqgħa tal-Bord tat-28 ta’ April 2015. Il-membri tal-Bord kienu tal–opinjoni li l-Avukat Ġenerali għandu jiġi infurmat li fl-opinjoni tagħhom is-sentenza għanda tigi appellata. Ta min jiġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant li mhux korrett meta qed jgħid li s-sentenza ġiet konfermata għax fil-fatt Qorti Kostituzzjonali ma qablietx li l-proċeduri kontemplati fl-Att imorru kontra l-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem kif kienet iddeċidiet l-ewwel Qorti. Il-minuti tal-Bord jitqiesu li huma dokumenti interni skont Artikolu 28 tal-Att dwar l-Awtorita ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur.

Uffiċċju tal-Kompetizzjoni — laqgħat

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 29151, tista’ l-Ministru tgħid liema aspetti tal-Att dwar il-Kompetizzjoni dawn il-laqgħat kienu jikkonċernaw?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li dawn il-laqgħat kienu jikkonċernaw proċedura, tul taż-żmien ta’ investigazzjoni u l-funzjonijiet tal-Uffiċċju.

Uffiċċju tal-Kompetizzjoni– FA Premier League – delayed screening of Premier League Matches

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 29152 tista’ l-Ministru tikkonferma li allura d-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) ma kitibx direttament il-FA Premier League Ingliża rigward il-każ tad-Delayed Screening of Premier League Matches?

Response (DALLI, HELENA)

Kif diġà spjegat fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 29152, id-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) kien talbet lill-operaturi ikkonċernati sabiex tiġi mogħtija dikjarazzjoni uffiċjali mingħand l-FA Premier League. L-ittra mingħand l-FA Premier League fil-fatt kienet indirizzata lid-Direttur Ġenerali u tagħmel referenza li l-informazzjoni mogħtija fl-ittra qed tingħata bħala konferma ta’ dak li ntqal mill-operatur konċernat waqt il-laqgħa li kienet saret miegħu.

Uffiċċju tal-Kompetizzjoni– FA Premier League – delayed screening of Premier League Matches

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 29152, tista’ l-Ministru tgħid għalfejn id-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) ma kitibx hu direttament il-FA Premier League Ingliża rigward il-każ tad-Delayed Screening of Premier League Matches?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li d-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) ma kitbitx hi direttament il-FA Premier League Ingliża peress li kif diġa spjegat fil-mistoqsija parlamentari 29152 din intalbet waqt laqgħa mal-operatur ikkonċernat. F’dan il-każ partikolari, il-każ li kien qed jiġi analizzat kien jirrigwarda wkoll il-ftehim bejn l-operatur konċernat u l-FA Premier League, u għaldaqstant l-informazzjoni ntalbet direttament mingħand l-operatur.

Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur – FA Premier League – każ ta’ Delayed Screening of Premier League matches

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 29152, tista’ l-Ministru tgħid x’għamel id-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) sabiex jikkonferma li dak li kien ddikjarat fil-fatt qed iseħħ fiż-Żona Ekonomika Ewropea kollha?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li d-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) ikkunsidrat li l-ittra mingħand l-FA Premier League kienet konferma uffiċċjali ta’ dak li kien qed iseħħ fiż-Żona Ekonomika Ewropea. Għaldaqstant ma sarux kommunikazzjonijiet oħra biex jiġi kkonfermat dan il-fatt.

Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur u l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni – bejgħ ta’ petrol u d-diesel

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur u l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni humiex jinvestigaw is-suq tal-bejgħ tal-petrol u d-diesel?

Response (DALLI, HELENA)

L-informazzjoni li qed tiġi mitluba tista` tkun ta' preġudizzju għall-investigazzjonjiet li jkun qed jagħmel l-Uffiċċju tad-Direttur Ġenerali tal-Kompetizzjoni.

Direttur Ġenerali – deċiżjonijiet li mhumiex skont kif kontemplat fl-Att dwar il-Kompetizzjoni

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 29149 b’mod partikolari għal dawk it-tlieta u tletin (33) deċiżjoni maħruġa mhux skont kif kontemplat fl-Att dwar il-Kompetizzjoni tista’ l-Ministru tgħid, għal kull każ sottomess, liema artikoli tal-Att dwar il-Kompetizzjoni dawn kienu jikkonċernaw?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li l-każijiet kienu jikkonċernaw dawn l-artikoli tal-Att dwar il-Kompetizzjoni hekk kif joħroġ mit-tweġieba parlamentari 30451: - Tlettax il-każ taħt Artikolu 14 (2) tal-Att Dwar il-Kompetizzjoni - Każ wieħed artikolu 11A tal-Att Dwar il-Kompetizzjoni - Żewġ każjiet taħt l-artikolu 14 tal-Att dwar l-Awtorita ta’ Malta ghall-Kompetizzjoni u għall-affarijiet tal-Konsumatur