Awtorità tax-Xandir – lista ta’ tenders u kuntratti
Question
Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ tenders u kuntratti ta’ xiri u kiri li ngħataw mill-Awtorità tax-Xandir? X’inxtara u x’inkera? Liema minnhom ingħataw b’direct order? Kemm kien il-valur ta’ kull tender li ngħata?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jindika għal liema perijodu qed jirreferi.
Wara li ġie rrapurtat li ċ-Chairperson tal-Awtorità tax-Xandir qalet li l-maġġoranza tal-ħaddiema tal-Awtorità tax-Xandir huma żejda, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux jagħti piż lil din id-dikjarazzjoni u jekk hux se jaġixxi fuq din id-dikjarazzjoni?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lil-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Wara li l-impjegati tal-Awtorità tax-Xandir kitbu lill-Prim Ministru dwar intimidazzjoni u bullying fuqhom miċ-Chairperson tal-Awtorità tax-Xandir u wara li qed iqumu dubji serji dwar il-kompetenzi tal-persuna maħtura biex tmexxi din l-Awtorità, jista’ l-Ministru jgħid x’laqgħat saru mal-ħaddiema dwar dan il-każ? X’passi se jittieħdu?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lil-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-ftehim eżistenti għas-sigurtà fil-Korsa tal-Marsa bejn il-pulizija u l-Malta Racing Club? Kemm ikun hemm pulizija waqt it-tiġrijiet? Kemm minnhom jitħallsu mill-Malta Racing Club u kemm jitħallsu mill-Korp?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat li, waqt illi s-sigurta` fil-korsa tal-Marsa hija responsabilita` tal-Pulizija, ma jeżisti l-ebda ftehim għal dan il-għan bejn il-Pulizija u l-Malta Racing Club. L-ammont ta’ pulizja li jkunu preżenti waqt it-tiġrijiet jiġi deċiz abbażi ta' assessment illi jsir dwar it-tiġrijiet jew attivitajiet li jkunu ser isiru, li fost elementi oħra jinkludi l-kobor u l-importanza tal-avveniment. Waqt dawn l-attivitajiet numru ta' uffiċċjali li jkunu preżenti jitħallsu mill-Korp waqt illi ammont ieħor jitħallsu bħala extra duty mill-Malta Racing Club. Hemm drabi fejn minħabba attivitajiet oħra li jkollu l-Korp fi bnadi oħra, numru ta' pulizija li jkunu extra duty jkollhom jiżdiedu u meta dan jiġri il-ħlas tagħhom isir mill-Malta Racing Club.
Jista’ l-Ministru jgħid minn liema għases jew units jittieħdu l-pulizija li jkunu xogħol waqt il-meetings tat-tiġrijiet taż-żwiemel fil-Korsa tal-Marsa?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat li, l-korsa tal-Marsa tinsab fil-konfini tad-distrett tal-Pulizija ta' Ħal Qormi. Għaldaqstant il-pulizija dettaljati waqt it-tiġrijiet taż-żwiemel ikunu dawk illi jagħmlu għassa f’dan id-distrett. Madankollu, kif inhi l-prassi f'kull attivita` fejn is-servizz tal-pulizija jkun meħtieġ, meta id-daqs jew l-importanza tal-attivita` tkun tali li il-ħtieġa ta' aktar pulizija tkun neċessarja, dawn ikunu dettaljati minn distretti jew sezzjonijiet oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il Youth Activity Center għandha miftuħa l-Aġenzija Żgħażagħ madwar Malta u Għawdex? F'liema lokalitajiet huma? Meta nfetħu?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li bħalissa Aġenzija Żgħażagħ għandha żewġ Youth Activity Centres li qegħdin f’Marsaxlokk u Ħad-Dingli. Infurmat li Villa Psaigon, Ħad-Dingli reġa’ infetaħ fid-9 ta’ Ġunju 2012 filwaqt li ta’ Marsaxlokk kien diġà miftuħ qabel m’għadda taħt ir-responsabbiltà tal-Aġenzija Żgħażagħ.
Fid-dawl tal-mewġa ta’ serq u kriminalità li għaddejja f’Ħal Qormi u l-ilmenti tal-pulizija li m’għandhomx biżżejjed riżorsi biex jaħdmu, jista’ l-Ministru jgħid x’nuqqas ta’ riżorsi umani hemm fl-għassa ta’ Ħal Qormi u kif qed jaħseb li jirrimedja dan in-nuqqas? Jista’ jikkonferma li fid-distrett hemm tal-anqas spettur anqas milli suppost? Jista’ jikkonferma li fil-weekend qed jittieħdu pulizija minn Ħal Qormi biex jintbagħtu Paceville u biex jagħmlu fixed points? Jista’ jgħid kemm suppost ikun hemm uffiċjali fl-għassa ta’ Ħal Qormi u b’kemm anqas fil-fatt qed jispiċċaw, meta l-mewġa tas-serq qed tikber u meta l-pulizija ta’ Ħal Qormi ġieli qed ikollhom ikopru area mill-Imrieħel sa Lapsi?
Response (ABELA, CARMELO)
Qabel xejn nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-istatistika` ma turix dak li qed jallega fil-bidu tal-mistoqsija tiegħu. Minkejja dan, il-Pulizija ta’ Ħal Qormi qed tagħmel l- isforzi kollha biex trażżan kull tip ta’ reat inkluż is-serq minn din il-lokalita`u f’dawn l-aħħar xhur kien hemm persuni li tressqu l-Qorti akkużati b'reati relatati ma’ serq.
Rigward l-Ispetturi fil-preżent hemm numru ta’ spetturi li se jiġu maħtura ħalli l-Korp ikollu aktar riżorsi umani f’dan ir-rank partikolari.
Infurmat ukoll illi meta l-esiġenzi tas-servizz jiddettaw hekk, xi Pulizija jittieħdu Paceville fi tmiem il-ġimgħa u li jagħmlu xi fixed point duties ukoll.
Ħal Qormi — Għassa tal-Pulizija – riżorsi materjali allokati
Question
Fid-dawl tal-mewġa ta’ serq u kriminalità li għaddejja f’Ħal Qormi u l-ilmenti tal-pulizija li m’għandhomx biżżejjed riżorsi biex jaħdmu, jista’ l-Ministru jgħid x’nuqqas ta’ riżorsi materjali hemm allokati għall-għassa ta’ Ħal Qormi? Il-Ministru kif qed jaħseb li ser jirrimedja dan in-nuqqas? Jista’ jgħid jekk hux minnu li l-pulizija qed jaħdmu b’karozza li l-gear tagħha ma jidħolx?
Response (ABELA, CARMELO)
Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 31444, inżid ngħid illi taħt din l-amministrazzjoni l-karozzi għall-pulizija żdiedu.
Dwar din il-vettura partikolari, ninsab infurmat illi diġa ġiet imsewwija.
Jista’ l-Ministru jgħid kif ir-risposta li ta l-istess Ministru fil-Parlament li d-distrett tal-pulizija li jinkludi s-Siġġiewi huwa l-anqas distrett li għandu pulizija assenjati miegħu, jinkwadrax fil-policy tal-ġlieda kontra l-mewġa ta’ kriminalità dejjem tikber? Jista’ jgħid kemm-il darba l-għassa tal-pulizija tas-Siġġiewi qed tkun magħluqa jew mingħajr pulizija?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat li, kif diġa kelli l-opportunita` nwieġeb, id-Distrett tal-Pulizija li miegħu jinkludi is-Siġġiewi għandu riżorsi li huma bbażati skont l-esiġenzi tal-lokal, għalkemm żieda fin-numru ta’ uffiċċjali jista’ jiġi kkunsidrat f’dan id-distrett, jekk l-eziġenzi hekk jitolbu.
Barra minn dan, tajjeb li ngħid illi dak li qed jallega l-Onorevoli Interpellant, li fil-lokalita` tas-Siġġiewi kien hemm xi żieda ta’ kriminalita` mhux minnu skont l-istatistika li ġejt mogħti. Jekk għandu xi figuri li juru l-kontra, nitolbu li jgħaddihomli.
Ħal Qormi – Triq il-Vitorja – karozzi tal-linja jgħaddu mimlija
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 28050 li kienet titlob lill-Ministru jara għaliex il-karozzi tal-linja li jgħaddu minn Triq il-Vitorja, Ħal Qormi, speċjalment f'peak hours, qed jgħaddu minn Ħal Qormi diġà mimlija u/jew mingħajr seats vojta biex wieħed ipoġġi bilqiegħda, u b’referenza għat-tweġiba tal-istess Ministru li Transport Malta se tkun qed tinvestiga biex tirrimedja fejn possibbli u wara li jidher li l-problema għadha spiss l-istess, jista’ l-Ministru jgħid meta u kif se jirrimedja s-sitwazzjoni fl-interess tar-residenti Qriema?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-aħħar stħarriġ li sar minn diversi bus stops mill-lokalità ta’ Ħal Qormi, liema stħarriġ sar bejn it-tlettax u s-sbatax kif ukoll bejn l-għoxrin u l-erbgħa u għoxrin ta’ Frar 2017, jiġifieri fuq medda ta’ ġimgħatejn, kien hemm ġurnata waħda biss fejn xi passiġġieri ma’ ttellawx fuq il-karozza tal-linja minħabba li kienet mimlija. Dawn il-passiġġieri telgħu fuq il-karrozza tal-linja li kien imiss.
Ninsab infurmat ukoll li Transport Malta ħa tkun qed tkompli bil-moniteraġġ fuq is-servizz tat-trasport pubbliku minn din il-lokalità.
Pulizija — Extra duty on payment fil-Korsa taż-Żwiemel tal-Marsa
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-Pulizija li jaħdmu extra duty on payment fil-korsa taż-żwiemel tal-Marsa ilhom ma jitħallsu minn Ġunju 2016? Min mhux fil-fatt iħallas, il-Marsa Racing Club jew huwa l-korp stess li qed iżomm dawn il-ħlasijiet b'lura? Kemm hemm pulizija li għandhom jitħallsu u kemm għandhom jitħallsu? Meta fil-fatt se jitħallsu?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li, l-ħlas tal-extra duty on payment għall-perjodu bejn Ġunju 2016 sa Diċembru 2016 tħallas mas-salarju ta’ Frar 2017.
SportMalta – ħsarat fil-Qormi Sports and Fitness Park
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kunsill Malti għall-Isport/SportMalta hux konxju mit-telqa u l-ħsarat li hemm fil-Qormi Sports & Fitness Park fi Triq Manwel Dimech/Triq l-Imdina, Ħal Qormi, fosthom gates imkissrin u ħofor fis-safety tiles? Peress li dawn il-ħsarat mhumiex sempliċiment xhieda ta’ telqa u traskuraġni iżda huma wkoll ta’ periklu għas-saħħa u s-sigurtà tat-tfal u ż-żgħażagħ li jiffrekwentawhom, jista’ jgħid meta se ssir l-manutenzjoni neċessarja?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li mhux minnu li l-outdoor gym ta' Ħal Qormi huwa fi stat ta' telqa u traskuraġni kif jixhdu r-ritratti li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra u li ttieħdu jumejn wara li saret din il-mistoqsija. Infurmat ukoll li l-manutenzjoni fl-outdoor gym ta’ Ħal Qormi hija waħda kontinwa bħal dik tal-outdoor gym ta’ Ta Qali. SportMalta tista’ tikkonferma li ma hemm l-ebda telqa u periklu f’dan l-outdoor gym. Sa mill-2012 il-KMS kien impjega ħaddiem li x-xogħol tiegħu hu li jagħmel manutenzjoni f’dawn il-faċilitajiet tant li ġie mogħti allowance biex minn Assistant Maintenance jilħaq is-salarju ta’ Maintenance Officer. Dan il-ħaddiem għadu jagħmel xogħlu sal-lum. Fl-istess waqt issir spezzjoni ta’ dawn l-istess faċilitajiet mill-management darba kull ġimgħatejn.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kunsill Malti għall-Isport/SportMalta hux konxju mit-telqa u l-ħsarat li hemm fl-Outdoor Gym f Ta’ Qali, peress li dawn il-ħsarat mhumiex sempliċiment xhieda ta’ telqa u traskuraġni iżda huma wkoll ta’ periklu għas-saħħa u s-sigurtà tat-tfal, iż-żgħażagħ u l-adulti li jiffrekwentawhom? Jista’ jgħid meta se ssir il-manutenzjoni neċessarja?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li SportMalta għamlet bosta sight inspections fl-outdoor gym f’Ta’ Qali. Dan isir b’mod regolari. Minħabba l-elementi l-art tar-rubber sofriet ħsarat. Infurmat li l-kuntrattur ser jerġa’ jirranġa din l-art sa din il-gimgħa.
Rigward il-manutenzjoni, fl-aħħar xhur saru interventi fuq erba’ magni u ż-żewġ roti. Dawn ġew maqlugħa minn posthom, ittieħdu fil-kumpless ta’ Ħal Kirkop u l-Pixxina Nazzjonali u saru interventi fuqhom fejn ġew imnaddfa mis-sadid, mibdula biċċiet tal-ħadid u reġgħu ġew imwaħħla fi żmien erba’ ġimgħat. Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra ritratti li jixhdu dawn l-interventi. Infurmat ukoll li fl-istess ħin SportMalta qegħdin f’kuntatt mal-fornituri barranin rigward il-garanzija fuq dan l-apparat.
SportMalta – manutenzjoni regolari fl-Outdoor Gym ta’ Ta’ Qali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kunsill Malti għall-Isport/SportMalta hux iwettaq programm ta’ manutenzjoni regolari fl-Outdoor Gym f Ta’ Qali? Min qed jieħu ħsieb din il-manutenzjoni? Kull meta ssir il-manutenzjoni? X’manutenzjoni saret fuq il-post mill-2013 sal-lum? Kemm swiet?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat minn SportMalta li fl-outdoor gym f’Ta’ Qali issir manutenzjoni b’mod regolari. Il-magni li hemm installati diġà sarilhom intervent ta’ manutenzjoni u bħalissa reġgħu inqalgħu ftit magni oħra sabiex jiġi deċiż jekk għandhomx jiġu rranġati jew mibdula. Sa mill-2012 il-KMS kien impjega ħaddiem li x-xogħol tiegħu hu li jagħmel manutenzjoni f’dawn il-faċilitajiet tant li ġie mogħti allowance biex minn Assistant Maintenance jilħaq is-salarju ta’ Maintenance Officer. Dan il-ħaddiem għadu jagħmel xogħlu sal-lum. Fl-istess waqt issir spezzjoni ta’ dawn l-istess faċilitajiet mill-management darba kull ġimgħatejn.
Il-manutenzjoni swiet lil SportMalta hekk:
2013 €4,463.93
2014/15 €800
2016 €3,285
Dawn iċ-ċifri ma jinkludux xiri ta’ materjal bħal żejt u żebgħa li jinxtara minn darba għall-oħra biex issir il-manutenzjoni regolari.
Infurmat ukoll li matul din is-sena s'issa ntefqu madwar €4,500 li jinkludu tiswijiet fuq l-art tar-rubber.
Sport Malta – manutenzjoni tal-Adventure Park High Ropes f’Ta’ Qali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kunsill Malti għall-Isport/SportMalta hux iwettaq programm ta’ manutenzjoni regolari fl-Adventure Park High Ropes f’Ta’ Qali? Jista’ jgħid kif u minn min qed jitmexxa l-Adventure Park High Ropes ta’ Ta’ Qali u kif? Kull meta qed ikun miftuħ? Min qed jużah?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-adventure park high ropes bħalissa huwa magħluq u fiż-żmien li ġej ser tinħareġ espressjoni ta’ interess biex jiġi amministrat mal-privat. Fil-pjan strateġiku biex tiġi salvata dak iż-żmien il-KMS, l-entità ma kinetx tiflaħ spiża ta’ €630 pagi biss fil-ġimgħa minbarra spejjeż oħra biex tmexxih. Dan il-proġett qatt ma kellu l-intenzjoni li jkun b’xejn u d-deċiżjoni li jingħata b’xejn fil-weekends biss ma kinetx sostenibbli.
Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur — ilmenti li jsiru minn konsumaturi fuq il-ġurnali
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur isegwix l-ilmenti li jsiru minn konsumaturi fuq il-ġurnali? Jekk dan ma jsirx, tista’ l-Ministru tispjega għalfejn dan ma jsirx?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur isegwi kull ma jkun hemm fil-ġurnali u fejn ikun il-każ jieħu passi kif meħtieġ.
Uffiċċju għall-Kompetizzjoni — Regolamenti dwar il-Kontroll ta’ Konċentrazzjonijiet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid, minn mindu daħlu fis-seħħ ir-regolamenti dwar il-Kontroll ta’ Konċentrazzjonijiet permezz ta’ Avviż Legali 294 tal-2002 u kif sussegwentement emendat, kemm, sena b’sena, l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni ħareġ deċiżjonijiet f’dan ir-rigward u liema setturi tal-ekonomija dawn kienu jikkonċernaw?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni ma għandux statistika ta' kemm ħareġ deċiżjonijiet minn mindu daħlu fis-seħħ ir-regolamenti dwar il-Kontroll ta’ Konċentrazzjonijiet permezz ta’ Avviż Legali 294 tal-2002.
Nirreferi lill-Onor. Interpallant għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 30594 fejn hemm in-numru ta' deċiżjonijiet li ħareg l-Uffiċċju sena b'sena minn meta saru l-emendi fl-2011.
Is-setturi tal-ekonomija konċernati kienu dawk tal-manifattura u l-industrija tas-servizzi.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm ċirkostanzi, minn Marzu 2013 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, fejn id-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni), wara li jkun notifikat minn qabel dwar konċentrazzjoni u wara l-valutazzjoni tas-suq konċernat li d-Direttur Ġenerali jkun għamel, ħareġ deċiżjoni fejn m’approvax dik il-konċentrazzjoni notifikata? Jekk kien il-każ, tista’ l-Ministru tgħid meta kien dan?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li ma kienx hemm ċirkostanzi fejn id-Direttur Ġenerali ħareġ deċiżjoni fejn m’approvax il-konċentrazzjoni notifikata.
Malta Competition and Consumer Affairs Authority – ingaġġ ta’ impjegati ġodda
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġew ingaġġati impjegati ġodda mal-Malta Competition and Consumer Affairs Authority, xahar b’xahar, minn Jannar 2013 sal-lum? Tista’ tgħid kemm u liema minnhom ġew ingaġġati wara sejħa pubblika u kemm iddaħħlu fuq bażi ta’ xi forma ta’ fiduċja mingħajr sejħa pubblika?
Response (DALLI, HELENA)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Malta Competition and Consumer Affairs Authority – ingaġġ ta’ impjegati ġodda
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm huma, liema huma u xi gradi huma l-pożizzjonijiet fi ħdan il-Malta Competition and Consumer Affairs Authority li ġew mimlija permezz ta’ ingaġġ ġdid minn Jannar 2013 sal-lum? Tista’ tgħid kemm u liema minnhom ġew ingaġġati wara sejħa pubblika u kemm iddaħħlu fuq bażi ta’ xi forma ta’ fiduċja mingħajr sejħa pubblika? F’kull każ, tista’ telenka l-kwalifiki ta’ kull persuna li qed tokkupa dawn il-karigi? F’kull każ, tista’ tgħid mil-liema lokalità ġejjin l-individwi li mlew dawn il-karigi? F’kull każ, tista’ tgħid x’inhu l-pakkett ta’ salarju u perkaċċi marbut ma’ kull pożizzjoni?
Response (DALLI, HELENA)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba li tista' tingħata.