Malta Competition and Consumer Affairs Authority – ingaġġ ta’ impjegati ġodda permezz ta’ sejħa interna
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm huma, liema huma u xi gradi huma l-pożizzjonijiet fi ħdan il-Malta Competition and Consumer Affairs Authority li ġew mimlija permezz ta’ sejħa interna minn Jannar 2013 sal-lum? F’kull każ, tista’ telenka l-kwalifiki ta’ kull persuna li qed tokkupa dawn il-karigi? F’kull każ, tista’ tgħid mil-liema lokalità ġejjin l-individwi li mlew dawn il-karigi? F’kull każ, tista’ tgħid x’inhu l-pakkett tas-salarju u perkaċċi marbut ma’ kull pożizzjoni?
Response (DALLI, HELENA)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 30455 fejn il-Ministru qalet li f’każ wieħed intbagħtu tlieta u erbgħin (43) talba (request for information), tista’ l-Ministru tgħid meta dan il-każ ġie rreġistrat mal-Uffiċċju, id-dati ta’ meta ntbagħtu r-request for information u meta ġie deċiż il-każ? Liema settur tas-suq dan il-każ kien jikkonċerna?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li l-każ ġie rreġistrat nhar is-6 ta’ Diċembru 2013 u magħluq nhar it-28 ta’ Lulju 2015. Is-settur konċernat kien dak finanzjarju.
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra tabella bid-dati ta’ meta intbagħtu r-
request for information
.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 30454 fejn il-Ministru qalet li f’każ wieħed saru tlieta u erbgħin (43) laqgħa, tista’ l-Ministru tgħid meta dan il-każ ġie rreġistrat mal-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni, id-dati ta’ meta saru l-laqgħat u meta ġie deċiż il-każ? Liema settur tas-suq dan il-każ kien jikkonċerna?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li bi żvista ittieħed l-istess numru tar-request of information li kien hemm fil-mistoqsija 30455. It-total ta’ 57 laqgħa għall-każijiet kollha kien korrett u n-numru kellu jkun ta’ 18 il-laqgħa għal dan il-każ partikualari.
Infurmata li l-każ ġie rreġistrat nhar is-6 ta’ Diċembru 2013 u magħluq nhar it-28 ta’ Lulju 2015. Is-settur konċernat kien dak finanzjarju.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bid-dati ta’ meta saru it-18 il-laqgħa.
Direttur Ġenerali – deċiżjonijiet li mhumiex skont kif kontemplat fl-Att dwar il-Kompetizzjoni — laqgħat
Question
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 30454 fejn il-Ministru qalet li kien hemm tnax (12)-il każ li fihom ma saret l-ebda laqgħa mal-partijiet konċernati biex tiġi riżolta l-kwistjoni, tista’ l-Ministru tgħid meta ġew reġistrati dawn il-każijiet mal-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni, liema artikolu tal-Att dwar il-Kompetizzjoni dawn kienu jikkonċernaw u x’inhuma r-raġunijiet li l-Uffiċċju għażel li ma jagħmilx laqgħat? Tista’ tgħid x’deċiżjoni l-Uffiċċju ħa għal kull wieħed minn dawn it-tnax (12) il-każ? Tista’ l-Ministru wkoll tgħid liema swieq dawn il-każijiet kienu jikkonċernaw?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li l-każijiet ġew reġistrati wieħed (1) fl-2012, tnejn (2) fl-2013, wieħed (1) fl-2014 u tmienja (8) fl-2015. Dawn jikkonċernaw l-allegat ksur ta’ Artikoli 5 u/jew 9.
Ir-raġuni għalfejn ma tkun saret l-ebda laqgħa hija għax il-fatti tal-każ kienu tali li ma kienx jeħtieġ li ssir laqgħa jew l-Uffiċċju talab li ssir laqgħa u min għamel l-ilment baqa’ ma attendiex jew ikun talab għal xi kjarifika u din baqgħet ma waslitx.
Seba’ każijiet inagħlqu taħt Artiklu 14 (2) , tnejn kienu
advocacy
, tnejn għax min għamel l-ilment ma weriex aktar interess u wieħed fejn informa l-intrapriża li l-prattiċi kkontemplati jistgħu ikunu suġġetti minn ilmenti minn terzi.
Dawn kienu jikkonċernaw is-swieq tal-enerġija, transport, parkeġġ, ambjent u edukazzjoni.
Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur – artikli
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm inkitbu artikli fuq il-gazzetti u mezzi oħra mill-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur sabiex jinforma l-konsumaturi dwar il-kwalità ta’ servizz li l-konsumaturi għandhom jistennew mid-distributuri taċ-ċilindri tal-gass minn Marzu 2013 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jekk dawn l-artikli nkitbu, tista’ tpoġġihom fuq il-Mejda tal-Kamra u jekk dawn ma nkitbux tista’ tgħid il-għaliex dawn ma nkitbux? Tista’ tgħid jekk f’dan il-perjodu l-Uffiċċju talabx lir-regolatur tal-enerġija sabiex jissottometti artikli f’dan ir-rigward għall-pubblikazzjoni fir-rivista “L-Għażla”? Jekk dan sar tista’ tgħid meta dan sar u jekk ma sarx tista’ tgħid għaliex?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li minn Marzu 2013 sal-lum ma nkitbux artikli mill-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur dwar il-kwalità ta’ servizz li l-konsumaturi għandhom jistennew mid-distributuri taċ-ċilindri tal-gass u dan peress li dan is-suġġett huwa amministrat mir-Regulatur tas-Servizzi għall-Enerġija u Ilma u preċedentement mill-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi.
Mill-2013 sal-lum kien hemm biss żewġ ilmenti reġistrati mal-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur u dawn ġew solvuti b’sodisfazzjon tal-konsumaturi kkonċernati.
Madankollu waqt programmi fuq il-midja, Uffiċċjali tal-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur minn dejjem taw tagħrif dwar is-servizz li l-konsumatur għandu jistenna mid-distributuri tal-gass. Din l-informazzjoni tingħata wkoll permezz tat-telefon meta konsumaturi jċemplu dwar dan it-tagħrif.
Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur — Standard Operating Procedures
Question
Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-iStandard Operating Procedures li jsegwi l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur f’investigazzjonijiet li għandu x’jaqsam ma' reklamar fuq ġurnali, rivisti u mezzi ta’ medja oħra?
Response (DALLI, HELENA)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra flow chart tal-proċeduri li jistgħu jittieħdu taħt proċeduri amministrattivi u flow chart li tindika l-iStandard Operating Procedures (SOPs) fir-rigward tal-leġislazzjoni sussidjarja 378.09 rigward prezzijiet indikati.
Tista’ l-Ministru tgħid, sena b’sena, kemm wettaq spezzjonijiet fis-suq l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur rigward ir-regolamenti dwar kreditu lill-konsumatur minn Marzu 2013 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Tista' wkoll tgħid f’kemm-il okkażjoni nstab li kien hemm xi infrazzjoni kontra dawn ir-regolamenti?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li fil-perjodu indikat mill-Onorevoli Interpellant ma sarux spezzjonijiet fis-suq rigward ir-regolamenti msemmija. Minkejja dan l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur jixtieq jirrimarka li dan ma jfissirx li s-settur finanzjarju li jforni kreditu lill-konsumatur mhuwiex segwit mill-istess Uffiċċju. L-ilmenti f’dan ir-rigward huma limitati għal ammonti żgħar ħafna li fir-rigward tal-banek jiġu riferuti lill-Awtorita’ għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta. . Fil-perjodu indikat fil-mistoqsija parlamentari ma ġewx reġistrati lmenti fl-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur fir-rigward ta’ dan is-settur speċifiku. In-nuqqas ta’ lmenti f’dan is-settur huwa rifless fil-Consumer Markets Scoreboard fejn is-suq tal-Loans, credits u credit cards f’Malta huwa fost l-aqwa ħames setturi meta komparat mal-Membri Stati tal-Unjoni Ewropea.
Tista’ l-Ministru tgħid, sena b’sena, kemm-il ordni ta’ tħaris ħareġ id-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) minn Marzu 2013 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li ma nħargitx ordni ta’ tħaris fiż-żmien in kwistjoni.
Direttur Ġenerali — ilmenti minn entitajiet kwalifikati
Question
Tista’ l-Ministru tgħid, sena b’sena, kemm-il ilment irċieva d-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) minn Marzu 2013 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari minn entitajiet kwalifikati?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li minn Marzu 2013 id-Direttur Ġenerali ma irċieva l-ebda ilment minn entitajiet kwalifikati.
Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur – analiżi dwar is-suq tal-proprjetà
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur huwiex qed jagħmel analiżi dwar is-suq tal-proprjetà mikrija f’Malta u l-impatt tagħha fuq il-konsumaturi?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li preżentament l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur mhuwiex jagħmel analiżi ta’ dan is-suq jew fuq l-impatt tiegħu fuq il-konsumaturi.
Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur – Artikolu 25(3) – infurzar tad-deċiżjoni tat-Tribunal għat-Talbiet tal-Konsumatur
Question
Tista’ l-Ministru tgħid, sena b’sena minn Marzu 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm kienu dawk il-konsumaturi li kellhom jużaw il-proċedura msemmija f’Artikolu 25(3) tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur sabiex jenforzaw id-deċiżjoni tat-Tribunal għat-Talbiet tal-Konsumatur? F’dan ir-rigward kemm kien hemm konsumaturi li kellhom suċċess wara li ntużat din il-miżura?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li filwaqt li l-konsumaturi kkonċernati għandhom id-dritt li jesegwixxu d-deċiżjoni tat-Tribunal għal Talbiet ta’ Konsumaturi, huma ma għandhom l-ebda obbligu li jinformaw lill-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur dwar tali għażla tagħhom u għalhekk l-informazzjoni mitluba fil-mistoqsija parlamentari mhijiex disponibbli. Inoltre tali azzjoni eżekuttiva da parti tal-konsumaturi hija kompletament independenti u awtonoma mill-funzjonijiet ta’ dan l-Uffiċċju.
Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur – standard operating procedures
Question
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 30458 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 29148, tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-iStandard Operating Procedures li jsegwi l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur f’investigazzjonijiet ta’ prattiċi fis-suq?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li kif spjegat fit-tweġiba parlamentari 29148, meta ma jintlaħaqx rimedju jew ftehim amikevoli, jinbdew proċeduri amministrattivi jew kriminali, skont il-leġislazzjoni miksura. Proċeduri amministrattivi jiġu implimentati fejn hemm ksur tal-Att għall-Affarijiet tal-Konsumatur (Kapitlu 378) u l-leġislazzjonijiet sussidjarji li jaqgħu taħtu, ħlief għall-leġislazzjoni sussidjarja rigward prezzijiet indikati fejn il-proċeduri huma kriminali.
Direttur Ġenerali – deċiżjonijiet li mhumiex skont kif kontemplat fl-Att dwar il-Kompetizzjoni – ħruġ ta’ request for information mill-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni
Question
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 30455 tista’ l-Ministru tispjega l-għala fir-rigward ta’ 26 każ riferuti fit-tweġiba ma ntbagħtu l-ebda request for information? Liema swieq dawn kienu jikkonċernaw?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li r-raġuni għalfejn ma tkun intbgħatet l-ebda request for information hija għax jew tkun saret laqgħa jew il-fatti tal-każ kienu tali li ma kienux jeħtieġ li tintbgħat request for information.
Dawn kienu jikkonċernaw is-swieq tal-enerġija, transport, parkeġġ, ambjent, benessere tal-persuna, edukazzjoni u
stationery
.
Uffiċċju għall-Kompetizzjoni – każijiet li għamlu ilmenti jew laqgħa u wara ma wrewx interess
Question
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 30451 fejn qalet kien hemm disa’ (9) każijiet li wara li l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni kien kiteb lil min għamel l-ilment jew għamel laqgħa dan ma weriex interess aktar, għal kull każ tista’ l-Ministru tgħid:
meta dawn l-ilmenti ġew sottomessi,
meta l-Uffiċċju kiteb il-persuna konċernata fuq il-każ, u
meta saret il-laqgħa?
Tista’ tgħid jekk il-persuni konċernati tawx spjega il-għaliex ma komplewx juru interess?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li l-ilmenti u d-data meta l-Uffiċċju kkuntattja lill- persuna kkonċernata kien kif ġej:
Data tal-ilment
Data meta l-persuna ġiet ikkuntattjata
07/01/2012
05/03/2015
11/05/2012
13/09/2013
28/08/2013
07/10/2013
05/06/2014
29/07/2014
31/10/2015
04/11/2015
30/03/2011
09/06/2015
13/01/2009
07/11/2011
24/01/2006
09/06/2011
15/07/2011
18/08/2011
M’hux f’kull każ inagħtat spjegazzjoni.
Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur – każijiet li ġew riżolti permezz ta’ parir
Question
Minn meta twaqqfet l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur sal-ġurnata li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, tista’ l-Ministru tgħid, sena b’sena, kemm kien hemm każijiet li ġew riżolti permezz ta’ parir (advocacy) taħt l-Artikolu 14 tal-Att dwar l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni se tingħata f'xi seduta oħra.
Kunsill għall-Affarijiet tal-konsumatur – chairman — European consumer summit
Question
B’referenza għat-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari 28534, 29140, u 29153, tista’ l-Ministru tikkonferma li ċ-Chairman tal-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur fl-2015 attenda l-European Consumer Summit, u waqt din il-laqgħa ta’ jumejn ma għamel ebda intervent u dan kollu ġie jiswa €1140.8?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li ċ-Chairperson tal-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur kien attenda Il-European Consumer Summit f’2015 u ma kien għamel ebda intervent f’dawk il-jumejn. L-importanza li wieħed jattendi għal dawn is-summits ma jitkejjilx biss abazi ta’ interventi li jsiru.
Uffiċċju għall-Kompetizzjoni – każijiet li għamlu ilmenti jew laqgħa u wara ma wrewx interess
Question
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 30451 peress li l-Ministru indikat li kien hemm disa’ (9) każijiet li wara li l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni kien kiteb lil min għamel l-ilment jew għamel laqgħa ntwera li ma kienx hemm aktar interess tista’ tgħid, għal kull każ, meta dawn il-każijiet ġew reġistrati mal-Uffiċċju, meta l-Uffiċċju kiteb lil min għamel l-ilment jew meta saru l-laqgħat imsemmija? Tista’ tgħid x’kienet in-natura tal-ilment imressaq quddiem l-Uffiċċju?
Response (DALLI, HELENA)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li nagħtat għal-mistoqsija parlamentari 30865. Rigward in-natura tal-ilment dawn kienu fuq allegat abbuż minn pożizzjoni dominanti.
Uffiċċju għall-Kompetizzjoni – każijiet li l-kwistjoni ġiet solvuta
Question
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 30451 peress li l-Ministru indikat li kien hemm tliet (3) każijiet li l-kwistjoni ġiet solvuta bejn il-partijiet, tista’ l-Ministru tgħid meta kull każ ġie reġistrat mal-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni u meta kull każ ġie riżolt? Għal kull każ tista’ tgħid liema artikolu tal-Att tal-Kompetizzjoni dawn il-każijiet kienu jikkonċernaw?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li t-tliet każijiet ġew irreġistrati nhar il-5 ta’ Lulju 2013, il-15 ta’ Mejju 2014 u nhar it-23 ta’ Marzu 2015 u l-Uffiċċju ġie nfurmat li l-każijiet ġew riżolti bejn il-partijiet nhar id-9 ta’ Gunju 2015, 8 ta’ Jannar 2015 u 6 ta’ Awissu 2015 rispettivament. Żewġ każijiet kienu jikkonċernaw allegat ksur tal-artiklu 9 u ieħor allegat ksur ta’ Artiklu 5 u 9 tal-Att dwar il-Kompetizzjoni.
Uffiċċju għall-Kompetizzjoni – każijiet li ma jaqgħux taħt il-liġi tal-konċentrazzjonijiet
Question
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 30451 peress li l-Ministru indikat li kien hemm żewġ (2) każijiet li wara li l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni għamel l-analiżi neċessarja nstab li ma jaqgħux taħt il-liġi tal-konċentrazzjonijiet, tista’ l-Ministru tgħid, għal kull każ, meta dawn daħlu l-Uffiċċju u kemm ittieħed żmien biex issir din l-analiżi?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li l-Uffiċċju ġie notifikat nhar is-6 ta’ Gunju 2015 u nhar l-20 ta’ Novembru 2015 u l-Uffiċċju nforma lill-partijiet li l-konċentrazzjonijiet ma jaqgħux taħt ir-Regolamenti dwar il-Kontroll ta’ Konċentrazzjonijiet nhar is-7 ta’ Lulju 2015 u nhar il-15 ta’ Dicembru 2015 rispettivament.
Reġistru tat-Tribunal għal Talbiet ta’ Konsumaturi
Question
Tista’ l-Ministru tgħid fejn jinsab ir-Reġistru tat-Tribunal għal Talbiet ta’ Konsumaturi bħalissa u fejn jinsabu r-Records tad-deċiżjonijiet li ttieħdu minn dan it-Tribunal? Tista’ tikkonferma li f’dan ir-Reġistru jinsabu r-records tal-każijiet kollha minn mindu twaqqaf it-Tribunal sal-ġurnata li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li r-Reġistru tat-Tribunal qiegħed fis-sede tat-Tribunal stess fejn anke jinżammu l-files attwali u ta’ dawn l-aħħar snin. Files inqas reċenti qed jinżammu fl-uffiċċji ta’ Mizzi House, il-Blata l-Bajda temporanjament minħabba nuqqas ta’ spazju.