Tribunal tal-Appell tal-Kompetizzjoni u tal-Konsumatur — każijiet
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 30448 fejn il-Ministru elenkat il-każijiet kollha li ġew mismugħa quddiem it-Tribunal tal-Appell tal-Kompetizzjoni u tal-Konsumatur minn mindu twaqqaf, tista’ l-Ministru tindika u telenka liema huma dawk il-każijiet li ġew konklużi u m’għadhomx qed jinstemgħu quddiem it-Tribunal?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li r-risposta għal din il-mistoqsija parlamentari tinsab fl-istess risposta għall-mistoqsija parlamentari 30448.
Awtorità għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur – rapport annwali
Question
Nirreferi l-Ministru għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 29149, in vista tar-risposta tagħha għall-mistoqsijiet parlamentari 30451, 30452, 30456, u 30457 fejn il-Ministru qalet li jien kont “żbaljat fil-konklużjoni … li d-deċiżjonijiet ma ħarġux skont il-liġi”, tista’ tispjega għaliex fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 29149 użat il-kliem “l-Uffiċċju ma ħax deċiżjoni skont kif kontemplat fl-Att dwar il-Kompetizzjoni”?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li intuża dan il-kliem biex issir distinzjoni bejn dawk il-każijiet li setgħu ikunu suġġetti għall-pubblikazzjoni għax inħarġu b’deċiżjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar il-Kompetizzjoni u każijiet oħra li ġew riżolti b’mod ieħor bħal pereżempju każ li ġie solvut skont l-artikolu 14(2) tal-Att dwar il-Kompetizzjoni li pero mhumiex suġġetti għall-pubblikazzjoni.
Uffiċċju għall-Kompetizzjoni – każijiet li ġew reġistrati
Question
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 30451 tista’ l-Ministru tgħid meta dawn it-tlieta u tletin (33) każ ġew reġistrati mal-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni u għal kull każ, tista’ tgħid ukoll meta l-Uffiċċju bagħat acknowledgement?
Response (DALLI, HELENA)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella l-informazzjoni mitluba.
Att dwar il-Kompetizzjoni – Artiklu 14(2) – każijiet magħluqa
Question
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 30451 fejn qalet kien hemm tlettax (13)-il każ li ġew magħluqa taħt l-artiklu 14 (2) tal-Att dwar il-Kompetizzjoni, għal kull każ, tista’ l-Ministru tgħid:
(i) meta wasal għand id-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni),
(ii) meta d-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) ppreskriva dawk il-ħtiġijiet ġenerali biex persuna li tressaq ilment għandha ssegwi meta tipprovdi l-informazzjoni;
(iii) meta d-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) informa l-persuna konċernata li m’hemmx raġunijiet suffiċjenti sabiex jaġixxi fuq l-ilment; u
(iv) kemm ingħataw żmien sabiex dawn il-persuni juru l-fehmiet tagħhom skont artikolu 14 (2)?
Tista' l-Ministru tgħid ukoll għal kull każ:
(i) jekk eventwalment kienx hemm risposta mill-persuna konċernata
(ii) jekk id-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) ħariġx deċiżjoni fejn ċaħad l-ilment?
Tista’ wkoll tgħid, għal kull każ, jekk id-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) infurmax il-persuni konċernati jekk kemm-il darba dawn ma jissottomettux informazzjoni ulterjuri l-każ jiġi meqjus bħala irtirat?
Response (DALLI, HELENA)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra ddettalji mitluba.
Infurmata wkoll li d-Direttur Ġenerali ma ħariġx deċiżjoni fejn ċaħad l-ilment peress li ma rċieva l-ebda risposta mill-persuni konċernati.
Id-Direttur Ġenerali, ħlief għal zewġ każijiet, dejjem informa il-persuni konċernati jekk kemm-il darba dawn ma jissottomettux informazzjoni ulterjuri l-każ jiġi meqjuż bħala irtirat.
Rigward it-tieni punt, kull meta persuna tagħmel l-ilment, tigi infurmata x’informazzjoni għandu bżonn l-Uffiċċju biex jevalwa l-ilment.
Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur – Artikolu 14 (2) – każijiet magħluqa
Question
Tista’ l-Ministru tgħid minn meta twaqqfet l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur, sena b’sena sal-ġurnata li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm kien hemm każijiet li ngħalqu skont l-Artikolu 14 (2)?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni se tingħata f'xi seduta oħra.
Tribunal għat-Talbiet tal-Konsumatur — Public Warning Statement - deċiżjonijiet
Question
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 30450 u tgħid, kemm-il deċiżjoni tat-Tribunal għat-Talbiet tal-Konsumatur ġew onorati wara li d-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) ħareġ Public Warning Statement skont artiklu 8 tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur?
Awtorità għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur – rapport annwali
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 29149, tista’ l-Ministru tgħid x’inhuma r-raġunijiet li minkejja l-fatt li fil-21 t’April 2015, il-Qorti Kostituzzjonali kienet diġà ddikjarat numru ta’ artikoli tal-Att dwar il-Kompetizzjoni jmorru kontra il-Kostituzzjoni, fit-8 ta’ Ġunju 2015 id-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) impona multa amministrattiva ta’ €2,000 minħabba nuqqas ta’ notifika ta’ konċentrazzjoni abbażi għall-Artikolu 21 tal-Att dwar il-Kompetizzjoni li huwa wieħed minn dawk l-artikoli ddikjarati li jmorru kontra l-Kostituzzjoni? Tista’ tgħid jekk il-Gvern għandux il-ħsieb li jirrifondi lura l-flus mħallsa wara li fl-appell il-Qorti Kostituzzjonali kkonfermat li dawn l-artikoli kienu kontra l-Kostituzzjoni ta’ Malta u allura din il-multa amministrattiva qatt ma setgħet tiġi mposta ab initio?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li d-deċiżjoni li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant tirrigwarda kwistjonijiet ta’ fatt u ta’ dritt li huma differenti mis-sentenza hawn fuq imsemmija. Filwaqt li s-sentenza hawn fuq imsemmija kienet tirrigwarda l-impożizzjoni ta’ multa marbuta mal-ħrug ta’ stqarrija ta’ oġġezzjonijiet fir-rigward ta’ allegat ksur tal-Att dwar il-Kompetizzjoni, il-multa ta’ €2000 ġiet imposta fil-kuntest ta’ konċentrazzjoni taħt ir-regolamenti dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet .
Awtorità għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur – rapport annwali
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 29149, tista’ l-Ministru tispjega għalfejn kellhom jgħaddu iktar minn disa’ xhur biex id-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) jimponi multa amministrattiva ta’ €2,000 rigward notifika li saret l-Uffiċċju ghall-Kompetizzjoni f’Awwissu 2014 ai termini tar-Regolamenti tal-Kontroll ta’ Konċentrazzjonijiet fejn tali notifika kellha ssir fil-2011?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li l-konċentrazzjoni daħlet fis-seħħ fl-2011. Dan sar bi ksur tar-Regolamenti dwar il-Kontroll ta’ Konċentrazzjonijiet peress li ma ġewx segwiti il-proċeduri kif stipulat fil-liġi. L-ebda passi ma ttieħdu mill-Uffiċċju fl-2011 u l-passi ttieħdu snin wara. Irrispettivament mid-data tan-notifika xorta jibqa l-fatt li n-notifika ma ġietx ippresentat fiz-żmien ta’ meta seħħet il-konċentrazzjoni u għalhekk id-Direttur Ġenerali ikkunsidra li kellu jimponi multa.
MCCAA – Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) – multi amministrattivi
Question
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 27947 fejn intqal li ġiet imposta multa amministrattiva ta’ €1,000 fuq intrapriża fis-settur tal-edukazzjoni li xekklet l-investigazzjoni tal-Uffiċċju billi damet ma pprovdiet l-informazzjoni mitluba, tista’ l-Ministru tgħid meta din il-multa ġiet imposta u abbażi ta' liema artikolu tal-Att dwar il-Kompetizzjoni din il-multa ġiet imposta?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li l-multa ġiet imposta nhar it-13 ta’ Lulju 2015 skont l-artiklu 21 (6) tal-Att dwar il-Kompetizzjoni.
Direttur Ġenerali Affarijiet tal-Konsumatur – Delayed Screening of Premier League Matches
Question
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 30463, tista’ l-Ministru tikkonferma li fil-każ ta’ Delayed Screening of Premier League Matches, id-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) ma avviċinax awtoritajiet regolatorji oħra tal-konsumatur fiż-Żona Ekonomika Ewropea sabiex jikkonferma l-kontenut ta’ dak indikat fl-ittra mingħand il-FA Premier League mgħoddija lilu tramite l-operatur lokali? Tista’ l-Ministru tikkonferma wkoll li d-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) ma ħassx li kellu jqabbel dak li kien qed iseħħ f’Malta ma prattiċi f’pajjiżi oħra membri taż-Żona Ekonomika Ewropea?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li fil-każ ta’ Delayed Screening of Premier League Matches, id-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) ma avviċinax awtoritajiet regolatorji oħra tal-konsumatur fiż-Żona Ekonomika Ewropea sabiex jikkonferma l-kontenut ta’ dak indikat fl-ittra mingħand il-FA Premier League mgħoddija lilu tramite l-operatur lokali u ma setax iqabbel dak li kien qed iseħħ f’Malta ma prattiċi f’pajjiżi oħra membri taż-Żona Ekonomika Ewropea u dan anki fid-dawl tal-konfidenzjalita’ tal-korrispondenza in kwistjoni. Saret riċerka estensiva mill-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur u rriżulta li l-kontenut tal-ittra tal-FA Premier League ikkonferma d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-Każ Nru C-403/08, Football Association Premier League Ltd vs. QC Leisure.
B’referenza għall-każ rigward id Delayed Screening of Premier League matches tista’ l-Ministru tgħid jekk id-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) ikkoordinax il-ħidma tiegħu mad-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) u mal-Awtorità ta’ Malta għall-Komunikazzjoni? Tista’ tgħid li fil-laqgħat li saru mal-operatur lokali dawn iż-żewġ entitajiet ġewx involuti fil-laqgħat?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li saret laqgħa mal-Awtorità ta’ Malta għall-Komunikazzjoni għall-koordinament tal-ħidma bejn iż-żewġ entitajiet għal liema laqgħa ma kienx preżenti l-operatur lokali. Fil-każ in eżami ma kienx hemm il-ħtieġa li ssir laqgħa mad-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) peress li l-każ ma kienx jikkonċerna lill-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni.
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma t-toroq ġodda li huma ppjanati li jinbnew f’Ħal Qormi?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet isiru skont il-prioritajiet nazzjonali, fondi pubbliċi u l-proċess tal-akwist ġaladarba jkunu ffurmati mill-iżviluppaturi jew residenti, skont l-obligi tagħhom.
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma t-toroq ġodda li huma ppjanati li jinbnew fis-Siġġiewi?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet isiru skont il-prioritajiet nazzjonali, fondi pubbliċi u l-proċess tal-akwist ġaladarba jkunu ffurmati mill-iżvillupaturi jew residenti, skont l-obligi tagħhom.
Is-Siġġiewi – Triq Mons. Mikiel Azzopardi — progress
Question
Jista’ l-Ministru jgħid xi progress sar u x’baqa’ jsir wara li kien hemm l-evalwazzjoni u l-istudji ta’ Transport Malta dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu għal aktar saħħa u sigurtà fi Triq Mons. Mikiel Azzopardi (il-bypass tas-Siġġiewi) biex jiġu evitati aktar aċċidenti fatali? Fiex waslu miżuri bħal speed cameras u oħrajn?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 30393 fejn ingħad li Transport Malta, b’kunsultazzjoni mal-LESA, approvat speed camera biex tħares il-veloċita’ fit-triq imsemmija.
Skola Sekondarja tal-Ħandaq – l-ewwel u t-tieni sena – Nuqqas ta’ għalliem tal-matematika
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-istudenti tal-ewwel u t-tieni sena sekondarja fl-iskola tal-Ħandaq ilhom mingħajr għalliem tal-matematika għal sitt ġimgħat sħaħ? Sa meta se jkun instab replacement għal dawn it-tfal? X’inhu l-pjan biex dawn l-istudenti li tilfu tant lezzjonijiet ikunu kapaċi jagħmlu l-eżamijiet bħal tfal oħra? Jista’ ġentilment jindaga dwar dan u jsib soluzzjoni kif jixraq lit-tfal li jattendu din l-iskola?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ġejt infurmat li l-istudenti ilhom mingħajr għalliem tal-Matematika mill-15 ta’ Jannar, 2017, minħabba leave tal-maternità. Qabel din id-data kien hemm assenza ta’ għaxart ijiem mifruxa fl-ewwel term u jiem oħra mill-bidu ta’ Jannar minħabba leave ta’ mard.
Saret laqgħa mid-Direttur Ġenerali, il-Prinċipal tal-Kulleġġ San Injazju, il-Kap tal-Iskola u l-Kap tad-Dipartiment tal-Matematika mal-ġenituri tal-istudenti, fejn ġiet spjegata s-sitwazzjoni. Għall-eżami tal-Matematika dawn l-istudenti għandhom jirrispondu biss l-eżerċizzji indikati lilhom. Il-ġenituri ġew infurmati wkoll li mill-1 ta’ Marzu għandhom jidħlu jagħtu l-lezzjonijiet l-istudenti tal-Università u għalliema tal-Matematika għandha tidħol lura tgħallem wara l-leave tal-maternità.
Federation of Estate Agents vs Direttur Ġenerali — deċiżjonijiet tal-Qrati kostituzzjonali
Question
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 30127 u ċjoè: Peress li wara d-deċiżjonijiet tal-Qrati Kostituzzjonali ta’ April 2015 u Mejju 2016 fil-każ tal-Federation of Estate Agents vs Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni), il-Ministru kienet qalet li hemm diversi liġijiet li jridu jiġu emendati, tista’ l-Ministru telenka dawn il-liġijiet u għal kull liġi tgħid liema huma dawk l-artikoli li se jiġu emendati? Tista’ tgħid meta se jiġi ppubblikat l-abbozz ta' liġi f'din ir-rigward?
Response (DALLI, HELENA)
F'dak li jaqa taħt ir-responsabilità tal-Ministeru li mmexxi jien, l-emendi ser jiġu proposti fl-Att Dwar il-Kompetizzjoni, l-Att dwar l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur u r-regolamenti dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet.
Skont il-parir tal-AG id-deċiżjoni tal-Qorti għandha impatt fuq liġijiet oħra li ma jaqgħux taħt dan il-Ministeru.
Bħalissa ghaddej ix-xoghol fuq l-amendi li jikkoncernaw dak li jaqa taht l-MCESD, u meta jitlestew kollha, jgħaddu mill-proċess normali u jiġu ppubblikati.
Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi u kif qed tiżviluppa s-sitwazzjoni tal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Jista’ jgħid x'interventi qed jikkontempla l-Gvern biex isalva l-futur ta’ dan l-investiment f'Malta u l-impjieg tal-ħaddiema u l-għajxien tal-familji tagħhom?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor Interpellant li ninstab nfurmat li Jobsplus offriet l-għajnuna lill-ħamsa u għoxrin ħaddiem/a li se jispiċċaw fl-immedjat. Madanakollu, jidher li dawn il-ħaddiema għandom pjanijiet lesti hekk kif s’issa ħadd minnhom ma’ rrikorra għall-assistenza.
Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi s-sitwazzjoni tal-ħaddiema tal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Jista’ jgħid x'interventi qed jikkontempla l-Gvern biex isalva l-futur tal-impieg ta’ dawn il-ħaddiema u l-għajxien tal-familji tagħhom? Kemm hemm ħaddiema li x-xogħol tagħhom huwa pperikolat?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. interpellant li wara diskussjonijiet mal-kumpanija msemmija, Jobsplus offriet l-għajnuna lill-ħamsa u għoxrin ħaddiem/a li se jispiċċaw fl-immedjat. Madankollu, huwa mifhum li dawn il-ħaddiema għandhom pjanijiet lesti hekk kif s’issa ħadd minnhom ma rrikorra għall-assistenza.
Jista’ l-Ministru jgħid meta se jibda l-proġett ta’ culverts biex itaffi l-problema tal-għargħar li jkun hemm fi Triq il-Karmnu Ħal Luqa u l-isqaqien li hemm f’din it-triq b’mod partikolari fi Sqaq Nru 4?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet isiru skont il-prioritajiet nazzjonali, u fondi pubbliċi.